Jerome Caruana Cilia | Mudell ekonomiku li ħoloq prekarjat ġdid
Jerome Caruana Cilia huwa kandidat għall-elezzjoni ġenerali fuq is-Sitt distrett u Minority Leader Ħal Qormi
Ħa nkun ċar mill-bidu. F’dan l-artiklu se nkun qed inħares lejn iċ-ċifri mill-aspett soċjo-ekonomiku.
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jħaddmu huma qalbhom tajba u jimxu mal-parametri tal-liġi filwaqt li jirrispettaw lill-impjegati tagħhom, b’uħud minnhom saħansitra jqisu lil xulxin bħala familja. Sfortunatament, bħal kull sitwazzjoni oħra, mhux kulħadd jimxi bl-istess mod.
Bil-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista, dan ippermetta li jiġu f’pajjiżna bosta persuni barra minn xtutna biex jaħdmu f’impjiegi bi qligħ baxx. Mudel ekonomiku mibni fuq pagi baxxi, xogħol prekarju u kundizzjonijiet ħżiena, mingħajr valur miżjud. Dan kollu kien se jwassal biex malli jkun hemm l-iċken tnaqqis fir-ritmu ekonomiku (aħseb u ara xokk fl-ekonomija) bosta ħaddiema Maltin u Għawdxin jintlaqtu ħażin ħafna. Dan il-mudell ekonomiku wassal għall-ħolqien ta’ inġustizzji kbar.
L-ewwel inġustizzja: bosta Maltin li nitkellem magħhom qed jiffaċċjaw problemi serji ta’ prekarjat. It-tieni inġustizzja: numru ta’ barranin, partikolarment dawk minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, qed jiġu sfruttati b’pagi baxxi u kundizzjonijiet ħżiena. Kull ħaddiem, indipendentement mill-kulur tal-ġilda, ir-razza jew it-twemmin, għandu d-dinjità tiegħu u jeħtieġ li jiġi rrispettat. It-tielet inġustizzja: ir-rata qawwija ta’ immigrazzjoni matul l-aħħar 7 snin ma kentix ippjanata u immaniġġjata kif suppost. Dan wassal għal pressjoni kbira ferm fuq il-qasam tas-saħħa, l-infrastruttura, il-problema dejjem tiżdied ta’ nuqqas ta’ spazju ta’ parkeġġ, sfidi fil-qasam tal-edukazzjoni u l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Żieda ta’ 92,000 persuna
Skont ċifri tal-NSO, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna sal-2012 kienet ta’ 422,509 li minnhom 23,611 kienu barranin. Skont l-istess NSO, il-popolazzjoni ta’ pajjiżna sal-aħħar tal-2019 kienet ta’ 514,564 żieda ta’ madwar 92,000 persuna f’7 snin biss. Fl-2019 biss ġew 16,938 persuna minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u mal-9,883 persuna mill-Unjoni Ewropea. Dan ifisser total ta’ 26,821 f’sena waħda biss. Barraminnhekk, in-numri juru kif il-maġġoranza assoluta tal-barranin li qed jiġu f’pajjiżna biex ifittxu x-xogħol, fost oħrajn, huma minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea.
Minn naħa l-oħra fatt ieħor interessanti huwa kemm twieldu persuni fl-2019: ir rata tat-twelid naqset bi 2% meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Fl-2019 għal kull elf persuna, twieldu disa’ trabi biss. L-NSO tkompli tgħid li fl-aħħar 10 snin ir-rata tal-fertilità f’pajjiżna naqset minn 1.42 għal 1.14.
Għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema
Il-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista wassal biex pajjiżna kellu waħda mill-iktar rati baxxi ta’ żieda fil-pagi fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Skont stħarriġ minn Eurofound, fl-2019 f’pajjiżna iż-żieda reali fil-paga minima kienet ta’ 0.91% biss. Dan filwaqt li fl-istess sena il-medja tal-inflazzjoni ta’ spejjeż relatati mal-edukazzjoni kienet ta’ madwar 2.8%, l-ikel żdied b’madwar 2% u l-inflazzjoni fil-kirjiet żdiedet b’madwar 6.2%. Hawnhekk qed nitkellmu fuq spejjeż essenzjali u mhux lussu.
