Jerome Caruana Cilia | Tiżdied l-inugwaljanza fil-ġid
Il-viżjoni soċjo-ekonomika trid tkun il-qalb tal-politika tagħna: il-mużajk tal-aspirazzjonijiet tagħna u tal-poplu tagħna minsuġ fi sfond ta’ fejn irridu nwasslu lil dan il-pajjiż fis-snin snin li ġejjin
Il-ftit kbar baqgħu jikbru u l-bqija komplew jiddgħajfu. Fi żmien fejn rajna tkabbir ekonomiku b’saħħtu, rajna wkoll l-inugwaljanza fil-ġid tiżdied. Dan ifisser li s-sinjur kompla jistagħna, iżda l-fqir kompla jiftaqar. Mhux biss l-esperjenza man-nies turina dan, imma anke n-numri jikkonfermawh.
Riċentament persuna staqsietni: kif jista’ jkun li f’soċjetà fejn l-ekonomija tikber, id-distakk bejn il-ftit sinjuri u l-bqija tal-popolazzjoni jikber ukoll?
5% tal-popolazzjoni għandhom 40% tal-ġid nazzjonali
Studju li sar minn Eurofound sab kif f’Malta, bejn l-2010 u l-2017, id-distakk bejn il-5% tal-popolazzjoni (is-sinjuri) li għandhom l-iktar ġid u l-bqija tal-poplu kompla jiżdied. 40% tal-ġid ta’ pajjiżna jinsab għand 5% biss tal-popolazzjoni. Dawn is-sinjuri raw żieda ta’ 7% tal-ġid nazzjonali tagħhom (minn 33% għal 40%) bejn l-2010 u l-2017. X’differenza mill-bqija tal-popolazzjoni. Nofs il-popolazzjoni fil-faxxa t’isfel rat tnaqqis fil-ġid, dan niżel minn 14% għal 10% tal-ġid nazzjonali fl-istess perjodu. Il-bqija tal-popolazzjoni wkoll rat tnaqqis. It-trend turi li d-distakk bejn il-ftit sinjuri u l-bqija qed ikompli jiżdied. Din għandha tinkwetana ħafna.
Filfatt l-istudju juri wkoll żieda minn 72% fl-2014 and 77% fl-2017 ta’ dawk li jaqgħu taħt il-medja tal-ġid nazzjonali.
L-ewwelnett dan juri biċ-ċar li l-ġid li qed jinħoloq, il-famuż kejk ekonomiku, mhux jinqasam b’mod ġust. Juri wkoll kif il-politika ekonomika tal-Gvern Laburista marret il-baħar… mhux biss għal dawk li jinsabu fil-faxxa t’isfel, imma għal maġġor parti tal-popolazzjoni.
Iż-żieda miżera fil-pagi matul l-aħħar snin, l-għoli tal-ħajja partikolarment fl-iktar affarijiet essenzjali, iż-żieda fil-prezz tal-propjetà, l-iskandli governattivi u l-isfidi kbar li jiffaċċjaw in-negozji żgħar u medji wassal biex l-inugwaljanza fil-ġid tiżdied.
Il-wegħda tal-Partit Laburista li joħloq middle class ġdida falliet. In-numri juru dan. Illum il-ġurnata persuna li sa ftit tas-snin ilu kienet tqis ruħha bħala middle class, rat il-persentaġġ tal-ġid tagħha jonqos meta mqabbel mal-ġid nazzjonali.
L-inugwaljanza fil-ġid kull ma jmur qed tiżdied. Il-Partit Laburista jagħmel minn kollox biex ħadd ma jitkellem dwar din it-tema. Jonfoq eluf kbar ta’ ewro fix-xahar biex jagħti l-impressjoni li kulħadd sejjer tajjeb ħafna. Ħasra li hawn min jaqa’ għall-kampanja ta’ qerq tal-Partit Laburista u l-Gvern f’dan ir-rigward.
