Claudette Buttigieg | Il-Ħelsien, il-Libertà, il-Ġustizzja u l-Verità

"Waħda mill-aktar xejriet allarmanti hija l-attakk bla waqfien tal-Gvern fuq l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ewlenin... L-istat tad-dritt, il-pedament ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika, qed jiġi kompromess"

"Il-pilastri stess tas-soċjetà tagħna... qed jiġu mminati b’mod sistematiku mill-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela"

Malta, nazzjon li sa ftit ilu kien xhieda tad-demokrazija u difensur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, qed jaffaċċja theddida serja. Il-pilastri stess tas-soċjetà tagħna – fosthom il-ħelsien, il-libertà, il-ġustizzja, u l-verità – qed jiġu mminati b’mod sistematiku mill-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela. Permezz ta’ sensiela ta’ bidliet leġiżlattivi u manuvri istituzzjonali, qed naraw konċentrazzjoni perikoluża ta’ poter f’idejn l-eżekuttiv, li qed toqtol il-kontrolli u l-bilanċi li huma essenzjali għal demokrazija b’saħħitha. 

Hija b’diqa kbira li ħassejt li għandi nindirizza din il-kwistjoni, iżda ż-żmien għas-silenzju ilu li għadda. Il-poplu ta’ Malta jistħoqqlu jkun jaf il-verità dwar it-tnaqqis insidjuż tal-libertajiet tiegħu. Qed naraw xejra ta’ mġiba li tiżvela intenzjoni ċara: li jikkonsolida l-poter, jikkontrolla l-istituzzjonijiet, u jsikket id-dissens. 

Waħda mill-aktar xejriet allarmanti hija l-attakk bla waqfien tal-Gvern fuq l-indipendenza tal-istituzzjonijiet ewlenin. L-istat tad-dritt, il-pedament ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika, qed jiġi kompromess. Rajna lill-Avukat Ġenerali, li darba kien pilastru tal-imparzjalità, taġixxi dejjem aktar b’mod li jidher li jiffavorixxi l-interessi tal-Gvern.  

Kuljum nisimgħu b’ħatriet li qed iqajmu tħassib serju dwar l-influwenza dejjem tikber tal-Gvern, bil-meritokrazija spiss tiġi sagrifikata fuq l-artal tal-esperjenza politika. Mhux talli jsiru dawn il-ħatriet, talli b’mod mill-aktar sfaċċat, il-Gvern qed jipprova jevita l-iskrutinju parlamentari li jsir fil-kumitat tal-ħatriet fl-istess parlament. 

Il-libertà tal-espressjoni, dritt fundamentali minqux fil-kostituzzjoni tagħna, hija wkoll taħt assedju. Filwaqt li l-Gvern jista’ jgħid li hu favur dawn il-prinċipji, bil-fatti qed jagħmel mod ieħor u l-azzjonijiet tiegħu qed jitkellmu waħedhom.  

Rajna ġurnalista tiġi mmassakrata brutalment u ma tgħallimna xejn. Id-djar tal-midja u l-ġurnalisti li qed jippuvaw jaqdu dmirhom qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jagħmlu dan. Uffiċjali tal-Gvern, jew aħjar dawk assoċjati mill-qrib mal-Partit Laburista, qed jagħmlu minn kollox biex l-informazzjoni li qed tintalab mill-midja tibqa’ mistura u ma tarax id-dawl tax-xemx! L-għan huwa ċar: li jsikket vuċijiet kritiċi, li joħnoq il-ġurnaliżmu investigattiv, u li joħloq klima ta’ biża’ fejn iċ-ċensura ssir in-norma. 

Il-vuċijiet ribellużi jew ta’ protesta qed jiġu emarġinati, u d-dritt tal-pubbliku li jaċċessa informazzjoni diversa u imparzjali qed jitnaqqar. F’demokrazija, l-aċċess ħieles u f’waqtu tal-informazzjoni huwa vitali, iżda f’Malta llum, dan qed jiġi fgat. 

Il-kontroll tal-Gvern fuq ix-xandir pubbliku wkoll żdied. Ix-xandir pubbliku, il-Public Broadcasting Services (PBS), li għandu jkun pjattaforma għal aħbarijiet oġġettivi u imparzjali, sar dejjem aktar il-vuċi partiġġjana tal-Gvern, jirrepeti n-narrattiva tiegħu u jipproteġih mill-iskrutinju. Din il-manipulazzjoni sfaċċata tax-xandir pubbliku huwa affront għall-prinċipji tal-verità u t-trasparenza. 

Hekk, pereżempju, f’Marzu li għadda, fuq il-PBS, kien hemm numru ta’ rappurtaġġi li jqarrqu u jiżgwidaw lin-nies. L-Awditur Ġenerali jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalista biex jinvestiga l-kuntratt tal-inċineratur tal-iskart tal-Magħtab. Dan huwa stat ta’ fatt, imma għall-PBS mhux. 

