Malta fit-triq it-tajba...
L-Editorjal tal-ILLUM
Le, l-ekonomija ma tikbirx waħedha u le, r-riżultati mill-aktar pożittivi li qed jikseb pajjiżna fil-preżent ma ġrawx b’kumbinazzjoni. U jiddispjaċina se jkollna nifqgħu naqra ta’ bużżieqa, ir-riżultati ekonomiċi tal-preżent mhux kollu grazzi għall-Gvern ta’ qabel, daqslikieku l-Gvern preżenti huwa biss spettatur inkompetenti. U, biex nifqgħu naqra ta’ bużżieqa oħra, le l-ekonomija ma tikbirx b’mod awtomatiku u la qatt kienet u lanqas qatt għandha titqies bħala sekondarja jew materja mhux importanti. Wara kollox, ħadd ma jkun qed jitkellem dwar il-governanza u dwar kemm jaqla’ dak jew l-ieħor, jew il-blogs politiċi ta’ Glen Bedingfield u l-programm ta’ Salvu Mallia, kieku l-vera problema tal-pajjiż kienet il-qgħad, il-kontijiet, l-awsterità u s-suppost bail out li kellha tkissirna bħalma ġara fil-Greċja.
Għall-grazzja t’Alla, għandna l-lussu nitkellmu fuq Glen Bedingfield, għax għandna l-lussu tat-tieni l-aqwa ekonomija fl-Unjoni Ewropea kollha, biss wara t-tigra Irlandiża u għandna l-lussu ta’ wieħed mill-iktar tkabbir b’saħħtu mill-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro. Kumbinazzjoni li ċ-ċkejkna Malta qed tħabbatha mal-Ġermanja, meqjusa l-mutur ekonomiku Ewropew? Lanqas xejn. Kumbinazzjoni, li wara 20 sena l-aġenzija ta’ kreditu Standars & Poors żiedet ir-rating ta’ Malta? Assolutament li le. Kumbinazzjoni li Malta bħalissa għandha l-lussu tal-aktar rata ta’ qgħad baxx mis-snin 90 u fost l-iċken rata ta’ qgħad mill-pajjiżi tal-UE kollha? Definittivament li le. Kumbinazzjoni li qed jonqos id-dejn tal-pajjiż, dak li kellu jitħallas minn ‘uliedna u ulied uliedna’? Dażgur li le.
Iċ-ċertifikat mill-aktar pożittiv lil pajjiżna nhar il-Ġimgħa huwa konferma li dan il-pajjiż qabad it-triq it-tajba, li Malta qed tara tkabbir ekonomiku li ilna ma naraw bħalu kważi 20 sena. U dan jaf ħafna fatturi, imma tnejn partikolari. Wieħed, Gvern Nazzjonalista li bena pedamenti sodi għall-frott li qed naraw illum, vera, imma Gvern Laburista wkoll li bin-nuqqasijiet kollha tiegħu, anke jekk ħoxnin jew saħansitra grotteski fl-oqsma tal-governanza, daħal għal biċċa xogħol tat-tmexxija ekonomika tal-pajjiż bl-enerġija u l-ħila kollha mistennija mill-Gvern. U biex nużaw kliem l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, jekk qatt kien hawn par idejn sodi fuq l-ekonomija tal-pajjiż, huma propja dawk tal-Prim Ministru tal-lum, Joseph Muscat.
Bħal dejjem, ħidma għad fadal ħafna xi jsir, biex jinħoloq aktar ġid, imma wkoll biex il-ġid jipperkola aktar lejn kull saff tas-soċjetà. Fil-faċċata ta’ din il-gazzetta llum, apparti l-miżura interessanti ferm tat-tipjip, qed nagħtu l-ewwel ħarsa lejn miżuri soċjali li mistennijin jitħabbru għada. Żieda fil-pensjoni tad-diżabbiltà, żieda fl-għajnuna lil dawk li qed jikru mill-privat u anke għajnuna lill-pazjenti bid-dijabete. Għandna nifhmu li dawn ilkoll se jiżdiedu ma’ elenku ta’ miżuri oħrajn li permezz tagħhom il-Gvern ikompli jaċċerta li l-ġid jasal għand kulħadd u jkun ta’ kulħadd.
Inħeġġu lill-Gvern biex b’għaqal, mhux bi pjaċir, ikompli jifrex it-tapit l-aħmar lil min lest jinvesti, bil-għan aħħari li l-ħaddiem igawdi u jħoss li Malta hija tiegħu wkoll. Għada se jkun ċans tad-deheb biex il-Gvern jerġa’ jiftakar u jfakkar li huwa Gvern imnebbaħ mill-ideal soċjalista, mill-ideal ta’ għajnuna lill-fqir u lil dawk li tħallew lura għal ħafna snin. Minkejja kollox, il-Gvern preżenti jibqa’ mibni fuq il-bażi ċentru-xellugi u dan huwa l-mument biex il-ġid li qed jinħoloq minn ekonomija, li indubjament qed tiffjorixxi, jasal għand kulħadd.