Jerome Caruana Cilia | Meta se tlissen kelma, għażiż PM?!

'Prim Ministru, din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Bħala Kunsill Lokali, flimkien mar-residenti Qriema, aħna magħqudin favur l-ambjent naturali tagħna. Inti li ġejt elett mis-6 distrett, li fosthom jinkludi lil Ħal Qormi, nitolbok, f’isem il-Qriema biex tagħti widen għall-karba tar-residenti. Iż-żejjed kollu żejjed'

Xi żmien ilu ikkuntattjani bidwi li għandu r-raba’ fiż-żona tal-Imrieħel f’Ħal Qormi u b’ton ta’ qtigħ il-qalb staqsieni: “x’nistgħu nagħmlu iktar?” It-tweġiba kienet ċara, iżda għidtlu biex jagħti ftit ċans u jekk jara li hu u bdiewa oħrajn jibqgħu jiġu injorati mill-awtorità u l-Gvern Ċentrali, jiktbu ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela. Din il-ġimgħa din l-ittra, iffirmata minn madwar 150 residenti Qriema u bdiewa, ġiet ippubblikata minn diversi ġurnali onlajn.

F’din l-ittra l-firmatarji wrew it-tħassib tagħhom dwar l-impatt li jista’ jkollu l-iżvilupp kif propost minn Infrastructure Malta kemm fuqhom bħala bdiewa iżda wkoll fuq din iż-żona f’Ħal Qormi. Dan l-iżvulipp se jeqred numru ta’ tmiem raba’ saqwi, l-uniku pulmun li fadal fiż-żona ta’ l-Imrieħel biswit Triq San Ġwakkin.

Bullying tactics mal-bdiewa

Attitudni li rajna mhux biss dwar din il-kwistjoni, imma wkoll f’numru ta’ każijiet oħrajn, bullying tactics minn awtoritajiet tal-Gvern Ċentrali. Il-bdiewa saħqu dwar dan mill-ewwel darba li ltqajt magħhom xhur ilu. “Iż-żgħir dejjem jispiċċa jaqla’ fuq rasu”, qalli bidwi li tkellimt miegħu din il-ġimgħa stess.

Fl-ittra tagħhom, il-firmatarji qalu li l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta: “wara li ċaħad bosta talbiet għal-laqgħat ta’ informazzjoni, laqagħna u minnufih tana x’nifhmu li għalxejn ippruvajna t-triq tad-djalogu. Barraminnhekk, ħa l-opportunità sabiex jipprova jgiddibna fuq il-midja tal-istat, filwaqt li aħna bqajna mingħajr l-ispazju biex inwieġbu”.

Din l-attitudni hi wkoll sintomatika ma’ membri tal-Kabinett tal-Gvern Laburista u apoloġisti tal-Partit Laburista. Il-kliem u l-attitudni ta’ ċertu individwi fil-konfront ta’ membri ta’ NGOs u l-bdiewa ma jagħmilx ġieh lill-pożizzjoni tagħhom. Il-bidwi jixraqlu ferm aħjar. L-NGOs, anke meta ma taqbilx magħhom, trid tirrispettahom u tapprezza l-kontribut li jagħtu fis-soċjetà tagħna partikolarment fil-qasam ambjentali.

Proposta alternattiva mill-Kunsill Lokali

Dan l-aħħar bħala Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ressaqna l-kontro proposta għall-flyover fil-bypass tal-Imrieħel. Permezz ta’ din il-proposta se nkunu qed insalvaw ir-raba’ saqwi f’din iż-żona u l-ebda tomna raba’ saqwi mhu se tkun qed tinqered. Dan ifisser li se nsalvaw l-uniku pulmun li fadal fiż-żona, iżda mhux biss, l-ilma tax-xita se jkun qed ikompli jiġi assorbit f’dan ir-raba’ saqwi u b’hekk ma jkunx hemm impatt negattiv fuq il-familji Qriema li jgħixu fil-Wied, fuq tal-Blat jew anke fiż-żona ta’ Triq San Ġwakkin, Triq il-Belt Valletta u f’żoni oħra fil-viċinanzi.

