Owen Bonnici | Il-pilastri għall-edukazzjoni

Se nara li l-ħidma tal-għalliema tkompli titjieb u l-professjoni ta’ għalliem tkun iktar stmata u rrispettata

Il-qasam edukattiv huwa wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ kull soċjetà. L-edukazzjoni hija l-bażi sana ta’ ħajjitna. L-edukazzjoni tgħin biex persuna tiżviluppa bis-sħiħ il-potenzjali tagħha u għalhekk tibni lill-persuna biex tkun kapaċi taffaċċja l-ħajja fid-diversi aspetti tagħha. L-edukazzjoni hija essenzjalment vjaġġ eċitanti, interessanti u informattiv fil-ħajja tagħna.  L-edukazzjoni titkellem dwar il-futur, fejn irridu mmorru bħala pajjiż.

Fl-aħħar snin f’pajjiżna f’dan is-settur rajna żviluppi kbar u wkoll sar ġid kbir. Saru diversi riformi li ħallew impatt fuq dan is-settur. Mhux biss riformi diretti fis-settur, imma wkoll riformi li għenu bil-kbir biex il-qasam edukattiv ikollu qabża fil-kwalità. Sar ħafna, imma għad hemm ukoll ħafna xi jsir biex inkompu ntejbu u nsaħħu.

L-istess jista’ jingħad dwar is-settur tax-xogħol. Nazzarda ngħid li l-introduzzjoni taċ-childcare b’xejn li l-Gvern daħħal f’April tal-2014, kienet miżura waħda b’saħħitha li l-iktar għamlet differenza fil-ħajja tan-nies. Sistema li kienet imwiegħda fil-manifest elettorali li l-għan tagħha huwa li l-Gvern jipprovdi servizzi ta’ ħarsien tat-tfal b’xejn lil ġenituri jew persuni li jkollhom il-kustodja tat-tfal li jkunu qed jaħdmu jew jistudjaw. Dan għen biex nisa jerġgħu jidħlu fil-qasam tax-xogħol tagħhom, jew ukoll biex ikomplu l-karriera tagħhom.

Is-sistema skolastika ġiet imġedda billi tneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena u minflok rajna d-dħul ta’ learning outcomes u assessjar matul is-sena. 

Tajjeb li jingħad li bit-tneħħija tal-eżamijiet ta’ nofs is-sena l-għadd ta’ sigħat ta’ tagħlim żdiedu b’medja ta’ ħamsin siegħa għal kull student u studenta. 

Fuq dan il-punt irrid ngħid li jien konxju ħafna minn dak li qed jgħidu l-għalliema biex ikun hemm iktar titjib u qed nimpenja ruħi li dak li qed jgħidulna l-għalliema fuq il-learning outcomes u l-assessjar matul is-sena nagħti kasu bis-serjetà. 

Tneħħew il-ħlasijiet biex student joqgħod għall-eżami tas-SEC u l-MATSEC – allura dawn l-eżamijiet huma b’xejn. Titjib ieħor rajnieh fit-trasport tal-iskejjel li permezz ta’ rifoma issa t-trasport huwa wkoll b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u l-iskejjel Indipendenti. 

Żewġ miżuri li għenu biex jitnaqqas il-piż finanzjarju minn fuq il-familji u għalhekk, tjiebet il-ħajja tagħhom.Kien hemm l-introduzzjoni ta’ suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel kollha tal-Istat bi flessibbilità favur l-istudent fejn tidħol l-għażla li ma ssibhiex f’pajjiżi oħrajn fl-Ewropa. Infetħu għexieren ta’ workshops ġodda, sar investiment f’laboratorji, infetħu childcare centres u skejjel ġodda.

 Tajjeb li wieħed isemmi wkoll li tjiebu l-kundizzjonijiet tal-gradi tal-għalliema li kienu tħallew lura immens matul is-snin u ngħatat spinta lill-Università, inkluż fl-infrastruttura tagħha, u sar l-istess fl-MCAST, fejn qed isir xogħol kbir.

Sar ħafna tajjeb. 

L-impenn tiegħi fil-qasam edukattiv huwa li nkompli nibni fuq it-tajjeb li sar u fejn hemm x’jissewwa, insewwuh biex naċċertaw irwieħna li ħadd ma jaqa’ ’l barra mis-sistema edukattiva. Se nara li jissokta x-xogħol fuq l-iskejjel, nibqgħu għaddejjin bil-bini ta’ childcare centres, skejjel u faċilitajiet oħra. 

Se nara li l-ħidma tal-għalliema tkompli titjieb u l-professjoni ta’ għalliem tkun iktar stmata u rrispettata. Se nara li s-sigurtà fl-iskejjel tkompli tissaħħaħ.

Bħal kollox fil-ħajja naf li mhuwiex kollox ward u żahar u naf li jkun hemm min qed iħoss li mhuwiex parteċipi f’dan is-suċċess. Imma kif għidt, l-impenn tiegħi huwa li nara lil dan is-settur jikber u jissaħħaħ, għall-ġid ta’ dawk kollha li huma nvoluti – fuq quddiem nett l-istudent u l-professjonist.

Waħda mill-prijoritajiet tiegħi se tkun li nisma’. U se nkun umli biżżejjed li nieħu pariri għal darba, darbtejn, tlieta fuq dan is-settur. U rrid nagħti kuraġġ biex inkomplu mexjin ’il quddiem. 

