Risposta għall-artiklu “Telqa fi Ġnien Sant’Anna f’Wied il-Għajn”
minn Josef Grech, Segretarju Eżekuttiv
Nirreferi għall-artiklu li deher fil-ġurnal tiegħek datat 14 ta’ Mejju, 2015. Nixtieq nikkumenta li l-impressjoni li ngħatat minn dan ir-resident anonimu ta’ telqa fil-Ġnien Sant’Anna ma tirreflettiex ir-realtà. Il-Kunsill jieħu ħsieb dan il-ġnien fuq bażi regolari u dan il-ġnien jinsab maħrut, miżbur u mimli fjuri u bankijiet.
Il-funtana u l-girna fil-fatt diġà tnaddfu. Il-kunsillier li joqgħod fil-viċinanza għandu interess speċjali f’dak il-ġnien għax kemm il-funtana kif ukoll il-girna nbnew meta huwa kien Sindku u żgur li ma jixtieqx jara lil dawn iż-żewġ strutturi abbandunati. Fil-fatt kien preżenti waqt ix-xogħolijiet ta tindif u manutenzjoni.
Il-Kunsill jagħmel l-almu tiegħu biex iżomm il-ġonna kollha fi stat sabiħ imma nixtiequ li l-pubbliku japprezza iktar u jibża’ għall-affarijiet li jsiru b’tant sagrifiċċju.