Min irid jitgħallem, għandu jiftaħ għajnejh
minn Joe Ellis
Din il-ġimgħa ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta li l-gvern Ingliż nieda dwar il-gwerra fl-Iraq. L-inkjesta mmexxija minn Sir John Chilcot u magħmula minn numru ta’ membri tal-Privy Council ġiet imwaqqfa mill-Prim Ministru Gordon Brown fil-15 ta’ Ġunju 2009. Wara seba’ snin u nefqa ta’ £9m, l-inkjesta Chilcot ħarġet rapport ta’ 2.6 miljun kelma b’Sommarju Eżekuttiv ta’ 150 paġna u 12-il volum ta’ xhieda, konstatazzjonijiet u konklużjonijiet. Il-ġudizzju fuq l-operat tal-Prim Ministru Tony Blair kien mill-aktar negattiv. L-inkjesta kkonkludiet li l-invażjoni tal-Iraq setgħet tiġi evitata, intużat intelliġenza żbaljata jekk mhux manipulata u li ma sarux l-isforzi diplomatiċi kollha sabiex tiġi evitata l-invażjoni tal-Iraq.
L-inkjesta sabet ukoll li l-allegazzjoni li l-Iraq kellu armi tal-qerda tal-massa li setgħu jintużaw kontra r-Renju Unit kienet fantasija għax l-Iraq ma kien tal-ebda theddida għar-Renju Unit. Ikkonkludiet ukoll li l-Gvern tar-Renju Unit esaġera l-influwenza li setgħa jeżerċita fuq l-Amerikani, li l-preparazzjonijiet għall-gwerra ma kinux adekwati u li s-suldati Brittaniċi kellhom jaċċettaw arranġament umiljanti ma’ milizjani f’Basra sabiex jevitaw li jiġu attakkati. Forsi waħda mill-aktar konklużjonijiet negattivi dwar l-operat tal-gvern tar-Renju Unit kienet li d-destabilizzazzjoni tal-Iraq kienet prevedibbli u wieħed seta’ jantiċipa li kemm Al-Qaeda kif ukoll l-Iran kienu se jippruvaw jimlew il-vojt li t-tneħħija ta’ Saddam Ħussein kienet se toħloq.
Ir-rapport fuq kollox juri l-isforzi li saru mill-Gvern tar-Renju Unit biex ipinġi l-invażjoni bħala leġittima għalkemm ma kienx hemm riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda f’dan is-sens. L-Avukat Ġenerali Lord Goldsmith kien biddel il-parir oriġinali tiegħu li kienet meħtieġa risoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda sabiex tiġġustifika l-invażjoni tal-Iraq. Jidher li din il-bidla ġrat wara pressjoni konsiderevoli anke da parti tal-Amerikani imma l-aktar mill-Uffiċju tal-Prim Ministru.
L-inkjesta stabbiliet ukoll li l-mexxejja tas-servizzi sigrieti tar-Renju Unit ma qdewx dmirijiethom sew u li r-rapporti li kienu jipproduċu kienu bbażati fuq assunzjonijiet żbaljati u b’informazzjoni xejn ċerta. Ħareġ ċar ukoll li d-direttur tal-Kommunikazzjonijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Alastair Campbell kellu rwol ċentrali fl-orkestrazzjoni ta’ din il-kampanja medjatika. Għalkemm ma ġiex stabbilit li Tony Blair deliberatament gideb sabiex jiġġustifika l-invażjoni tal-Iraq, il-ġudizzju fuq Blair ma kien xejn pożittiv. Deher ċar li minħabba r-relazzjoni speċjali bejn l-Amerika u r-Renju Unit, Blair ikkommetta ruħu li r-Renju Unit tipparteċipa fl-invażjoni tal-Iraq ferm qabel l-invażjoni. Il-manuvri diplomatiċi kollha ta’ wara kienu intiżi sabiex jippreżentaw sembjanza ta’ leġittimità li fil-fatt qatt ma nkisbet.
Ir-riżultat tal-invażjoni tal-Iraq kulħadd jafhom. L-armi tal-qirda tal-massa baqgħu ma nstabux. Effettivament l-Iraqini kellhom raġun li ma kinux jeżistu imma Saddam kellu ftit tort li baqa’ jagħti l-impressjoni li jrid jaħbi xi ħaġa. Tant kellu biża tal-Iran li ma riedx juri ċar u tond li ma kellux armi sigrieti. L-intervent militari tar-Renju Unit sewa l-ħajja ta’ 179 suldat u £9.6 biljun li ċertament setgħu jintefqu aħjar.