Fir-rappurtaġġ ta’ TVM, il-PBS prova jitfa’ dubji u jirrapporta daqslikieku dan kien xi rapport li kiteb il-Partit Nazzjonalista u mhux l-Awditur Ġenerali. 

Każ ieħor, bi statistika tal-NSO (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika), juri li fi Frar għoliet il-ħajja. Dan ukoll huwa stat ta’ fatt, imma għall-PBS mhux. Fil-fatt, il-PBS jirrapporta bħala stat ta’ fatt li fi Frar il-ħajja għoliet meta mqabbel ma’ Jannar imma l-għada jirrapporta stqarrija tal-PN daqslikieku l-għoli tal-ħajja kienet xi invenzjoni tal-PN billi juża l-kliem “Il-PN jgħid li l-ħajja qed tkompli togħla”. Huwa normali li kliem bħal dan, jew inkella kliem bħal “skont il-PN” jintuża mill-PBS biex stat ta’ fatt jinġieb jidher qisu qed jgħidu l-PN. 

Każ ieħor ta’ rappurtaġġ żleali kienet it-tweġiba tal-PN għall-Mozzjoni tal-Partit Laburista biex tiċċensura lill-Oppożizzjoni fil-Parlament. Fil-15 ta’ Marzu, il-PN, permezz tal-Kap Bernard Grech, ħareġ stqarrija biex iwieġeb għall-Mozzjoni tal-Labour fil-Parlament biex jiċċensura lill-Oppożizzjoni. Il-PBS jirrapportaha billi juża l-kelma “jallega”. 

F’dawn il-każijiet u f’każijiet oħrajn, qed naraw xejra inkwetanti tal-Gvern li juża r-riżorsi vasti tiegħu biex jikkontrolla n-narrattiva. Il-fondi pubbliċi qed jintużaw f’kampanji ta’ propaganda mfassla biex jigglorifikaw lill-Gvern u jiddemonizzaw lill-kritiċi tiegħu, speċjalment membri tal-Oppożizzjoni. Dan l-abbuż ta’ poter mhux biss jimmina l-proċess demokratiku iżda wkoll iqarraq il-fiduċja pubblika. 

L-attakk tal-Gvern fuq il-libertà jestendi għal oqsma oħra ta’ ħajjitna. Rajna liġijiet li jnaqqsu l-libertajiet individwali, ħafna drabi taħt l-iskuża tas-sigurtà jew l-ordni pubblika. Dawn il-liġijiet, filwaqt li jiġu ppreżentati bħala miżuri neċessarji, spiss iservu biex jespandu s-setgħat ta’ sorveljanza tal-Gvern u jillimitaw il-ħila tagħna li ngħixu ħajjitna ħielsa minn indħil żejjed. 

It-tnaqqir u t-tnawwir tal-ħelsien veru, tal-libertà, tal-ġustizzja, u fuq kollox tal-verità f’Malta, mhix kwistjoni partiġġjana; hija kriżi nazzjonali. Hija kriżi li thedded it-tessut stess tad-demokrazija tagħna u l-valuri li għandna għal qalbna. Ninsabu f’salib it-toroq, u l-għażliet li nagħmlu llum se jiddeterminaw il-futur tan-nazzjon tagħna. 

Aħna, bħala nazzjon, irridu nirreżistu din iż-żurżieqa lejn l-awtoritarjaniżmu. Irridu niddefendu d-drittijiet fundamentali tagħna u nitolbu li l-Gvern tagħna jirrispetta l-prinċipji tad-demokrazija. Irridu nappoġġaw lil dawk li jazzardaw jindirizzaw il-verità lil min għandu f’idejh il-poter, lil dawk li jiġġieldu għall-ġustizzja, u lil dawk li jirrifjutaw li jiġu msikkta. 

Il-Partit Nazzjonalista, bħala l-partit li minn dejjem iġġieled favur id-demokrazija u s-saltna tad-dritt, se jkompli jkun fuq quddiem f’din il-ġlieda. Se nkomplu nikkontestaw l-abbużi tal-poter tal-Gvern, nesponu t-tentattivi tiegħu biex jikkontrolla l-istituzzjonijiet, u niddefendu d-drittijiet tal-poplu Malti. 

Il-ġlieda għal ħelsien veru, il-libertà, il-ġustizzja, u l-verità hija ġlieda għar-ruħ tan-nazzjon tagħna. Hija ġlieda li ma nistgħux naffordjaw li nitilfu. Ejjew inwieġbu għal din l-isfida b’kuraġġ, b’determinazzjoni, u b’impenn sod għall-valuri li jagħmlu lil Malta soċjetà tassew demokratika u ħielsa.

More in Politika