Editorjal | Ċeritifikati ekonomiċi u assurditajiet tat-tfal!

Is-Sibt li għadda l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista waqgħet fl-assurd. Anzi f'assurditajiet li ma jitwemmnux

Nhar is-Sibt l-aġenzija ta' kreditu Standard and Poor's ippubblikat ħarsa ekonomika lejn Malta li hija - kif wieħed jistenna  - negattiva, pero' li fiha xaqq ta' dawl u tama. 

Kif jaf kulħadd turisti m'hawnx jew jekk hawn huma f'numri żgħar ħafna.  Dan diġa' jfisser illi l-ekonomija se tieħu daqqa kbira - mhux biss is-settur li direttament jopera fit-turiżmu iżda dawk l-eluf ta' fornituri li jgawdu mit-turiżmu u li bħalissa qed jiġġieldu biex jissopravivu u forsi jagħmluha sas-sena d-dieħla mingħajr ma jfallu.  Għal bosta negozji x-xhur li ġejjin se tkun battalja:  Jew kemm, kemm jgħixu jew imutu!

Setturi oħrajn bħall-kostruzzjoni, dejjem skont l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA), sejrin tajjeb ukoll fiċ-ċirkostanzi.

Il-konsum pubbliku minkejja li żgur illi għadu ħafna inqas mis-sena l-oħra ra titjib.  Il-Bank Ċentrali ta' Malta qal, għal-Lulju, li l-kunfidenza fost il-konsumaturi tjiebet b'mod gradwali minn April (-15.8) għal Lulju (-3.3), għalkemm baqgħet fin-negattiv.  Mhux l-istess fir-rigward ta' ħwienet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut (retail) u l-kunfidenza f'dan is-settur.  Din kienet diġa' ta' żero u kompliet nieżla għal -53.6 f'Lulju, ibbażat fuq kif qed jaraw in-negozju għat-tliet xhur li ġejjin u mill-assesjar tan-negozju tax-xahar ta' qabel.  Fl-2018 il-kunfidenza kienet pożittiva u tlaħħaq it-8.2 punti u fl-2019 laħħqet l-4.2 punti.

Din il-ġimgħa wkoll l-Assoċjazzjoni ta' Min Iħaddem ħarġet rapport illi fih, fost oħrajn, turi kif 38% biss  ta' min iħaddem qed jgħid li mhux se jżid it-tkeċċijiet tal-ħaddiema fit-tliet xhur li ġejjin filwaqt li 19% wieġbu illi se jżidu.  Intant, 43% għadhom indeċiżi hux se jkeċċu ħaddiema jew le fl-aħħar xhur tal-2020. 

Standard & Poor's tgħid illi l-ekonomija se tiċkien bi 8% filwaqt li d-defiċit mistenni jiżdied għal 8.7% tal-Prodott Gross Domestiku, ferm 'il bogħod mis-surplus u s-suċċessi ekonomiċi li kien qed jagħmel il-pajjiż qabel il-pandemija. 

Gvern Laburista, jekk għandu bosta nuqqasijiet li dan l-editorjal jitkellem dwarhom b'mod skjett, daqstant ieħor għandu preġji; l-ewwel u qabel kollox l-immaniġġjar ekonomiku ta' Malta

Iżda r-rapport ta' Standard & Poor's qed ibassar li tliet fatturi se jwasslu biex l-ekonomija jkollha fejqan b'saħħtu u biex tal-inqas id-daqqa ma tkunx daqstant kbira:  L-ewwelnett, it-tnaqqis tad-dejn tal-pajjiż matul is-snin, biex minn 69% tal-Prodott Gross Domestiku niżel għal 43%.  It-tieni; se jgħin ukoll il-fatt li l-Gvern naqqas id-defiċit - id-differenza bejn kemm idaħħal flus pajjiż u kemm joħroġ pajjiż.  Kif nafu fl-aħħar snin Malta kienet qed tagħmel surplus u dan allura għen biex meta l-Gvern beda jiekol, kien qed jieħu flus minn kaxxa mimlija mhux kaxxa bil-minus.  U fl-aħħarnett l-aġenzija ssemmi il-miżuri li ttieħdu waqt il-pandemija  - b'mod speċjali l-Wage Supplement li għenet mhux ftit biex ma jintilfux impjiegi. 

Żgur illi dan kollu għandu jagħtina ftit tama li m'aħniex ħażin daqs kemm inħossu li qegħdin u li wara kollox verament kellna finanzi fis-sod.  Gvern Laburista, jekk għandu bosta nuqqasijiet li dan l-editorjal jitkellem dwarhom b'mod skjett, daqstant ieħor għandu preġji; l-ewwel u qabel kollox l-immaniġġjar ekonomiku ta' Malta. 

U jekk kien hemm bżonn ċertifikat ta' dan kien propju dak tal-S&P. 

Miċ-ċirku tal-assurd!

Is-Sibt li għadda l-kampanja tal-Partit Nazzjonalista waqgħet fl-assurd. Anzi f'assurditajiet li ma jitwemmnux. 

Il-kjass kollu inqala' wara li Adrian Delia ddikjara lbieraħ bħala 'jum iswed għall-Partit Nazzjonalista'.  Wieħed malajr kien jaħseb li ma tħalliex jitkellem jew jikkampanja jew li kien hemm xi attakk vjolenti fuq il-Partit Nazzjonalista, bħalma kien jiġri snin ilu.  Jew forsi xi attakk fuq il-persuna ta' Delia nnifisha.  Le, xejn minn dan!  Kien sempliċiment il-fatt li wara għaxart ijiem bl-iskeda ċara tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li lbieraħ filgħodu kellu jitkellem Adrian Delia għal nofs siegħa fil-11:00 a.m u Bernard Grech fil-11:30 a.m., Delia lbieraħ ma qabilx u deherlu li jrid jitkellem fil-11:30 a.m bħala Kap tal-Oppożizzjoni u bilfors irid jitkellem f'dak il-ħin.  

Iktar tard il-Kummissjoni Elettorali tal-PN qalet li lil Delia saħansitra offrietlu kwarta ħin aktar minn Grech, minħabba li hu Kap tal-Oppożizzjoni.  Imma hu ma riedx. Jew fil-11:30 a.m jew xejn!

Delia jeħtieġ joqgħod attent li b'għemilu ma jagħtix l-impressjoni li donnu ma jridx jilgħab il-logħba bil-ġust u jidhirlu li jista' jqum filgħodu u jiddeċiedi li hu u hu biss jitkellem!  U sopra corna bastonate jekk ma jiħux li jrid imur jgħid li xi ħadd qed jipprova jagħlaq ħalqu u li "jum iswed għall-PN".

Xi ħadd ta' stoffa u ta' fibra morali, preferibbilment ħabib tal-qalb ta' Delia għandu jiġbdu fil-ġenb u jtarraflu f'widnejh biex ma jwaqqax lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista għaż-żufjett u ma joħloqx kwistjonijiet għalxejn f'partit diġa' mkisser bil-firda!

Xi ħadd ta' stoffa u ta' fibra morali, preferibbilment ħabib tal-qalb ta' Delia għandu jiġbdu fil-ġenb u jtarraflu f'widnejh biex ma jwaqqax lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista għaż-żufjett u ma joħloqx kwistjonijiet għalxejn f'partit diġa' mkisser bil-firda!  Għandu punti tajbin fuq xhiex jikkampanja jekk irid u jekk ta' madwaru juruh. 

Xi ħadd - jekk hemm xi ħadd wara kollox - li għandu farka rispett lejn Adrian Delia fil-partit għandu jgħidlu!  

More in Politika