
Sentenzi tal-mewt ‘bil-moħbi’ f’pajjiżna
minn Patri Franco Fenech, Kappillan tal-FaĊilità Korrettiva ta’ Kordin

Min isir jaf li l-Papa Franġisku tkellem u kkundanna l-piena tal-mewt, żgur li ma jieħux xi sorpriża kbira. Il-Knisja ilha snin titkellem u tikkundanna l-piena tal-mewt, tant li llum huma ħafna inqas il-pajjiżi li għadhom japplikaw din il-piena. Propju fiż-żjara li l-Papa Franġisku għadu kif għamel ġewwa l-Istati Uniti, huwa reġa’ għamel appelli qawwija sabiex tiġi abolita l-piena tal-mewt, mhux biss fl-Istati Uniti stess imma fuq livell globali. Huwa saħaq li: “every life is sacred, every human person is endowed with inalienable dignity.” Il-Papa għamel appell qawwi propju l-Ħamis 24 ta’ Settembru ta’ din is-sena fejn qal li huwa jrid jara: “global abolition of the death penalty.”
Iżda jekk dan l-appell qawwi u mqanqal tal-Papa Franġisku, ma jissorprendiniex, żgur li jissorprendina l-fatt li l-Papa joħroġ jitkellem b’qawwa kbira kontra l-piena tal-għomor il-ħabs. Din hija xi ħaġa li poġġietu fuq nett fir-rapportaġġg tal-media kollha! Dan l-appell tal-Papa ma kienx l-ewwel wieħed li għamel f’dan ir-rigward, imma diġà kien tkellem fit-22 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra meta huwa kien qiegħed jindirizza lill-Assoċjazzjoni tal-Liġi Penali. Huwa ħeġġeġ lill-“persuni kollha ta’ rieda tajba” biex jiġġieldu bis-sħiħ il-piena tal-mewt u t-titjib fil-kundizzjoni tal-ħabsijiet.
Fl-ittra, il-Papa Frangisku jgħid, “Għalhekk, dawk li huma Kristjani, flimkien ma’ kull persuna ta’ rieda tajba, huma msejħa llum biex jiġġieldu, mhux biss għall-projbizzjoni tal-piena tal-mewt, sew jekk legali u sew jekk le, u f’kull forma tagħha, imma wkoll biex jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet b’mod li jirriflettu u jirrispettaw id-dinjità tal-persuni li huma mċaħħda mil-libertà. Ma’ dawn, jiena ngħaqqad ukoll is-sentenza tal-għomor il-ħabs. Fl-istat tal-Vatikan, minn ftit żmien ilu, ma teżistix iżjed is-sentenza għall-għomor fil-Kodiċi Penali. Is-sentenza għall-għomor hija sentenza tal-mewt moħbija.” Issa wkoll fiż-żjara li l-Papa għamel ġewwa l-Istati Uniti, ma tilifx l-opportunità biex jitkellem dwar il-piena tal-għomor il-ħabs. Huwa jgħid, “This involves committing convicted prisoners essentially to remain behind bars for the rest of their natural life.” Il-Papa qal li huwa kontra l-piena tal-għomor il-ħabs għaliex, “it removed all hope from the prisoner. A just and necessary punishment must never exclude the dimension of hope and the goal of rehabilitation.” Inżommu f’moħħna li l-Istati Uniti hija l-uniku pajjiż li għadhom jagħtu s-sentenza tal-għomor anki lil żgħażagħ taħt it-18-il sena u bħalissa, hemm madwar 2,500 persuna li qed jiskontaw sentenzi ta’ reati li wettquhom meta kienu għadhom tfal taht l-età.
Jeremy Bamber li fl-1985 ġie akkuzat u kkundannat għal għomru l-ħabs fuq il-qtil ta’ membri tal-familja tiegħu stess, juri qbil ma’ dak li qal il-Papa Franġisku. Huwa jpoġġi dak li qal il-Papa Franġisku fi kliem ieħor, “Jekk fl-istat jixtiequ li jkollhom il-piena tal-mewt, allura aħjar ikunu onesti u jintroduċu mill-ġdid it-tgħalliq.” B’dan il-kliem, bħal donnu ried jgħid li l-għomor il-ħabs huwa mod kif toqtol il-persuna bil-pulit. Huwa ġustament jikkummenta li l-għomor il-ħabs huwa f’kontradizzjoni mal-idea li l-ħabs huwa post ta’ riforma, għax sentenza ta’ għomor il-ħabs tiċħad lill-persuna kull possibilità ta’ redenzjoni.
Ġewwa pajjiżna, l-aħħar eżekuzzjoni tal-mewt saret fil-5 ta’ Mejju 1943 u l-aħħar kundanna tal-mewt kienet fl-1 ta’ Ottubru 1963. Minn dak iż-żmien, il-ħabs ta’ Kordin beda wkoll jissejjaħ Facilità Korrettiva. Dawk li kienu Gwardjani, issa bdew jissejħu Uffiċjali Korrettivi. Ix-xogħol tal-uffiċjal korrettiv, mhuwiex iżjed is-sigurtà u d-dixxiplina biss, iżda wkoll li jipprovdi taħriġ bażiku lir-residenti bħala parti mir-riforma tagħhom. Il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, fid-diskors tiegħu waqt il-pass out ta’ 64 Uffiċjal ġdid għall-Faċilità Korrettiva, nhar it-13 ta’ Frar li għadda qal, “Ilna nużaw il-kelma Faċilità Korrettiva għal numru ta’ snin, iżda rridu wkoll l-uffiċjali jkunu wkoll Uffiċjali Korrettivi. Allura rridu nenfasizzaw aktar fuq il-ħtieġa li mhux sempliċiment inżommu persuni li jiżbaljaw ġewwa l-Facilità, imma rridu ntuhom it-taħrig u skills biex finalment iħallsu tal-iżball tagħhom imma joħorġu persuni aħjar.” Iżda rridu niftakru li f’pajjiżna wkoll għad għandna persuni li ‘bil-moħbi’ jingħataw sentenza għall-mewt għaliex jingħataw is-sentenza tal-għomor. Fil-fatt, ġewwa pajjiżna bħalissa għandna 15-il persuna b’din is-sentenza. L-għomor il-ħabs, għall-kuntrarju ta’ dak li jaħsbu xi wħud, ifisser sentenza twila sal-mewt tal-priġunier.
Jiena ningħaqad mal-Papa Franġisku u nagħmel appell biex l-awtoritajiet ta’ pajjiżna, jikkunsidraw sentenzi alternattivi li jkunu konformi mal-isem li bih qed jissejjaħ il-habs, coè dak ta’ Facilità Korrettiva. Sentenzi li, kif qal il-Papa nnifsu, ma joqtlux it-tama fil-persuni u għalhekk jinċentivawhom biex jaħdmu għar-riabilitazzjoni tagħhom infushom u l-ġid tas-socjetà. Nagħlaq bil-kliem tal-Papa Franġisku stess, “society can only benefit from the rehabilitation of those convicted of crimes.”