Lil dawk l-għalliema li qed ibatu biex ikomplu jsibu l-motivazzjoni ħalli jkomplu jgħallmu għax jemmnu li t-tekniċi mhux qed ikunu sensittivi għall-ħtigijiet tagħhom, jien irrid nismagħhom u ngħinhom fil-ħidma tagħhom

Lil dawk l-għalliema li qed ibatu biex ikomplu jsibu l-motivazzjoni ħalli jkomplu jgħallmu għax jemmnu li t-tekniċi mhux qed ikunu sensittivi għall-ħtigijiet tagħhom, jien irrid nismagħhom u ngħinhom fil-ħidma tagħhom. 

Lil dawk l-istudenti li mhumiex iħossu li s-suġġetti li qed jitgħallmu huma ta’ importanza għalihom, jien irrid inkun hemm għalihom. 

Lil dawk il-ġenituri li qed jinkwetaw fuq il-vjaġġ edukattiv ta’ wliedhom, jien irrid ngħinhom.

***

Anki fl-ewwel jiem tiegħi f’dan il-Ministeru, bdejt mill-ewwel bil-ħidma tiegħi biex nindirizza dawk li qed nara li huma l-prijoritajiet f’dan is-settur. 

Huma erba’ kmandamenti – ħa nsejħilhom hekk – kmandamenti li se jmexxuni f’din il-ħidma.

 - Ħidma biex nara li iktar tfal u żgħażagħ imorru aħjar fl-iskola. Fejn hemm nuqqasijiet fis-sistema, dawn iridu jissewwew.  Fejn hemm studenti tajbin, irridu nkomplu nħeġġuhom biex jirnexxu iktar u iktar.

 - Ħidma biex dawk it-tfal u żgħażagħ li soċjalment jaffaċjaw sfidi kbar, jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex jibqgħu fis-sistema edukattiva, jitħarrġu u jkunu mħejjin biex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol. 

Għalhekk aħna Partit Soċjal-Demokratiku wara kollox. Dawk li jaqbdu u jitilqu mill-iskola ta’ sittax-il sena jridu jkomplu jonqsu.

 - Ħidma biex nara li l-poplu kollu jibqa’ jitgħallem, jitħarreġ u jipparteċipa fit-tagħlim li jingħata, anke f’età avvanzata.

 - Ħidma biex l-istadju ta’ edukazzjoni terzjarja jew avvanzata – ikompli jagħmel isem għalih bħala pajjiż.

***

Bdejt inżur l-ewwel skejjel bħala Ministru għall-Edukazzjoni. Għamilt żjara l-FEE Fest, avveniment fuq tlett ijiem organizzat minn Nature Trust fil-Hub għall-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli – fiera li hija organizzata bħala parti mill-programm EkoSkola u li saret fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Blata l-Bajda. Għamilt ukoll żjara fl-iskola Primarja taż-Żurrieq – Kulleġġ San Benedittu flimkien mal-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca. 

Hawnhekk ħadt gost bilqiegħda mat-tfal fil-klassi, nieħu sehem magħhom u naqralhom f’sessjoni tal-qari f’attività msejħa qaritona. 

Lil dawk l-istudenti li mhumiex iħossu li s-suġġetti li qed jitgħallmu huma ta’ importanza għalihom, jien irrid inkun hemm għalihom

Din kienet okkażjoni marbuta mal-Jum Internazzjonali għall-Edukazzjoni. ll-qari huwa deċiżament aspett importanti biex wieħed isaħħaħ il-proċess edukattiv tiegħu u għalhekk l-impenn tagħna nkomplu nsaħħu s-settur edukattiv għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri. Bħala Gvern, aħna rridu niżguraw li nagħtu l-aħjar opportunitajiet possibbli għall-istudenti tagħna. 

Il-qaritona nazzjonali hija inizjattiva mill-aqwa li tkattar imħabba lejn il-qari fost l-istudenti, speċjalment minħabba li hija mod mill-aħjar biex isaħħu l-għarfien u l-vokabolarju tagħhom u jżidu aktar il-konċentrazzjoni, filwaqt li nsaħħu l-esperjenza edukattiva tagħhom permezz ta’ forom differenti ta’ letteratura.

***

Laqgħa li kelli mal-Union tal-Għalliema (MUT), ħalliet ħafna frott. 

Ix-xorti riedet li saret ukoll fl-istess ġurnata li fiha mmarkajna l-Jum Dinji favur l-Edukazzjoni.

Fil-Kumitat tal-MUT, immexxi mill-President ħabrieki Marco Bonnici, rajt ħafna mħabba lejn dan is-settur. M’għandi ebda dubju li kemm il-Gvern u kemm l-MUT jinsabu fl-istess direzzjoni fejn jidħol is-suċċess li rridu li ngħaddu minnu f’dan is-settur. 

Naturalment se jkollna taħdidiet dwar il-kif, imma t-taħdidiet se jsiru dejjem fi spirtu ta’ kordjalità, rispett u koperazzjoni.

Ġenwinament nemmen li l-aqwa żmien għal pajjizna fis-settur edukattiv se nidħlu fih fix-xhur u snin li ġejjin. Irridu li pajjiżna jagħmel isem għalih f’dan il-kamp u li isem pajjiżna jkun assoċjat ma’ suċċess fil-kamp edukattiv.

More in Politika