Josianne Cutajar | Il-kannabis - Użu responsabbli f’soċjetà aktar ġusta

Nemmen li huwa proċess li, jekk jitwettaq bil-galbu, għandu jsaħħaħ il-libertà tal-individwu f’pajjiżna u jkun pass progressiv fir-rigward ta’ drittijiet li jagħti daqskemm għaqli fid-dmirijiet li se jkun qed jitlob

Fil-jiem li għaddew, il-Gvern Malti nieda White Paper intiża sabiex pajjiżna jkollu qafas legali b’saħħtu u effettiv li jirregola l-użu responsabbli tal-kannabis. Dan il-qafas legali hu wieħed meħtieġ għaliex hu maħsub sabiex attwalment jiżgura li l-bilanċ bejn il-libertà tal-persuna u l-użu prudenti, responsabbli u infurmat tal-kannabis jintlaħaq u jkun wieħed ġust.

It-tħaddim xieraq u effettiv tal-ġustizzja jinsab fil-qalba ta’ dan il-pass progressiv li qiegħed jimbarka fuqu l-Gvern. Il-proposta ewlenija ta’ din il-White Paper hi li persuni li jkollhom fil-pussess tagħhom ammont stabbilit sa massimu ta’ seba’ grammi ta’ kannabis, ma jittieħdu l-ebda proċeduri kriminali fil-konfront tagħhom, inkluż l-arrest.

Dan allura ser ikun ifisser li dawk il-persuni kollha li jużaw il-kannabis b’mod responsabbli u fil-limiti tal-liġi, se jkunu ittrattati b’mod ferm aktar ġust u xieraq. Se jkun ifisser ukoll li ma jiddaħħlux persuni fis-sistema kriminali mingħajr ħtieġa. Fil-fatt, il-qafas legali propost diġà jikkontempla x-xenarju li fih, persuna li tkun wettqet reat li ma jibqax meqjus bħala tali fil-liġi ta’ Malta, jitneħħielha r-reat miċ-ċertifikat tal-kondotta tagħha.

Iżda fil-fehma tiegħi, aspett ewlieni fit-tfassil ta’ din ir-riforma hija l-enfasi ħolistika fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni u l-għarfien fl-użu responsabbli tal-kannabis. 

Il-qafas legali propost jisħaq b’mod ċar li, id f’id mal-użu responsabbli tal-kannabis, għandu jiżdied l-għarfien fattwali u xjentifiku dwarha minn dawk li jużawha u mill-pubbliku in ġenerali, b’mod li r-riskji, il-benefiċċji u l-effetti negattivi tagħha jkunu magħrufa mill-faxex kollha ta’ età b’mod ċar u preċiż.

F’kull aspett tal-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew ninsisti fuq il-ħtieġa għal aktar sostenibilità, kif ukoll fuq is-serjetà li biha għandna nfittxu l-għan tal-ġustizzja soċjali u l-ugwaljanza. 

Dawn l-għanijiet japplikaw għall-ispirtu ta’ dan il-qafas legali propost ukoll. 

Ilkoll naqblu li soċjetà aktar ġusta tfisser li nsibu l-aħjar toroq biex jintlaħaq il-ġid komuni b’mod kemm jista’ jkun wiesa’. Ir-relazzjoni bejn il-libertajiet tal-individwu u l-interess pubbliku sħiħ trid tkun parti importanti mid-dibattitu li għandna quddiemna. Il-konsultazzjoni u l-proċess li se jsir fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin għandu jitmexxa bl-għan li  minnu joħroġ l-aħjar interess taċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżna.

Permezz ta’ din il-White Paper qed jiġi propost ukoll li l-konsum tal-kannabis ikun regolat b’mod li din ma tistax tintuża fil-pubbliku. Barra minn hekk, l-użu u tkabbir tal-kannabis kif proposti f’dan il-qafas legali isiru fi spazju li ma jkunx viżibbli mill-pubbliku, f’post fejn ma joħorġux irwejjaħ, kif ukoll taħt il-kundizzjoni li l-kannabis ma tistax titkabbar biex tinbiegħ, u tista’ tiġi ikkunsmata biss f’dik l-abitazzjoni.

Fuq kollox, waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar din il-White Paper, se jkun importanti ħafna li nisimgħu l-vuċijiet kollha fis-soċjetà u fil-komunitajiet diversi tagħna. 

Il-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa tkellem fuq l-ispirtu ta’ responsabbiltà u għaqal li bih il-Gvern daħal għal dan il-qafas legali propost. Nemmen li huwa proċess li, jekk jitwettaq bil-galbu, għandu jsaħħaħ il-libertà tal-individwu f’pajjiżna u jkun pass progressiv fir-rigward ta’ drittijiet li jagħti daqskemm għaqli fid-dmirijiet li se jkun qed jitlob. 

Minn hawn nawgura li din il-White Paper ikollha r-rispons kostruttiv ta’ ħafna minnkom li naf kemm tixtiequ taraw lis-soċjetà Maltija tkompli tevolvi b’mod għaqli u progressiv fit-twassil ta’ drittijiet b’responsabbilita’ liċ-ċittadini tagħha. Min-naħa tiegħi se nibqa’ impenjata li l-vuċi tagħkom inwassalha fil-fora Ewropej. 

More in Politika