Editorjal | Abela b’ammirazzjoni kbira lejn Trump

'irid jagħti l-impressjoni li l-Kunsill tal-UE għamel xi eċċezzjoni għan-newtralità ta’ Malta, meta infatti din ma tbiddel xejn minn dak li huwa magħruf inkluż il-fatt li l-Awstrija u l-Irlanda huma pajjiżi newtrali wkoll'

Ma tridx tkun għaref biex tinduna li Robert Abela għandu ammirazzjoni lejn Donald Trump. Inkwetanti meta tikkunsidra li Abela huwa l-mexxej tal-Partit Laburista u Trump huwa dak li jappartjeni għall-ħsieb lemini estrem. Inkwetanti li tara d-diskors ta’ Abela f’Malta li jitkellem b’argumenti fejn litteralment jinstema’ qisu l-porta voce tal-Gvern ta’ Donald Trump. Meta Trump tkellem fuq ħwejjeġ oħra inkluż li jbiddel Gaża f’Riviera wara li jkeċċi żewġ miljun, Abela kien silenzjuż. 

Min jaf l-affarijiet sew, u l-artiklu ppubblikat illum jikkonferma dan kollu, Jaf li Abela xorta jibqa’ jimxi wara dak li seħħ fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Jiġifieri f’Malta jitkellem mod u hemm, fi Brussell, jitkellem mod ieħor.   

Anke d-diskors tiegħu fuq in-newtralità ma jirriflettix il-verità. Irid jagħti l-impressjoni li l-Kunsill tal-UE għamel xi eċċezzjoni għan-newtralità ta’ Malta, meta infatti din ma tbiddel xejn minn dak li huwa magħruf inkluż il-fatt li l-Awstrija u l-Irlanda huma pajjiżi newtrali wkoll. 

Abela jrid joqgħod attent li ma jidhirx wisq viċin Trump – sakemm m’hemmx xi ħaġa li ma nafux. Postna fl-Ewropa, u jekk ikollna bżonn għajnuna, xi darba, jekk inkunu fil-bżonn, lill-Ewropa ħa nsibu mhux lil Trump. 

Fuq kollox, fid-diskors ta’ Abela jinkixef in-nuqqas kbir ta’ apprezzament għall-istorja u l-politika internazzjonali, fejn l-għadu huwa dak li huwa dittatur, awtoritarju, faxxist u aggressur. 

Ħaġa li mexxej ta’ partit soċjali demokratiku għandu jifhem faċilment. 

 

It-Times, il-ħabs u Byron Camilleri 

 

Id-deċiżjoni tal-gazzetta The Times li żżur il-ħabs eżatt wara rapport tal-Ombudsman dwar it-tmexxija tal-ħabs turi nuqqas ta’ apprezzament għall-istorja. Ċertament kien fl-interess ta’ Byron Camilleri li t-tmexxija tal-ħabs tiġi mpittra f’dawl sabiħ wara l-istejjer tal-biża’ li smajna. Ġurnaliżmu dilettantesk u xarabankesk. 

Din il-gazzetta għaddiet minn martirju mad-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli u l-assistent tiegħu Randolph Spiteri minħabba l-istejjer tal-waħx li ppubblikajna, fejn urejna każijiet ta’ abbuż, moħqrija u suwiċidji. 

U wara dan kollu, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-intern għażlu li jiddefendu lil Alex Dalli u jaħtruh f’kariga oħra – din id-darba f’xogħol konness mal-migranti li jitilqu mix-xatt tal-Libja. 

Imma lura għat-Times. Din mhix l-ewwel darba li wriet insensittività għal stejjer jew il-valur tal-istorja. Bir-rubrika tagħhom fuq il-ħabs, mexxew il-quddiem in-narrattiva li taħt Bryron Camilleri saru avvanzi kbar. Storja li kienet tkun aktar komda fil-gazzetta It-Torċa jew Il-Kullħadd. Dawn l-affarijiet jiġru, jew għax m’hemm ħadd li qed jaħseb, jew inkella għax m’hemmx profondità f’min imexxi. 

Il-punt hu li l-istorja tal-ħabs, tad-droga, u tar-riżenja finta jkomplu jikkonfermaw li post Byron Camilleri mhux tenibbli. Feature fit-Times ma jbiddel xejn minn dan. 

 

 

More in Politika