Opinjoni | Wiċċ b’ieħor
Il-Gvern għandu l-obbligu li jibda konsultazzjoni pubblika immedjatament u jpoġġi l-pjanijiet tiegħu taħt il-lenti tal-iskrutinju pubbliku.
Safe City Malta, li tifforma parti minn Projects Malta li tippjana proġetti ta’ tisħib mas-settur privat, qed tippjana li jkunu installati cameras CCTV b’kapacità li jidentifikaw l-uċuħ ta’ dawk li x-xbieha tagħhom tinqabad fuq is-CCTV. Qed jingħad li b’dan il-mod ikun possibli li jkunu identifikati persuni li jkunu involuti f’attività kriminali.
Dwar dan ukoll hemm referenza fid-diskors tal-Baġit fejn kien tħabbar li: “Fl-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma biex ġie installat l-apparat neċessarju f'data centre għal użu fuq bażi sperimentali u fejn l-apparat ta’ sorveljanza viżiva qiegħed jintuża biss f'ambjent mhux pubbliku u f’rispett sħiħ tal-liġijiet tal-privatezza billi jiġu użati prattiċi etiċi internazzjonali.” Ġejna infurmati li Paceville u l-Marsa, probabbilment li jkunu minn tal-ewwel li jospitaw dan l-esperiment. Dan kellu jsir wara li sseħħ konsultazzjoni pubblika.
Imma s’issa ma seħħet l-ebda konsultazzjoni. Nafu iżda li x’aktarx li diġa ġie iffirmat memorandum of understanding mal-Huawei, kumpanija Ċiniża li hi meqjusa ġgant globali fil-qasam tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni. Fix-xhur li ġejjin probabbilment tibda l-implementazzjoni. Dan ifisser li jekk il-konsultazzjoni sseħħ ma jkollha tifsira ta’ xejn, għax id-deċiżjonijiet jidher li lesti.
Iktar kmieni din is-sena, Huawei, ftehmu mad-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika tar-reġjun ta’ Xinjiang fil-punent taċ-Ċina. Intefqu flejjes kbar f’dan ir-reġjun biex f’Xinjiang ikun possibli li tkun ippruvata t-teknoloġija għall-għarfien tal-uċuħ, osservazzjoni diġitali u l-applikazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali għal xogħol il-Pulizija.
Huawei ser jipprovdu lill-pulizija tar-reġjun l-appoġġ tekniku biex ikunu żviluppati l-kapaċitajiet tan-nies involuti u b’hekk tissodisfa l-ħtiġijiet diġitali tal-industrija tas-sigurtà pubblika, ġie rrappurtat li qal Fan Lixin, il-Viċi Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà Pubblika ta’ Xinjiang. Din il-koperazzjoni kienet meqjusa li tista’ tassigura “l-istabilità soċjali u s-sigurtà fit-tul ta’ Xinjiang”.
Dan jikkuntrasta ma dak li nsibu fir-rapport annwali ta’ Huawei għas-sena 2017 li jwassal messaġġ ċar: Huawei jimpurtaha ħafna mill-privatezza. Jgħidulna li fl-2017 “Huawei continued to strengthen compliance in multiple business domains, including trade, cyber security, and data and privacy protection.” Jgħidulna wkoll dwar “il-ħsiebijiet ta’ Huawei dwar is-sigurtà elettronika – li tissaħħaħ bl-innovazzjoni, bil-kollaborazzjoni u bl-iżvilupp tal-fiduċja fid-dinja diġitali.” Probabbilment li dan il-kuntrast jirriżulta minħabba li l-messaġġi huma indirizzati lejn udjenzi differenti!
Iktar viċin tagħna, il-Pulizija fir-Renju Unit ilhom ftit taż-żmien jesperimentaw bit-teknoliġija li tirrikonoxxi l-uċuħ. Big Brother Watch, grupp li jikkampanja favur id-drittijiet ċivili fir-Renju Unit jirrapporta li s-sistemi użati jagħtu riżultati żbaljati 9 darbiet minn 10. F’rapport twil 56 paġna, li kien ippubblikat f’Mejju li għadda bit-titlu Face Off. The lawless growth of facial recognition in UK policing, kien konkluż li 95% tal-uċuħ identifikati mis-sistema kienu żbaljati: kienu wiċċ b’ieħor. Identifikaw uċuħ ta’persuni innoċenti. Dan apparti li r-ritratti biometriċi ta’ persuni innoċenti nżammu u nħażnu mill-Pulizija b’mod sfaċċat kontra kull regola bażika tal-ħarsien tad-data.
L-użu tat-teknoloġija biex jingħarfu l-uċuħ tan-nies bħala għodda tal-ordni pubbliku hi għall-qalb il-pulizija, li fuq il-karta jistgħu jgħidu li qed isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Għall-bqija imma, dan hu ħmar il-lejl u dan billi jekk it-teknoloġija ma tintużax fil-parametri tar-regoli bażiċi tal-ħarsien tad-data tkun invażjoni tal-privatezza li kull wieħed u waħda minna aħna intitolati għaliha.
Il-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Data u l-Informazzjoni Saviour Cachia, f’intervista mal-Orizzont iktar kmieni din il-ġimgha qal li kien jistenna li l-awtoritajiet jagħmlu analiżi addattata qabel ma jagħmlu użu ta’ teknoloġija li kapaċi tagħraf l-uċuħ. Is-Sur Cachia emfasizza li għad baqa’ ħafna xi jsir qabel ma nistgħu nikkunsidraw meta u kif it-teknoloġija għall-għarfien tal-uċuħ tista’ tintuża fil-qasam tas-sigurtà. Ħadd ma jaf jekk l-analiżi li ġibed l-attenzjoni għaliha s-Sur Cachia saritx, jew jekk tal-inqas inbdietx. Din it-teknoloġija tinvadi l-privatezza ta’ kulħadd b’sogru li tikser id-drittijiet fundamentali tagħna lkoll.
Meta jkun eżaminat dettaljatament kif l-użu ta’ din it-teknoloġija jista’ jkollha effett fuq l-attività kriminali inkunu f’pożizzjoni aħjar biex niddeċiedu x’sens jagħmel li nissagrifikaw il-privatezza tagħna, anke jekk b’mod limitat, biex l-istat jissorvelja u sa ċertu punt jikkontrolla parti minn ħajjitna. L-esperjenza tal-użu ta’ din it-teknoloġija fir-Renju Unit għandha twassalna għall-konklużjoni waħda: għandna nsemmgħu leħinna u nieqfu lill-istat li jrid jissorvelja ħajjitna.
Il-Gvern għandu l-obbligu li jibda konsultazzjoni pubblika immedjatament u jpoġġi l-pjanijiet tiegħu taħt il-lenti tal-iskrutinju pubbliku.