L-intervent militari tar-Renju Unit sewa l-ħajja ta’ 179 suldat u £9.6 biljun li ċertament setgħu jintefqu aħjar
Verament l-inkjesta Chilcot ma stabbiliet xejn li ma kienx magħruf. Blair ġie skreditat totalment żmien twil ilu u llum igawdi ftit li xejn rispett. Anzi dan ir-rapport seta’ kien ferm agħar għalih kieku kkonkluda li kien gideb u daħaq bil-poplu tar-Renju Unit. L-inkjesta ma kkonkludietx hekk. Anzi hawn min jemmen li dan ir-rapport jista’ jwassal biex Blair jibda jirrijabilità ruħu. U ċertament Blair għad fadallu ħafna x’jikkontribwixxi lir-Renju Unit speċjalment wara l-vot favur il-Brexit.
Blair iddefenda l-aġir tiegħu bis-sħiħ u stqarr li d-dinja hija post aħjar mingħajr dittatur brutali bħal Saddam. Dan kollu hu minnu imma l-invażjoni tal-Iraq mill-Anglo-Amerikani ma ġietx ippreżentata bħala mod kif id-dinja teħles minn dittatur feroċi. Bernard Kouchner, wieħed mill-fundaturi ta’ Medecins sans Frontieres li wara sar ministru tal-affarijiet barranin franċiż taħt Sarkozy kien favur l-invażjoni tal-Iraq preċiżament minħabba dina r-raġuni. Kouchner argumenta favur intervent umanitarju da parti tal-kommunità internazzjonali meta jkun hemm tkasbir tad-drittijiet tal-bniedem. Imma Bush u Blair iġġustifikaw l-invażjoni tal-Iraq minħabba l-armi tal-qirda ta’ massa. Kieku argumentaw favur intervent umanitarju kien ikollhom jiġġustifikaw għala qed iħallu dittaturi oħra f’posthom bħall-familja dinastika tal-Korea ta’ Fuq.
Il-gwerra tal-Iraq kellha konsegwenzi kbar. L-Amerika u r-Renju Unit saru ferm aktar riluttanti jintervjenu militarment u bdew jagħtu aktar żmien lid-diplomazija sabiex tottjeni r-riżultati mixtieqa. Dan rajnih fil-kwistjoni mal-Iran dwar l-enerġija nukleari kif ukoll fis-Sirja fejn kemm l-Amerika kif ukoll ir-Renju Unit qagħdu lura minn intervent militari. Il-Parlament tar-Renju Unit fil-fatt ivvota kontra tali intervent u dan ċertament kien minħabba d-diżastru tal-kampanja iraqina. Skandli oħrajn fir-Renju Unit bħal dak tar-rimbors tal-ispejjeż tal-parlamentari kompla jkabbar id-distakk bejn il-politiċi u l-elettorat u witta t-triq għall-vot dwar il-Brexit.
L-impenn tar-Renju Unit f’żoni jaħarqu bħas-Sirja, l-Iraq u l-Libja illum jikkonsisti fl-intervent limitat ta’ forzi speċjali u kampanja mill-ajru, speċjalment bid-drones. Imma forsi l-akbar lezzjoni tal-invażjoni tal-Iraq għandha x’taqsam mal-mod kif jitmexxa l-pajjiż. Wara l-gwerra tal-Vjetnam (gwerra li Wilson irrifjuta li jidħol fiha minkejja r-relazzjoni speċjali mal-Amerika), il-Kungress Amerikan għadda l-War Powers Act biex iżomm il-president amerikan mli jidħol minn jeddu fi gwerra. Fir-Renju Unit, ir-Reġina fit-tejorija għandha l-prerogattiva li tiddikjara gwerra. Effettivament, huwa l-Prim Ministru li jeżerċita dina l-prerogattiva. Fit-tejorija, il-Prim Ministru m’għandhux jaġixxi mingħajr il-kunsens tal-Kabinett. Ir-rapport ta’ Chilcot juri li l-kabinett ma kellux l-informazzjoni kollha meħtieġa u li l-membri tal-Kabinett naqsu li jagħmlu l-mistoqsijiet li kellhom isiru speċjalment wara li l-Avukat-Ġenerali biddel l-opinjoni tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ risoluzzjoni oħra tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda qabel ma ssir l-invażjoni tal-Iraq.
Il-Parlament min-naħa tiegħu ma kienx effettiv sabiex jimblokka gvern determinat mli jmur għal gwerra minkejja n-nuqqas ta’ evidenza konkreta dwar armi tal-qirda ta’ massa.
Probabilment, din hi l-aktar lezzjoni mportanti tal-avventura Brittanika fl-Iraq, lezzjoni li hija mportanti għalina ukoll. Kif ċertament min isegwi din il-kolonna jaf, diversi drabi argumentajt li għandu jkun hemm ribilanċjar tar-rapport bejn l-eżekuttiv u l-parlament. Fis-sistema politika tagħna, l-eżekuttiv, il-gvern għandu wisq saħħa u dan għad-detriment tal-parlament. U l-gvern hu totalment iddominat mill-Prim Ministru li għandu f’idejh l-għażla tal-ministri.
