Editorjal | Il-ħuta minn rasha tinten

Dan il-pajjiż qed jitkarrab għal possibbiltà li jkollu gvern alternattiv. L-alternanza hija l-bażi tad-demokrazija u, mhux hekk biss, meħtieġ biex dan il-pajjiż ikollu checks and balances kif jgħid l-Ingliż

Kieku ma tajniex lil Bernard Grech biżżejjed ċans, mela kieku jtina raġun li wieħed jgħid li qed inkunu kattivi. Kattivi ma nixtiqux inkunu. Imma jidher ċar minn dak li qed naraw fis-sondaġġ li l-istħarriġ jikkonferma d-dgħufija tat-tmexxija ta’ Grech li hu fdat biex imexxi l-pajjiż biss minn 20% tal-elettorat, 27 punt inqas minn Robert Abela. 

Issa Grech ilu jmexxi l-PN għal ħames snin u ċertament għamel affarijiet tajbin imma jibqa’ persuna mingħajr kariżma u mingħajr ir-rekwiżiti li jrebbaħ l-elezzjoni lill-PN. 

Grech għandu l-problema ta’ gruppi u individwi li tefgħu lill-PN lura; minn ta’ quddiem hemm il-karattri antipatki ta’ Jason Azzopardi, Manwel Delia, u l-grupp Repubblika, imma hemm ukoll il-Membri Parlamentari ta’ ġewwa: Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina fost oħrajn, li f’għajnejn l-elettorat huma kkunsidrati bħala t-tarka ta’ PN li m’għandux ikun. 

Hemm problema oħra. Il-PN m’għandux viżjoni u argument politiku tajjeb biex jeċita l-pubbliku. Għandu biss l-iżbalji ta’ Gvern Laburista (li huwa mifni b’każijiet ta’ abbuż ta’ poter u arroganza) bħala qafas għad-direzzjoni politika tiegħu. 

Dan il-pajjiż qed jitkarrab għal possibbiltà li jkollu gvern alternattiv. L-alternanza hija l-bażi tad-demokrazija u, mhux hekk biss, meħtieġ biex dan il-pajjiż ikollu checks and balances kif jgħid l-Ingliż. 

Bernard Grech jibqa’ jemmen li jista’ jagħmilha. Impossibbli. Ma jistax jirbaħ lil Robert Abela. M’hemmx għalfejn nirrepetu min jista’ jirbaħ lil Robert Abela. Nafu min, imma din il-persuna tinsab komda fi Brussell. Iżda fadal biżżejjed ċans biex Grech jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu u jieħu d-deċiżjoni importanti u jwarrab biex tidħol persuna ġdida.  

Il-PN irid jifhem li biex jirbaħ irid ikollu vuċi soda, wiċċ ġdid u li wkoll ikun jappella għall-vot Laburista.  

Din il-gazzetta tagħraf li Grech kellu intenzjonjiet tajbin. Imma l-kariga tiegħu mhix impjieg fejn tieħu salarju imma vokazzjoni u bżonn. Il-PN għandu bżonn xi ħadd li jiġbor il-partitarji tal-PN flimkien u anke jattira dawk li vvutaw għal-Labour. Irid isib messaġġi ċari, lingwa politika moderna u jagħti fiduċja lin-nies. Ħadd ma jista’ jimmaġina li Grech ikun jista’ jitla’ t-taraġ ta’ Kastilja. 

Dawk fil-PN li verament iħobbu l-pajjiż u dawk li verament iridu l-bidla għandhom ikunu huma l-katalisti tal-bidla. Imma jekk Grech jinżel mit-tron, dawk li tant għamlulu ħajtu infern, fosthom Azzopardi, Repubblika u anke ċerti deputati Nazzjonalisti għandhom jitwarrbu wkoll. Min imexxi jrid ikollu s-sinsla li jdawwar id-dgħajsa għal ġol-mewġ mingħajr biża’ jew tlaqliq. 

Aħna minn dawn il-kolonni nistgħu nkunu biss kubrita żgħira fil-bidla; il-kumplament f’idejn minn suppost iħobb il-PN u l-pajjiż. 

More in Politika