.png)
Raphael Borg | Ta’ min hija s-setgħa?
'L-imperjaliżmu mhux xi storja antika jew xi ħaġġa 'l bogħod minna. Qed narawh f’kull rokna ta’ pajjiżna, fil-bliet, fil-portijiet, fil-kuntratti tal-gvern, fil-prezzijiet li jogħlew, u fl-istabbilimenti li qatt ma kont tara f’Malta qabel'
.png)
Din hija s-storja ta dar.
Blokka ċkejkna fil-qalba tal-Gżira li, sal-1951, kienet sservi biex bħal ħafna blokok fil-Gżira, jinkrew mill-baħrin li kultant ifettlilhom tant jitlaħilħu li jfettlilhom jissottaw il-ġebel lejn il-każini max-xatt forsi jolqtu xi nkwatru.
Is-sidien huma familja Slimiża. Grech, magħrufa sew f’tas-Sliema, kollha b’ismijiet kemxejn pompoużi bħal Tancredi, Napuljun u Costantino. Fosthom kien hemm Domenico, jew aħjar, kif kien magħruf, is-Sur Duminku.
Duminku kellu ħafna xorti u ġid fi familtu; iżda l-imħabba ma sabiex f’żgħożitu.
Ma tantx nixtieq nuża l-kelma mħabba; għal dawn in-nies ma kenitx wisq imħabba. Aktar sens ta prosperita’, u prosperita’ mislufa għaliex kienu jisilfuha mit-Taljani li tant kienu jigglorifikaw. Mhux waħda tnejn kien hemm benestanti Slimiżi miżżewġa lil Taljani.
Iżda hawn Duminku mar żmerċ; meta diġa kienet għaddiet il-gwerra bis-saħħa ta ħuttaba, sab waħda biex forsi tkabbarlu s-sens ta ġid personali, ma intebaħx li sab waħda ġejja minn familja ta partiġjani li kienet temmen ħafna fil-valuri tagħha.
Dorotea kienet armla; romlot qabel ma faqqgħet il-gwerra u spiċċat trabbi lil bintha Ċettina bl-għajnuna biss ta familtha. Ir-reġim ta Mussolini la kien ħanin fuq n-nisa u wisq inqas jekk dawn romol. Żewġha kien skarpan partiġjan li kien jingħad li kien iħobb lil dawk tal-Piana Degli Albanesi; dan miet b’attakk tal-qalb qabel biss Mussolini ħa Sqallija f’idu, meta binthom kellha biss sena.
Il-bandiera ħamra ħarġet hekk kif miet Duminku fis-sena 1969; qas leħaq miet li Dorotea biegħet il-partijiet mikrija tal-blokka għal xelini biex tiffoka fuq dawk li qed jgħixu fiha bintha Ċettina, issa miżżewġa lil Joseph, u ż-żewġ ulied tagħhom; Natalie u Dorothy.
Ommi u ziti
Ommi kibret hemm, għexet hemm, bkiet hemm u rabbiet hemm hi ukoll. Minkejja in-nannu tar-rispett benestant, huma per se ma kienux; kellhom xorti kellhom s-saqaf li wirtu u l-paga tas-servizz ta missiera Joseph, n-nannu tiegħi, eks surġent fis-Civil Service u accountant, grazzi għall-valuri ta ommha u nannitha, li baqgħu misturin sa tard ħafna.
Ommi żżewġet draftsman fil-Malta Shipbuilding.
Ma konniex nies ta flus; u wara li ħallietna n-nanna Dorotea fil-1996, kienu l-istess valuri mogħdija lin-nanna li tawna saqaf. Bil-paga tal-papa’, bin-nanniet mardu u ħija li aktar tard ħareġ li huwa persuna bl-awtiżmu kellna xorti li kellna dar.
U ġara li n-nanniet ħallewna ukoll. In-nanna Ċettina fil-2015, u n-nannu Ġużi segwiha fil-2018.
Għaliex qed nqajjem dawn il-punti?
