.png)
Alex Borg | Mingħajr l-għaqda ma naslux
"Iż-żminijiet inbidlu u n-nies inbidlu però l-prinċipju tal-għaqda ma nbidilx."
.png)
Minn meta kont daqsxejn ta’ student, dejjem ħarist lejn il-politika minn perspettiva wiesgħa. Perspettiva mhux biss personali imma wkoll minn kif Gvern seta’ jiggarantixxi pajjiż stabbli bbażat fuq soċjetà ekwa u ġusta. Din kienet ix-xrara li kebbset il-ħuġġieġa fija biex nidħol fil-politika. Wisq aktar, dan il-ħsieb kien li xprunani nieħu rwol attiv fil-Partit Nazzjonalista.
Iva, fil-Partit Nazzjonalista, li kont u għadni nemmen li huwa d-dar naturali tiegħi. Id-dar fejn dejjem ammirajt il-ħidma bla qatigħ ta’ politiċi oħrajn minn l-istess gżira li ġej minnha jien bħal Anton Tabone, Giovanna Debono u l-mibkijin Frederick Azzopardi, Louis Refalo u Victor Galea Pace. Id-dar li tħaddan il-valuri u l-prinċipji li nemmen fihom. Id-dar fejn flimkien, irrispettivament mid-diverġenzi li jista’ jkollna, nistgħu verament nagħmlu differenza f’ħajjet il-Maltin u l-Għawdxin. Dan mhux biss kliem fieragħ imma fatt li l-istorja glorjuża ta’ dan il-partit tixhdu. Iva, għax kull meta ħdimna flimkien lejn għan wieħed, il-Partit Nazzjonalista kien b’saħħtu u rebaħ. M’hemmx għalfejn inmorru ’l bogħod fl-istorja. Kemm niftakru s-saħħa ta’ partit magħqud wara r-riżultat tar-referendum f’Marzu 2003 u, sussegwentement, ir-rebħa elettorali f’April tal-istess sena.
Iż-żminijiet inbidlu u n-nies inbidlu però l-prinċipju tal-għaqda ma nbidilx. Iva, għax flimkien inkunu relevanti, inkunu b’saħħitna. Flimkien naslu. Iva, għax kull meta l-Partit Nazzjonalista kien magħqud, wasal il-messaġġ għand il-Maltin u l-Għawdxin. Iva, għax kull meta l-Partit Nazzjonalista ffoka fuq għan wieħed, rebaħ. U dan il-prinċipju ta’ għaqda huwa meħtieġ illum aktar minn qatt qabel għax il-poplu Malti u Għawdxi għandu bżonn ta’ oppożizzjoni b’saħħitha.
Dan mhux żmien il-battibekki u t-tilwim intern. Dan mhux iż-żmien li ninħlew f’attakki personali. Dan mhux iż-żmien li nperrċu l-ħwejjeġ tagħna hemm barra. Dan mhux iż-żmien li nħarsu lejn l-interess personali. Dan mhux iż-żmien li nibqgħu nsabbtu saqajna. Kif darba qal John Legend: “The future started yesterday, and we’re already late.”
Il-ġlieda tagħna mhijiex interna imma hija kontra Gvern Laburista li hu nieqes minn viżjoni u tmexxija. Gvern kompletament aljenat. Gvern Laburista, mifxul jipprova jgħatti skandlu wara l-ieħor u li ma jistax jiffoka fuq il-problemi li qed jaffaċċjaw il-familji Maltin u Għawdxin. Gvern Laburista li ma’ kull jum li jgħaddi qed ikompli jnaqqar il-kapaċità tal-Gvern li jieħu deċiżjonijiet konkreti għall-ġid tan-nies.
Ma nistgħux nibqgħu npinġu li t-triq tas-sewwa hija dik li drajna biha. Filwaqt li nibqgħu nħaddnu u ngħixu l-prinċipji u l-valuri li jgħaqqduna, hemm bżonn li nadattaw aktar għal kif pajjiżna qed jinbidel u għal kif il-poplu qed jinbidel. Dan huwa ż-żmien fejn kulħadd jingħata spazju biex jaħdem fil-Partit Nazzjonalista. Dan huwa ż-żmien li nkunu magħqudin u li permezz ta’ politika pożittiva nerġgħu nirbħu l-imħuħ u l-qlub tal-poplu li jrid biss ħajja aħjar għalih u għal uliedu. Dan huwa ż-żmien li nikkomunikaw man-nies, li nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Fuq kollox huwa ż-żmien li nikkonvinċu lil dawk li għal xi raġuni jew oħra, ma baqgħux jidentifikaw ruħhom mal-Partit Nazzjonalista u iva, anke ma’ dawk li jħossuhom irrabjati, iddiżappuntati jew diżillużi mill-Gvern Laburista.
Dak li ksibna fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew huwa pass importanti. Però jkun żball jekk nieqfu hemm u ma nkomplux nibnu flimkien fuq dak li nkiseb. L-istorja politika ta’ pajjiżna tgħallimna li l-elezzjoni ġenerali hija storja differenti u għad baqgħalna ħafna x’naħdmu flimkien biex l-imprendituri, biex il-ħaddiem u kull min se jiftaħ il-vot tiegħu fil-kaxxa fl-elezzjoni li jmiss jarana bħala Gvern alternattiv.
Ejja nkomplu naħdmu kollha flimkien, magħqudin wara kap wieħed, il-kap tagħna Dr Bernard Grech. Dan huwa l-vjaġġ twil li għandna quddiemna u l-ħin huwa kontrina, però flimkien u bis-sens komun nistgħu nkunu Oppożizzjoni serja, kredibbli u rebbieħa fuq gvern li ma jridniex ngħixu f’pajjiż normali. Flimkien naslu. Kollox jiddependi minna. Kollox jiddependi mill-kapaċità tagħna li nkunu inklussivi, tolleranti u lesti li naħdmu flimkien għall-istess għan.