
Iktar minn sempliċement Papa
Insellmu l-memorja ta’ Papa Franġisku
.png)
Il-qima u r-rispett għall-Papa u għall-Papiet Kattoliċi hija waħda straordinarja. Iktar u iktar meta tqis li l-Knisja Kattolika m’għadx għandha l-forza morali u politika daqskemm kellha fis-snin ta’ qabel.
Imma naħsbu li l-personalità, il-karattru, u d-direzzjoni reliġjuża u politika tal-Papa li miet kienet tant meqjusa, bżonjuża u meħtieġa għaż-żmien li qed ngħixu, u huwa ċar li ħalla impatt kbir fuq kulħadd.
Fejn ħaddieħor fl-arena internazzjonali kien silenzjuż u bla kliem, il-Papa tkellem u kien ċar fi kliemu. Kien ċar dwar l-immigranti, dwar il-gwerer, dwar il-kapitaliżmu, il-konsumeriżmu, u dwar it-tbatijiet tal-ġnus fi nħawi u f’żoni differenti fid-dinja.
Il-fatt li l-Papa twieled ġo pajjiż li kellu storja ta’ nuqqas kbir ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem kien utli għalih meta ġie biex wasal u jitkellem dwar dak li kien qed jiġri f’Gaża u fis-Sudan.
Kien infatti kuraġġjuż fejn politiċi oħra kienu assenti jew silenzjużi.
Id-diskorsi tiegħu kellhom eku morali — il-Papa ma kellux saħħa ekonomika jew politika. Imma safrattant il-kliem tiegħu kien influwenti.
Fi Knisja Kattolika li kienet mifnija minn konservattiviżmu żejjed u drawwiet antiki, il-Papa Franġisku kien determinat li jkun aktar miftuħ għall-gays, kif ukoll ċar u trasparenti dwar ir-rwol u l-atteġġjament tal-Knisja fid-dawl ta’ abbużi minn membri tal-kleru.
Il-pass li jmiss hu li l-Knisja tkompli fil-passi ta’ Franġisku. Hemm bżonn Papa moħħu miftuħ u mhux konservattiv. Papa li jkun konxju, mhux biss mill-bżonnijiet tal-Kattoliċi, imma wkoll mill-fatt li għal ħafna nies, gvernijiet u nazzjonijiet — il-Papa huwa l-vuċi għal min m’għandux vuċi, il-leħen għal min m’għandux, u fuq kollox il-kuxjenza tas-sewwa.
Insellmu l-memorja ta’ Papa Franġisku.