Wara mewthom, fejn ħallew din il-blokka li kien fiha tlett appartamenti minfudin, għaddew f’idi u f’id ħija bil-barka tal-ġenituri tiegħi u ziti. Pero’ ma kellniex biex inħallsu il-manutenzjoni meħtieġa biex din d-dar tiqba wieqfa.
Jien sadattant żżewiġt u bdejt inrabbi familja.
Żammejt il-valuri ta nannti, anzi, forsi sirt aktar ħarex; ma ridtx nikri. Il-kirja ma emmint qatt biha; wisq inħoss li hija mod kif wieħed jgħix ta sangisuga billi tkabbar ġidek fuq l-għajxien ta ħaddieħor minflok dan tħalliħ isir sid ta daru hekk kif int sid ta darek.
Ridt inbiegħ. Imma familti riedu li jiqbgħu il-Gżira.
Missieri sadattant bidel x-xogħol, xorta bi paga miżera u issa ormai kbir wisq biex issellef mill-bank, u ħija, minħabba diskriminazzjoni li dejjem sab ma wiċċu, baqa b’ paga ta part time. Jien f’idi kelli diġa żewġ selfiet fil-bank. Mela biex nirranġaw kelli nieħu deċiżjoni; jew nikkomprometti l-valuri tiegħi u nikri, jew nbiegħ mqar parti.
U biħħejt l-arja lil żviluppaturi li wegħduna l-ilma jiżfen u serħan tal-moħħ. F’temp ta sena, ommi u missieri setgħu imorru jgħixu lura f’dar armata daqs li kieku ġdida għal kollox.
Iżda bdejna bl-inkwiet mill-ewwel; mingħajr ma kkonsultaw magħna, kilulna mill-għoli tas-saqaf mhux biex jakkomodawna, imma biex itellgħu sular ieħor għalihom, ma jmurx jaħarbilhom sold.
Ftit xhur wara, l-iżviluppaturi kienu involuti f’traġedja li twettqet taħt il-ħarsien tagħhom.
Dawn l-istess żviluppaturi wara li kkonfrontajnihom u għedduni li jekk mhux se nċedi se jwaqqgħu s-saqaf fuqna jekk ma nċedulomx, kellna nsibu kompromess ta malajr; kien fl-eqqel tal-COVID u diġa kollox kien inċert. U kkompromettejna għal prezz; mhux prezz kbir, imma prezz.
U minkejja li tfajna klawżola għad-dewmien fil-kuntratt, beda t-tkaxkir tas-saqajn.
Għaddew sentejn minn meta sippost daħlu lura, u l-ġenituri tiegħi għadhom ma daħlux. Il-piż ta kirja li dejjem qed tara kif togħla – għax dik oħra – qed nbagħtuhom kollha aħna.
Minkejja li appellajna mal-awtoritajiet, sibna biss bibien magħluqa u tidwir mal-lewża.
X’għandu x’jaqsam dan kollu?
L-imperjaliżmu mhux xi storja antika jew xi ħaġġa 'l bogħod minna. Qed narawh f’kull rokna ta’ pajjiżna, fil-bliet, fil-ports, fil-kuntratti tal-gvern, fil-prezzijiet li jogħlew, u fl-istabbilimenti li qatt ma kont tara f’Malta qabel.
Aħna nafu kif jaħdem dan kollu. L-ewwel ikunu jġu joffrulek "ħbiberija", jgħidulek li jridu jgħinuk, li se jħallu l-flus f'pajjiżna. Imbagħad tibda tara xi ħwejjeġ jinbidlu: l-art tagħna tiġi mibjugħa, ix-xogħol tagħna jibda jiġi skreditat, l-awtoritajiet jibdew jiggranfaw ma' min għandu l-flus, mhux ma' min jaħdem tassew.
Ejja nagħmlu l-affarijiet ċari:
L-imperjaliżmu mhuwiex biss il-gwerra. Huwa l-kontroll ekonomiku li jitqabbad mill-barranin fuqna.
