Albert Buttigieg | Mhux kulma jleqq...

"Illum il-Partit Laburista sar kollox għajr Partit Laburista! Fir-realtà juża lill-ħaddiem u lill-persuni vulnerabbli biex tal-qalba jkomplu jitħanżru u jiffangaw"

Mhux kulma jleqq huwa deheb. 

Din l-espressjoni tfisser li mhux dak kollu li jidher minn barra sabiħ u jleqq, huwa hekk fir-realtà. L-esperjenza mhux l-ewwel darba turina li hemm differenza bejn dak li jidher u bejn dak li huwa fir-realtà

Dan jista’ jgħodd ħafna għall-Gvern Laburista. 

Għalkemm jidher li huwa Gvern li jispira ruħu minn valuri u politika soċjalista/leminija, fir-realtà, il-Partit Laburista sar aktar partit kapitalist u xellugi f’diversi temi, bħal pereżempju fuq it-temi tal-kostruzzjoni, in-negozju, l-immigrazzjoni, il-governanza, il-faqar u temi oħrajn. Illum il-Partit Laburista sar kollox għajr Partit Laburista! Fir-realtà juża lill-ħaddiem u lill-persuni vulnerabbli biex tal-qalba jkomplu jitħanżru u jiffangaw. Il-lista hija twila li tikkonferma dan.  

Ilkoll niftakru wkoll diversi slogans u kliem sabiħ bħalma huma: trasparenza, meritokrazija, kontabilità, u tolleranza żero għall-korruzzjoni. Kull min juża moħħu u ma jitmexxiex minn imnieħru jaf sew li dawn kienu/huma kliem fieragħ u bogħod mill-verità. Ir-realtà turi li f’pajjiżna m’hawnx trasparenza, meritokrazija, kontabilità, u ndafa, anzi hu mgħarraq fil-korruzzjoni! L-aħħar rapport tal-Word Corruption Index ipoġġina kważi fl-aħħar post!  

Diversi drabi, il-Gvern Laburista jagħti l-impressjoni li Malta miexja fuq ir-rubini, li kollox sejjer tajjeb u kulħadd huwa sinjur żgħir. Għalkemm m’għandi l-ebda problema nistqarr li hemm numru ta’ persuni u anke setturi li sejrin tajjeb (ironikament, setturi li ġew imdaħħla mill-PN fil-gvern, bħalma huma l-Igaming u s-servizzi finanzjarji), ir-realtà imma hija xi ftit differenti.  

Irridu nkunu onesti biżżejjed biex filwaqt li nagħrfu li l-ekonomija u ċerti setturi sejrin tajjeb, hemm ukoll persuni li lil hinn minn dan qegħdin ibatu u għandhom nuqqas ta’ kwalità ta’ ħajja.  

Dan ħareġ ċar minn studju riċenti, ‘Beyond Measurement: Insights for Wellbeing Policy in Malta’. Dan id-dokument kien maħruġ mill-Fondazzjoni Well-being bl-għajnuna tal-NSO u l-Università ta’ Malta. Dan ir-rapport, filwaqt li jinnota li hemm ekonomija jew aħjar GDP b’saħħtu, isib li: 

  • Hawn 8,079 miċ-ċittadini tagħna li jaqilgħu anqas minn €10,000 fis-sena; 
  • Hawn 40,900 li jinsabu fil-faqar materjali;  
  • 19,015-il ċittadin Malti li jinsab marid jew inkella ma jħossux tajjeb; 
  • 42,069 cittadin li jgħixu fi djar mudlama, bl-umdu jew b’saqaf iqattar; 
  • 143,784 ċittadin Malti li qegħdin jgħixu fi storbju kontinwu; 
  • 8,323 persuna li jħossuhom fi stat ta’ miżerja b’mod emozzjonali.  

Bħala politiku huwa fir-responsabbiltà tiegħi li nitkellem fuq din Malta u fuq dawn il-Maltin!  

Bħala politiku jrid ikolli l-kuraġġ li, filwaqt li ngħid ‘prosit’ lill-Gvern tal-ħidma tiegħu, ma nistax nagħlaq għajnejja għal din ir-realtà! Wara kull ċifra, m’hemmx biss numru imma persuna/familji tad-demm u l-laħam li qegħdin ibatu. 

Dan ifisser li rridu nsibu riga aktar wiesgħa biex inkejlu l-ġid u l-progress tal-pajjiż biex verament tkun stampa vera u ġusta! 

Għal divesi snin, ir-riga li ntużat biex tkejjel il-progress nazzjonali kienet riga ta’ GDP – Gross Domestic Product. Il-ħsieb huwa li aktar ma l-pajjiż ikollu ġid, aktar ikun hemm flus fil-but taċ-ċittadini.  

Filwaqt li l-GDP hija riga li għandha tibqa’ tintuża, nemmen li rridu nagħmlu pass ieħor u nintebħu li hemm rigi oħra ta’ kif wieħed ikejjel il-livell tal-għejxien taċ-ċittadini.  

Għalkemm il-flus huma importanti u neċessarji biex joffru livell aħjar ta’ għejxien, dawn mhumiex kollox. Forsi għal soċjetà materjalista, li aktar ma għandha aktar trid, din forsi tinstema’ stramba.  

Imma x’jiswa li jkolli l-ġid kollu tad-dinja u mbagħad imdejjaq bija nnifsi? X’jiswa li għandi l-flus imma m’għandix min iħobbni u jaċċettani kif jien? X’jiswa li għandi karozza lussuża imma nibqa’ mwaħħal siegħa fit-traffiku? X’jiswa li għandi l-liġijiet kollha imma xorta hawn min qed jissawwat jew jiġi ddiskriminat? X’jiswa li għandi xogħol imma m’għandix sodisfazzjoni f’xogħli? Fil-qosor: X’jiswa li l-pajjiż għandu GDP tajjeb imma mbagħad huwa mifrud, nervuż u mingħajr valuri? 

Għalhekk irridu mmorru lil hinn mir-riga tal-GDP u naraw fatturi/indikaturi oħra bħalma huma l-SDGs – Sustainable Development Goals. X’inhuma dawn?  

Dawn huma indikaturi li juru l-benessri tal-persuna, jiġifieri mhux biss jittieħed l-aspett finanzjarju imma, fost l-oħrajn, jittieħdu l-fatturi tas-saħħa tal-persuna, il-kuntentezza, l-edukazzjoni, ir-relazzjonijiet mal-familja jew mal-ħbieb, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, u l-ambjent. 

Fil-qosor: għandna naraw il-ġid/il-benessri tal-persuna b’mod ħolistiku. 

Konklużjoni 

Filwaqt li l-GDP huwa riga tajba u li għandha tibqa’ tintuża, inkunu diżonesti li nużaw biss din ir-riga biex naraw il-progress tan-nazzjon. Il-GDP waħdu jagħtina stampa li kollox ileqq imma fir-realtà din mhix l-istorja għal diversi persuni! Hija r-responsabbiltà tal-klassi politika li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura! 

More in Politika