Toni Abela | Bin l-iskarpan
'Għadni niftakar qisu lbieraħ lil nannti Mary tgħajjatli biex immorru nifirħu lil bin l-iskarpan għaliex kien laħaq avukat'
Jiena għaddejt tfuliti fil-qalba tal-Marsa. 191, Zerafa Street, il-Marsa, bieb ma’ bieb mas-Sur Karm Zammit, li kien wieħed mill-ħassieba tal-Partit Laburista ta’ dak iż-żmien. Kien qaleb għall-Malti l-Bibbja (James version) għall-Maltin.
Din kienet it-triq ta’ dawk li jaqilgħuha u jikluha, iżda b’solidarjetà soċjali kbira bejn in-nies. Jekk ma kienx ikollok bukkun kont issib min iġiblek platt. Jekk se tiżżewwiġlek it-tifla kont malajr issib minn isellfek ċappetta biex tiddandan biha. Jekk lil tal-growser ma kontx tiflaħ tħallsu kien jissaportik. Kienet soċjetà sempliċi u mingħajr preżunzjonijiet, mhux bħal dik tal-lum.
Għadni niftakar qisu lbieraħ lil nannti Mary tgħajjatli biex immorru nifirħu lil bin l-iskarpan għaliex kien laħaq avukat. Għal dak iż-żmien kienet xi ħaġa kbira, partikolarment għal dawk it-tfal li kienu joħorġu minn qalb il-klassi tal-ħaddiema. Għalkemm qabel ma laħaq, kienet diġà ġriet il-kelma kemm kien tifel intelliġenti. Dan kien Joe Brincat. U għal darb’oħra qisu lbieraħ, għadni tifel inżomm ma’ djul nannti, mort nara lil Joe b’ommu ħdejh se ttir bil-ferħ, liebes it-toga u bil-berettin taħt ħnejja d-dar t’ommu. Bi tbissima fuq fommu jieħu b’idejn in-nies.
Dak kien mument li baqa’ f’moħħi. Komplejt insegwi lil Joe sa meta daħal fil-politika bi stil differenti għall-aħħar. Mingħajr ma jwiegħed xejn lil ħadd, b’kampanji modesti u mingħajr xinxilli u xorta jirnexxilu jsib ruħu fil-Parlament fl-1971. Bin l-iskarpan fil-Parlament ukoll! Qiegħed ngħidlu hekk mhux b’disprezz, għaliex anke missieri kien suldat, iżda għaliex kien irnexxielu jegħleb u jaqbeż ix-xtiebi soċjali kollha li kienu jeżistu dak iż-żmien.
Joe kien ta’ pezza għalih. Ma kienx jaqa’ fil-mudell ortodoss u tradizzjonali tal-politiċi ta’ żmienu u kien għalhekk li meta kien għadu fl-aqwa tiegħu n-nies sabu fih persuna unika. Dak li jemmen prattikah meta kien Ministru tal-Housing. Qabelxejn kellu l-kelma faċli, b’lingwaġġ sempliċi, mimli parabboli u li jolqot fil-laħam il-ħaj. In-nies kienu jidentifikaw lilhom infushom miegħu.
Kien għaliex jemmen fid-drittijiet u mhux fil-pjaċiri, li aktar ’il quddiem kellu jnaqqas mis-saħħa tal-voti. Ministri oħrajn jaf kienu jabbużaw mis-sistema u jaqdu kemm jifilħu, anke lil dawk li forsi ma kellhomx dritt għal ħaġa, u b’hekk komplew jissaħħu anke fid-distrett tiegħu.
Joe kien skrupluż u jemmen li l-ewwel għandhom jinqdew dawk li għandhom dritt, indipendentement jekk dak li jkun hux gej mid-distrett tiegħu jew le. Imma kultant in-nies qishom naħal, marru fejn hemm l-għasel. Issa Joe mhux ma kellux saħħa, għaliex anke Ministru tal-Ġustizzja kien, iżda t-twemmin tiegħu kien, li s-saħħa jużaha fejn hemm bżonn u mhux fejn jaqbel lil ħaddieħor.
