Stefan Zrinzo Azzopardi | Lejn normalità ġdida

Bl-għajnuna ta’ kulħadd, b’determinazzjoni soda, b’għażliet responsabbli u t-tmexxija li jeħtieg pajjizna, se negħlbu l-isifidi u se nirbħu saħħitna.

Arkivji
Arkivji

Żgur li qatt ma immaġinajna li matul ħajjitna se jkollna nbiddlu b’mod drastiku il-mod kif ngħixu, il-mod kif naħdmu u għal ħafna raġunijiet il-mod kif inġibu ruħna ma’ xulxin. Bħala poplu aħna soċjevoli ħafna. Infittxu kull okkażjoni kif niltaqgħu u ħafna minn ħajjitna hija marbuta ma’ attivitajiet li nagħmlu flimkien ma’ ohrajn.

Ħaġa li ninnota li ħafna minnha, li forsi kienu xi ftit jew wisq indixxiplinati kif iżommu l-kju, fl-aħħar ġimgħat mhux biss qed iżommu mal-kju iżda wkoll qed iżommu d-distanza rikjesta bejn persuna u oħra. Qatt xi darba ħsibna li se nidħlu wieħed wieħed għand l-ispiżjar jew meta mmoru nixtru l-affarijiet ta’ kuljum?

Ngħid għalija, qatt ma immaġinajt li għal gimgħat sħaħ se nkun qiegħed nillimita l-mod kif nikkomunika mal-ġenituri tiegħi, li l-kuntatt ma’ ħafna nies qrib tiegħi se jispiċċa b’xi telefonata. Qatt ma ħsibt li d-djarju tiegħi se jitbattal kompletament mill-attiviajiet li regolarment kont nattendi tas-soċjetajiet u għaqdiet oħra li nżomm qrib ħafna tagħhom.

Ir-rutina ta’ kull jum kellha titfassal mill-ġdid. Fil-għodu sa ftit taż-żmien ilu kien ifisser tellieqa mal-ħin biex flimkien mal-mara nara li t-tfal tagħna ikunu fil-ħin għall-vann tal-iskola. Minkejja li konna għandna biss wasalna f’Marzu, kellna nagħmlu arranġamenti kif it-tfal tagħna ikomplu bl-istudji tagħhom minkejja li mhux qed jattendu l-iskola wara d-deċizjoni iebsa imma imporanti li jingħallqu l-iskejjel.

Il-ġurnata minn waħda mizgħuda b’laqgħat waħda wara l-oħra, illum saret waħda mimlija b’laqgħat li ħafna minnhom isiru bl-għajnuna tat-teknoloġija. Ix-xogħol xorta waħda baqa’ għaddej, iżda l-prioritajiet li fassalt ftit tal-ġimgħat ilu fil-bidu tal-ħidma tiegħi bħala segretarju parlamentari kelli naġġusta għal dak li huwa meħtieġ biex inkomplu naħdmu ħalli negħlbu din il-pandemija.
In-nies qegħdin jistaqsu imma meta se nerġgħu immoru lura għan-normal? Hemm min isaqsina, imma se nerġgħu inkunu bħalma konna qabel?

Il-miżuri li kellhom jittieħdu biex inwieġbu għal pandemija huma miżuri iebsa imma meħtieġa. Ma fissrux biss restrizzjonijiet iżda ħallew impatt fuq numru ta’ affarijiet bhal pereżempju t-traffiku. Il-fatt li aktar nies qed jibqgħu id-dar wassal biex it-traffiku jonqos b’mod drastiku. Tgħid nibqgħu inkunu konservattivi fl-użu tal-karozzi tagħna biex inżommu l-livell tat-traffiku f’livell baxx?

Fuq livell ekonomiku, il-gvern ħabbar diversi miżuri biex inaqqas l-impatt fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna kif wkoll biex naraw li jkun hemm l-inqas impatt possibbli fuq l-impiegi f’pajjiżna. Madanakollu, bosta jistaqsu dwar pjan biex miżuri jibdew jitnaqqsu u ċertu attivitajiet jerġgħu jibdew jieħdu l-ħajja.

Nemmen li  l-priorità ewlenija għandna tibqa’ li nieħdu ħsieb l-ewwel u qabel kollox is-saħħa tan-nies. Sar xogħol kbir biex f’pajjiżna inżammu in-numri baxxi iżda dan seħħ ukoll grazzi għall-koperazzjoni tal-poplu li ikkopera biex mexa mal-istruzzjonijiet li ingħatajna mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Bl-istess mod tajjeb li l-awtoritajiet tas-saħħa tawna direzzjoni biex inżommu n-numri baxxi se ningħataw direzzjoni dwar kif nistgħu naġġustaw ruħna skont l-evidenza xjentifika li jkollhom minn żmien għal żmien. Anke hawnhekk, se jkun importanti ferm li l-pubbliku jikkopera mal-istruzzjonijiet li ningħataw għax żgur li ma nistgħux immorru lura għal tneħħija tal-mizuri qisu tfejna xi swiċċ.
Fl-istess hin, se nkunu qed nagħmlu xogħol important ferm biex b’għaqal u b’ħidma b’saħħitha nerġgħu nagħtu spinta ‘l quddiem lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Matul din il-ġimgħa tħabbar b’kemm se tonqos l-ekonomija tagħna. Ma ninsewx li l-miżuri li ttieħdu biex inwieġbu għall-pandemija wasslu biex ikollna setturi sħaħ li jieqfu kompletament.

Irridu nkunu nnovattivi bil-mod kif naħdmu. Irridu nħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu u naħdmu b’rieda soda li nerġgħu niksbu suċċessi ġodda għal pajjiżna. Ma rridux naqtgħu qalbna milli nwettqu bidliet importanti fil-mod kif nahdmu. Konvint li nistgħu nilħqu miri importanti li mhux biss noħorġu minn din is-sitwazzjoni, iżda noħorġu minnha aħjar milli konna qabel.

Bl-għajnuna ta’ kulħadd, b’determinazzjoni soda, b’għażliet responsabbli u t-tmexxija li jeħtieg pajjizna, se negħlbu l-isifidi u se nirbħu saħħitna.
 

More in Politika