Il-Gvern alternattiv immexxi mill-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jkollu viżjoni ekonomika ċara li tiffoka biex tattira setturi ekonomiċi ġodda ħalli jinħoloq ix-xogħol b’pagi li jrendu
L-eks Kap Eżekuttiv ta’ JobsPlus, Clyde Caruana, illum Ministru tal-Finanzi, għamel snin sħaħ jiddefendi l-mudell ekonomiku tal-Gvern biex litteralment jimporta eluf ta’ barranin. Studju tal-Eurofound sab ukoll li madwar 20% tal-Maltin u l-Għawdxin fuq il-paga minima isibuha diffiċli jew saħansitra diffiċli ħafna biex ilaħħqu mal-ħajja. Il-prekarjat ilu jeżisti u nemmen li gvernijiet passati kellhom jagħmlu ħafna biex jeqirduh, iżda l-mudell ekonomiku tal-Partit Laburista matul l-aħħar snin mhux talli m’għamilx hekk, iżda wassal għall-ħolqien ta’ prekarjat ġdid.
Mudell ekonomiku li falla
L-impatt tal-influss kbir ta’ barranin wassal biex il-kirjiet jogħlew b’mod drastiku. Waqt il-home visits f’Ħal Qormi, Ħal Luqa u s-Siġġiewi ltqajt ma’ każijiet ta’ ħafna persuni barranin li jgħixu taħt l-istess saqaf. Riċentament kont qed indur triq f’Hal Qormi u ltqajt ma’ sitwazzjoni fejn kien hemm 11-il persuna jgħixu f’daqqa. Kollha kienu ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Ma kellhomx dritt għall-vot f’elezzjoni ġenerali imma dħalt xorta u tkellimt magħhom. Wieħed minnhom biss kien jaf bl-Ingliż bażiku u li b’hekk stajna nifthemu. Introduċejt ruħi u bdejna niddiskutu. Qalli li għandu madwar Eur700 fi-xahar. Staqsejtu kif jgħaddi b’dil-paga. Qalli: “Jien sinjur”. Għidlu jispjegali x’ried jgħid biha. Qalli: “Eur100 għall-kirja, madwar Eur150 għal ikel u trasport fix-xahar u Eur100 għal li jinqala’”, il-bqija jibgħathom lura lil familtu f’pajjiżu fejn għandhom pagi ferm inqas minn hekk. Sirt naf li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn la għandu Ħdud u festi, b’sigħat twal ħafna u qalli li bil-kemm jista’ jieħu sick leave għaliex jagħmlu għalih. Pero’ qalli li kuntent. “Qiegħed hawn biex naqla’ lira, nagħmel ftit snin, u nerġa’ mmur lura pajjiżi ta’ sinjur żgħir.”
Nittama li qed tifhem dak li qal dan il-barrani x’impatt ħalla fuq il-ħaddiem Malti. Dan kollu ħoloq prekarjat ġdid. Dan l-aħħar il-Ministru tal-Finanzi stess ammetta li l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista għandu bżonn jitranġa. Mudell ekonomiku b’nuqqas ta’ viżjoni li wassal biex kien hemm daqqa ta’ ħarta fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin. X’ġara biex il-Ministru issa qed jgħid hekk? Possibbli li l-Ministru tal-Finanzi daqshekk maqtugħ mir-realtà li dam snin biex jifhem li dan kollu se jħalli impatt dirett u negattiv fuq il-pagi, il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin? Possibbli li ma rrealizzax li malli Malti jlissen kelma biex il-paga tiżdied bi dritt, dan jista’ jiġi mhedded li jitkeċċa biex minfloku jħaddmu l-barranin? Possibbli li l-Ministru ma fehemx li minn dan kollu l-ħaddiem u l-professjonist iż-żgħir se jbati konsegwenzi kbar u fit-tul? Possibbli ma rrealizzax li dan il-mudell ekonomiku se jwassal biex ikomplu jistaġnaw il-pagi f’oqsma fejn diġà hemm salarji baxxi? Possibbli li l-Ministri tal-finanzi ma rrealizzax li se joħloq sitwazzjonijiet ta’ prekarjat ġdid?
Il-Gvern alternattiv immexxi mill-Partit Nazzjonalista jeħtieġ li jkollu viżjoni ekonomika ċara li tiffoka biex tattira setturi ekonomiċi ġodda ħalli jinħoloq ix-xogħol b’pagi li jrendu u mhux mudell ekonomiku li jiffoka fuq il-konsum sfrenat mingħajr valur miżjud.