Din il-kontro proposta se toħloq spazju rikreattiv ġdid f’din iż-żona li żgur jista’ jitgawda mir-residenti Qriema u oħrajn. Minbarra li se ssebbaħ l-ambjent, il-kontro proposta se tkun qed tara li tiżdied is-sigurtà għal dawk li jimxu jew jagħmlu attività fiżika matul il-bypass bħal jogging. Fl-istess ħin il-kontro proposta se tkun qed tindirizza l-accident black spot li hemm fil-bypass.

Nissalvagwardjaw it-tradizzjoni tagħna

Fost il-kuntatt kontinwu li jkolli mar-residenti Qriema u l-membri tal-għaqdiet fil-Belt Pinto nista’ ngħid illi numru ta’ persuni membri tal-Kamra tan-Nar 23 ta’ April San Ġorġ Martri huma mħassba bl-iżvilupp kif propost mill-Gvern Ċentrali. Riċentament erġajt kellimt voluntier fil-qasam tal-piroteknika u saħaq li “dak li qed jipproponi l-Gvern qed jinkwetani, ara l-alternattiva tagħkom bħala Kunsill Lokali toffri iktar serħan il-moħħ”. Dan il-voluntier bħal ħafna oħrajn f’dan il-qasam, qiegħed jinkwieta li jekk bil-mod, il-mod jiżdied il-periklu li ma jkunux jistgħu jaħdmu u jaħarqu n-nar mill-post attwali, isibuha ferm diffiċli biex jinstab post alternattiv. Filfatt il-kontro proposta tagħna bħala Kunsill Lokali se tkun qed tissalvagwardja l-Kamra tan-Nar 23 ta’ April San Ġorġ Martri u probabbilment se tkun qed toffri spazju aħjar minn fejn numru ta’ dilettanti jaraw in-nar tal-ajru fi żmien il-festa.

Ħal Qormi jixraqlu nifs ġdid

Jien ningħaqad mar-residenti u l-bdiewa Qriema u nappella lill-Prim Ministru Abela biex jara li l-buon sens jirbaħ. Nappella biex jara li l-ġid komuni tal-Belt Pinto, ir-residenti u l-bdiewa jirbaħ fuq l-interessi tal-ftit. Ma jistax ikun li aħna l-Qriema nibqgħu nbatu deċiżjonijiet ħżiena a skapitu ta’ klikka żgħira ta’ nies. 

Il-firmatarji tal-ittra lill-Prim Ministru kienu ċari li l-alternattiva li qed nipproponu bħala Kunsill Lokali mhux biss tgawdi l-fiduċja tagħhom imma wkoll “ta’ parti l-kbira tal-opinjoni pubblika u minn numru ta’ għaqdiet li appoġġjawna tul dawn iż-żminijiet”.

Prim Ministru, din mhix kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Bħala Kunsill Lokali, flimkien mar-residenti Qriema, aħna magħqudin favur l-ambjent naturali tagħna. Inti li ġejt elett mis-6 distrett, li fosthom jinkludi lil Ħal Qormi, nitolbok, f’isem il-Qriema biex tagħti widen għall-karba tar-residenti. Iż-żejjed kollu żejjed. 

Nitolbok biex fl-aħħar tlissen kelma favur l-ambjent naturali tagħna l-Qriema u l-ftit raba’ saqwi li fadal fiż-żona. Nitolbok biex f’dan l-iżvilupp ma taħsilx idejk u tibqa’ ħalqek magħluq, imma li tara x’inhu verament ta’ ġid għar-residenti u l-bdiewa Qriema. Meta se titkellem għażiż Prim Ministru? 

Agħtu nifs lill-Qriema.

More in Politika