Ekonomija li ma ħasbitx f’kulħadd
Li ngħidu li l-Gvern Laburista mhux wieħed soċjalist hu ovvju. Nazzarda ngħid li Joseph Muscat u l-erbgħa tal-qalba tiegħu jieħdu gost b'min jgħidha. Anke jekk qatt mhu se jammettiha b’mod skjett, Muscat ried li l-Partit Laburista ma jibqax il-vuċi taż-żgħir. Ir-raġunijiet huma varji. Twaħħad ma’ numru ta’ spekulaturi li jinsabu fl-iktar faxxa sinjura u bid-deċiżjonijiet li ħa ġie jaqa’ u jqum mill-mod kif dawn se taffettwaw lill-bqija. Ħa nagħti xi eżempji, bil-politika ekonomika li jimporta eluf kbar ta’ ħaddiema barranin, wasslet biex inħoloq prekarjat ġdid minħabba l-għafsa fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Minkejja li grupp żgħir ta’ nies gawdew minn din l-istrateġija, l-importazzjoni ta’ ħafna barranin wasslet biex il-ħaddiem Malti, partikolarment dawk li diġà kienu jaħdmu b’pagi baxxi, komplew jaqilgħuh fuq rashom.
Barraminnhekk, dan kollu ħalla wkoll impatt fuq il-prezz tal-propjetà f’pajjiżna (tema li se niddiskutiha f’artiklu ieħor) li matul l-aħħar snin splodiet ‘il fuq, b’numru ta’ Maltin, partikolarment żgħażagħ li jixtiequ jibnu familja, jkollhom jiddenju b’mod esaġerat. Saħansitra bosta oħra mhux kapaċi jixtru propjetà. Ma jlaħħqux. Dan kollu minħabba prezzijiet li ma jagħmlux sens. Dawn qed iħallu impatt kbir fuq ħajjitna.
Il-Gvern addotta ekonomija li ma ħasbitx f’kulħadd, imma li tat prijorità lis-sinjur u dawk tal-qalbha biss.
It-triq ‘il quddiem – il-viżjoni soċjo-ekonomika
L-ewwelnett il-politiċi jridu jammettu li l-fatt li l-inugwaljanza fil-ġid qed tiżdied hi sfida kbira. Jekk dan ma jseħħx, se nibqgħu ngħixu f’illużjoni. Il-fatt li hawn ftit sinjuri li sejrin tajjeb ħafna, ma jfissirx li kullħadd sejjer tajjeb. Gvern ġdid Nazzjonalista jrid jaddotta ekonomija li taħseb f’kulħadd. Viżjoni soċjo-ekonomika għal Malta 2030, li verament tara li l-ġid jinqasam b’mod ġust u li ħadd ma jibqa’ lura.
Il-viżjoni soċjo-ekonomika trid tkun il-qalb tal-politika tagħna: il-mużajk tal-aspirazzjonijiet tagħna u tal-poplu tagħna minsuġ fi sfond ta’ fejn irridu nwasslu lil dan il-pajjiż fis-snin snin li ġejjin. Ma rridux nibqgħu nitkellmu fuq soċjetà u ekonomija li jiġbdu f’direzzjonijiet differenti iżda rridu nkunu forza politika li tgħaqqad u tikkonverġi l-isforzi ta’ kulħadd biex ikollna ekonomija li taħdem għan-nies, fl-interess tan-nies u li ssawwar soċjetà li jimpurtaha.
Bħalissa s-sinjuri qed jibilgħu l-kejk u l-bqija jieklu l-biċċiet li jifdal. Biċċiet li n-numri qed juruna li kull ma jmur qegħdin jiċkienu. Nittama li ma naslux f’sitwazzjoni fejn il-biċċiet isiru frak. Nittama li l-poplu jirrealizza b’dan kollu. Nittama li l-ħidma dwar l-inugwaljanza fil-ġid tinbidel qabel ma jkun tard wisq.