Effettivament is-sistema anglo-sassona li adottajna anke f’pajjiżna hija presidenzjali imma mingħajr ix-xkiel li s-sistema amerikana tpoġġi fuq il-poteri presidenzjali. Il-president amerikan ċertament isibha aktar diffiċli jgħaddi l-liġijiet li jixtieq mill-Kungress mli prim ministru tar-Renju Unit jew ta’ Malta b’maġġoranza parlamentari solida. Ħafna drabi fis-sistema tagħna, deputat irid jew jaċċetta kollox jew inkella jinvoka l-opzjoni nukleari u ma jivvotax il-fiduċja.
F’pajjiżna wkoll il-Prim Ministru għandu poteri wesgħin wisq. Prattikament jaħtar il-President waħdu kif rajna meta l-grupp parlamentari nazzjonalista sar jaf dwar in-nomina ta’ George Abela minn storja fuq is-Sunday Times. U għandu diskrezzjoni assoluta fil-ħatra tal-Kummissarju Ewropew u tal-ministri. Kif rajna wkoll riċentament, minkejja l-opinjoni pubblika u d-dissens apert ta’ bosta ministri anzjani, il-Prim Ministru żamm lill-Ministru Konrad Mizzi għalkemm bidillu l-portafoll.
Żvilupp ferm negattiv fil-ħajja politika maltija huwa li d-deputati tal-gvern qed jispiċċaw jokkupaw karigi eżekuttivi u ta’ dan jitħallsu flejjes kbar. Dawn il-prattiċi jkomplu jdagħjfu l-indipendenza u s-saħħa tal-parlament. Bħalma r-Renju Unit spiċċa f’avventura militari diżastruża minħabba prim ministru li ddomina d-dibattitu pubbliku u ftit kienu l-vuċijiet li kkuntrastjawh, jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet żbaljati b’konsegwenzi ferm gravi jekk it-tmexxija ma tkunx kolleġjali, jekk il-prim ministru jkollu wisq poter u jekk il-parlament ikun ineffettiv fl-iskrutinju tiegħu tal-gvern.
Sfortunatament, nassistu għal wisq episodji fejn il-gvern jinjora l-parlament u b’hekk, l-istess elettorat. Din il-ġimgħa l-opposizzjoni nazzjonalista sejħet għall-pubblikazzjoni tal-kuntratt li permezz tiegħu Shanghai Electric xtrat terz tal-Enemalta u 90% tal-impjant tal-BWSC. Għaddew tmintax-il xahar u għadu ħadd ma jaf eżatt kif inbiegħu dawn l-assi strateġiċi tal-pajjiż. L-iskuża li tali pubblikazzjoni ma sarietx għal raġunijiet kummerċjali hija pjuttost fjakka għaliex Shanghai Electric indikat li m’hix kontra li jiġi ppubblikat il-kuntratt. Dan kollu fl-isfond t’allegazzjonijiet li l-Enemalta temporanjament reġgħet ħadet f’idejha l-operat tal-impjant tal-BWSC u qiegħda tħallas liċ-Ċiniżi għal dan.
Ftit ilu l-ministru tas-saħħa, Chris Fearne ħabbar li ser tibda t-transizzjoni sabiex l-isptarijiet ta’ Għawdex u ta’ San Luqa jgħaddu f’idejn kumpanija privata. Mill-ġdid mhux talli l-kuntratt taċ-ċens ma ġiex diskuss fil-Parlament, talli l-ministru Feane infurmana li l-kuntratt ser jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra wara l-vaganzi tas-sajf. Jista’ xi ħadd jispjega għala l-kuntratt ma ġiex ippubblikat issa imma rridu nistennew wara s-sajf? Intant qed joħorġu verżjonijiet konfliġġenti jekk din il-kumpanija privata li ħadd ma jaf eżatt minn hemm warajha tistax testendi ċ-ċens sa 99 sena wara l-ewwel 30 sena jew le.
Wieħed ma jistax iħoss li qiegħed igħix f’pajjiż demokratiku meta deċiżjonijiet ferm importanti jittieħdu wara dahar l-elettorat. Il-Kabinett u l-Parlament m’għandhomx jispiċċaw sempliċiment jittimbraw deċiżjoni li tkun ittieħdet xi mkien ieħor minn min għandu verament il-poter f’idejh. Kif rajna bl-istorja tal-invażjoni tal-Iraq, in-nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment jekk ikunu ta’ portata kbira, huma riċetta għal diżastru. Il-fatt li wieħed s’issa ġietu tajba ma jnaqqasx dan ir-riskju. Blair għamel żmien twil b’ħajja mirakolata qabel ma waqa’ daqshekk fil-baxx. Min irid jitgħallem, għandu jiftaħ għajnejh.