L-aktar għonja jaħtfu l-opportunitajiet, filwaqt li aħna nibqgħu niġirdu għall-ftit li jġi mitluq.
Kull rokna ta' pajjiżna qed tinxtara u tingħata lil barranin li jħarsu lejna bħala forża tax-xogħol, mhux bħala sħab f'dan il-pajjiż.
Jekk tipprova tqum u titkellem, jgħidulek li int l-problema, li ma tifhimx x'inhu "progress".
Min qed jikkontrolla?
Hawnhekk Malta għandna n-negozji kbar li jikkontrollaw il-gvern u l-ekonomija.
Għandna kuntratturi li mhux biżż ftehmu bejniethom, imma issa għandhom ukoll lil min imexxi l-pajjiż fl-idejn tagħhom. Għandhom l-aqwa avukati, l-aqwa awdituri, u l-aqwa konnessjonijiet barra minn Malta biex jieħdu u jħaddmu lil min iridu.
Ara x'inhu jiġri madwarna:
Il-pagi ma telgħux mal-prezzijiet, u b'hekk il-ħaddiema Maltin qegħdin dejjem jissugraw jaqgħu lura.
Servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni qedin jittieklu aktar u aktar mill-privat.
L-akbar negozji qed jieħdu l-artijiet li kienu għall-poplu, u jibnu fuqhom bini li anqas biss nistgħu nħallsu biex noqogħdu fih.
Waiting lists ta nies biex isibu dar b’lura u djar ta kenn kollha mimlijin minkejja surplus ridikolu ta bini vojt u għad qed jiġi żviluppat.
L-ajruplani militari barranin jinżlu fuq l-art Maltija, filwaqt li l-gvern jippretendi li aħna pajjiż "newtrali".
Il-mexxejja tagħna qed jgħumu f'selfies mal-faxxisti, kompromessi maż-Żijonisti u diskorsi vojta, imma jsegwu biss id-direzzjonijiet ta' min iħallashom.
Oppożizzjoni li qed tikkomprometti ruħha ma dawk li sippost qed tikkritika.
Allura min qed imexxi; il-partit tal-ħaddiema li sippost soċjalista, dak li sippost qed jopponih, jew min qed iħallsilom dak li mhuwiex ddikjarat?
Dak huwa l-imperjaliżmu. U fuq dan kollhu, issa, għandna min ma dan kollhu irid iżidilna anke t-theddida t’ekonomija t’awsterita’ u gwerra.
X’jista’ jsir?
L-ewwel nett, irridu nqajmu l-kuxjenza. Kull min jaħseb li “m’hemmx x’tagħmel” qiegħed jgħin lil dawn in-nies jieħdu kontroll sħiħ.
Irridu nibqgħu nitkellmu u nesponu dak li qed isir bil-moħbi.
Irridu nieħdu lura l-ekonomija tagħna billi nappoġġaw ix-xogħol Malti, mhux nħallu l-kumpaniji kbar jisirqulna l-futur.
Irridu nieqfu nħallu lill-mexxejja tagħna jbiegħu l-art u r-riżorsi tagħna lill-barranin għonja sakemm qed iġib fqar u msejkna biex jgħaffeġ u jumiljaħ, filwaqt li aħna ma nibqgħux naffordjaw li ngħixu fil-pajjiż tagħna.
L-għani jismen, u l-fqir u l-imsejken, Malti jew barrani, jiżebblaħ. U min sippost jwaqqaf dan kollhu jieħu l-ġenb taparsi għandna governanza.
L-aqwa imperu fid-dinja jista’ jaqa’ jekk in-nies tqum. Aħna kontra min qed jeħdilna l-bżonnijiet tagħna biex jitħanżer aktar hu. Qed nieħdu s-sens ta' familja u komunità li dejjem kellna u qed nagħmluh qligħ għal min jara biss il-profitti.
Issa wasal ż-żmien; jew inqumu, jew niqbgħu passivi sa ma ma jibqgħalna xejn.