.png)
Raphael Borg | 'Raphael Borg, jekk dak verament ismek!'
'Aħna nisseparaw lilna nfusna mill-umanità ta’ madwarna saħansitra aktar b’ritmu ta’ rentseeking u investimenti; anqas niltaqa’ u nżomm il-polz tal-vittma tiegħi f’idi, inqas nimxi fiż-żraben tagħhom, inqas nara d-dinja tagħhom, iktar inkun kuntent'
.png)
Dawn il-ġimgħat li għaddew ġagħluni naħseb — min aħna quddiem dan kollu li qed jiġri?
Qrajt xi reazzjonijiet għall-artikli tiegħi u dawk taʼ sħabi, u bqajt stordut. Wieħed minna rrimarka li t-taħdita ta’ Robert Abela dwar id-drittijiet tal-bniedem wera l-kuluri veri tiegħu — aktar leminija mill-għeruq antiki tal-Labour. Madankollu, in-nies imbuttaw lura. Il-kitbiet tiegħi stess ħallew lill-qarrejja mħawda, u ppruvaw ipoġġuni f’kaxxa jew oħra ta’ partit b’xi mod kuntrastanti ma’ tagħhom. Mument wieħed, kont Nazzjonalista u pedina tal-Arċisqof għax jien Kattoliku u kburi (bħal li qallu li dan jagħmilni awtomatikament agħmi għall-kruha li ħuti stess għamlu fuq is-soċjetà). L-għada, kont il-fatat ta’ Mintoff li jċanfar jew jitħabbeb mal-Labour, skont fejn idur r-riħ. Iż-żugraga ddur iddur!
Il-qarrejja waddbu kull xorta ta’ insulti lejja u lejn ħuti kittieba fuq gazzetti oħra. Biex nuża kliem il-kbir Perit innifsu: “Xerrdu l-velenu tagħkom kollu fuqi. Isa, aħlu fuqi l-linka u l-karti kollha li għandkom. Dan, lili, jagħtini aktar saħħa!”
Mill-inqas jidher li qrast nerv. Tajjeb wisq! Hekk ridt. Imma nsaqsi lili nnifsi; imma dawn il-qarrejja waqfu jaħsbu.” Min jien qabel dan u x’jgħidu dwari r-reazzjonijiet tiegħi għal dan?”
Fejn irrid nasal b’dan il-ħsieb?
Naħdem bħala Learning Support Educator (LSE) fi skola sekondarja. L-inklużjoni hija xogħli, il-passjoni tiegħi. Inħobb nara diskussjonijiet reali fil-klassi għax dan ifisser li l-istudenti qed jaħsbu lil hinn mill-ktieb tat-test. Imma dan l-aħħar, rajt xi ħaġa li ħasbitni.
F’lezzjoni tar-reliġjon dwar l-empatija, l-istudenti daħqu bl-uġigħ ta’ ħaddieħor. Fl-Istudji tan-Negozju, minflok ma staqsew kif il-marketing jimmanipula lin-nies, refgħu platitudnijiet klassisti, razzisti, omofobiċi u sessisti u ppruvaw ixejnu kull diskussjoni bħala “bla sens”. Meta ħarġet l-etika fit-trobbija tal-annimali, student wieħed ġabarha fil-qosor: “Mhux importanti li tagħmel il-flus?”
Hemm, jien, bdejt nixtarr.
It-tfal ma jikbrux fil-baħħ. Huma jirriflettu d-dinja li aħna, l-adulti, noħolqu. Imma aħna ma nagħtuhomx — jew lilna nfusna — ħin biex naħsbu. L-iskejjel jgħaġġlu biex jilħqu l-miri tal-eżamijiet, il-ħaddiema jiġru wara l-pagi biex jgħixu u l-ħnieżer jiġru wara profitt bla waqfien għall-profitt li jagħmlu lilhom infushom bla bżonn għas-soċjetà, u diskussjonijiet reali huma meqjusa bħala ħela ta’ ħin. Aħna mħarrġa biex insegwu, mhux biex niddubitaw.
Matul il-proċessi ta’ Nuremberg, in-Nażisti skużaw id-delitti tagħhom billi qalu, “Konna biss insegwu ordnijiet”.
Nagħmel hawn parafrażi ta’ żewġ xogħlijiet mill-isbaħ ta’ Hannah Arendt; ma kienx hemm spazju biex taħseb. L-essenza tat-totalitarjaniżmu hija n-nuqqas ta’ ħsieb.
Fin-nuqqas ta’ ħsieb, nistgħu nkunu mostri.
Li hu tassew ironiku hu li aħna kburin li naħsbu lilna nfusna bħala xi kollox ħlief totalitarji; aħna, wara kollox, kapitalisti f’demokrazija, ngħidu aħna. Imma qatt ma nagħmlu konnessjoni bejn il-kapitaliżmu u t-totalitarjaniżmu.
Ma nagħmlux il-konnessjoni li aljenajna ruħna mill-umanità tagħna permezz ta’ spinta għall-profitt, feles bejnna u bejn il-bnedmin bħalna li qed nagħsru biex ikollna aktar u aktar. Imma nimmeraviljaw ruħna għax f’Malta jsaltnu l-ħnieżer.
Aħna nisseparaw lilna nfusna mill-umanità ta’ madwarna saħansitra aktar b’ritmu ta’ rentseeking u investimenti; anqas niltaqa’ u nżomm il-polz tal-vittma tiegħi f’idi, inqas nimxi fiż-żraben tagħhom, inqas nara d-dinja tagħhom, iktar inkun kuntent. Wara kollox, jien mgħobbi biżżejjed biex nipprova ngħix l-inkwiet reali jew perċepit tiegħi stess, hux? Allaħares ikolli nġorr is-salib ta’ xi ħaddieħor.
Imma huwa sew jekk nitfa’ tiegħi fuq tagħhom u nġegħelhom iġorruh?
Nipprova neħles lili nnifsi minnha billi kultant narmi l-flus fuq xi problema; ara, “Jien jimpurtani mill-foqra u l-bżonn”, niktbilhom ċekk u nagħti donazzjoni għat-telethon li ssir kuljum. Imma jien ma jimpurtanix jew lanqas naħseb dwar kif l-azzjonijiet tiegħi jagħmluhom agħar jew jeżistu fl-ewwel lok. Live and let live qallu!
Ir-realtà li hemm faqar, gwerra, mard, ġuħ fuq in-naħa l-oħra ta’ għemilna hija barranija għalina; imma nippritkaw ir-“responsabbiltà” mingħajr ma verament niddiġerixxu li l-qofol tar-responsabbiltà huwa li naħsbu fil-konsegwenzi. Inklużi l-konsegwenzi fuq nies oħra.
Imma kif nistennew li jkun hemm bidla jekk ma nkunux kapaċi nimpenjaw ruħna għall-bidla li għandna bżonn fina nfusna, fil-ħsieb tagħna stess, fil-mod tagħna stess kif nagħmlu l-affarijiet?
Kulma rridu nagħmlu huwa li naħsbu f’nies oħra bħala nies li jirrispondu għar-realtajiet li jaffaċċjaw. Realtajiet aħna, forsi, nikkontribwixxu fil-ħolqien tagħhom.
“Imbagħad huma wkoll iweġbuh u jgħidulu: ‘Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”
Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn ħutkom, anqas miegħi ma għamiltuh”. - Mt 25, 46