Joe spikka fuq kollox bħala avukat u kien ammirat mhux biss minħabba l-għerf tal-liġi, iżda għall-memorja fenominali li kellu. Aħna l-avukati konna nibqgħu mistagħġbin li, minkejja hu kien mifni bix-xogħol, ma kienx juża djarju, li hija ħaġa impossibbli għal kull avukat. Meta jien kont ninsa d-djarju warajja jew nitilfu, kienet tagħtini rasi. Iżda Joe, mingħajr djarji kien jiftakar kull kawża u l-ħin tagħha. Kellu ħila kbira li fil-mument li jfaqqas l-argument bla avviż, hu kien ifaqqas l-ideat. Kien improviżur ta’ sengħa kbira. Kellu sens qawwi ta’ intuwizzjoni.
Fuq kollox kien jieħu l-ħajja b’ċerta filosofija. Ma kienx jibża’ mill-problemi. Pjuttost il-problemi kienu jibżgħu minnu. Darba biex jiċċajta qalli li kien rama bil-pipa biex ikeċċi n-nemus waqt li qed jittratta, għaliex kien hemm żmien li anke fl-Awla stajt iddaħħan. Kien jgħożż ħafna l-interess tal-klijent. Kien imur barra minn triqtu biex jassisti lill-klijent tiegħu u kien bniedem li jroddlok il-valur tal-flus li tħallsu. Mhux għaliex Joe kien wieħed li jħobb jitħallas bl-għoli. Qatt smajt kelma dwaru li ħa ħafna flus? Fuq ċerti avukati kont tismagħha imma fuqu le.
Joe kellu wkoll in-namra tal-pinna, u sal-aħħar ftit ġimgħat qabel ma miet baqa’ għaddej jikteb, dejjem b’dik l-enerġija ta’ xi ħadd li għadu jaqbad il-pinna għall-ewwel darba. Għalih il-kitba kellha valur testamentali. Ried dejjem lin-nies ikunu jafu kif jaħsibha fuq kull suġġett taħt il-kappa tax-xemx għaliex riedhom ikunu jafu fejn qegħdin miegħu. Għalhekk ġieli anke kiteb opinjonijiet li jnaffru għaliex it-trasparenza ma kinitx tippermettilu jaħbi min-nies jew juri wiċċ u jkun mod ieħor. Dit-trasparenza qajla għadek issibha llum.
Baqa’ sal-aħħar jissielet u jkompli jiggranfa mal-aħħar nifs li kien fadallu. L-aħħar ħaġa li ried kienet li jispiċċa jiddependi minn ħaddiehor. Dan il-ħsieb kien ikiddu. Il-bniedem ta’ indipendenza intellettwali ħielsa ried imut ħieles. Punt li ried jagħmel, meta sa ftit ġimgħat ilu kien għadu jidħol il-Qorti jkaxkar bi speċi ta’ walker tal-ħadid. Wiċċu abjad karti, kien jinstabat fuq is-siġġu bilqiegħda, għaliex għalih, minn awla għal oħra kien sar vjaġġ penuż, però vale la pena li jagħmlu għaliex ried jagħmel il-punt li kien għadu indipendenti. Meta kien jitlobni differiment kien jgħidli biex ma ngħidx li minħabba mard u jiena kont inniżżel, minħabba ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom jew għaliex maqbud b’xogħol ieħor. Ma ħassejt ebda rimors li gdibt għal xi ħadd li dejjem qal il-verità.
Jiena u Joe kellna ħafna affarijiet simili. Trabbejna fl-istess triq il-Marsa. It-tnejn konna avukati. It-tnejn konna ġejjin minn familji pjuttost modesti. Kellna l-istess twemmin politiku. It-tnejn kellna xi ngħidu mal-Partit Laburista. It-tnejn xi darba jew oħra konna għas-saċerdozju, u fl-aħħar, it-tnejn sirna Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista. Ħaġa waħda ma kellniex komuni ... isimna!