Julia Farrugia Portelli | Bil-qalb u r-ruħ
Imsaħħin mill-manifest elettorali, xejn minn dan mhu qed isir li ma konniex imħejjijin għalih, kwantifikat u finanzjat. Iżda fuq kollox, hemm il-qalb u r-ruħ li huma l-kriterji l-aktar importanti fit-tfittxija għall-inklużjoni
Naf li fil-qasam politiku meta ssemmi l-qalb u r-ruħ ikun hemm min jew jitbissem inkella jagħmilhom tiegħu u tiegħu biss. Id-dinja politika mimlija ironiji u rikbiet fuq slogans, wegħdi u paraventi, iżda meta niġu għar-realtajiet u l-fatti malajr ikun hemm min ma jridx paraguni, statistiċi u veritajiet. Dawn jaħrab minnhom min ma jridx li jinkixef kif la kellu qalb u wisq anqas ruħ meta kien hu li ried jieħu ħsieb il-ħarsien soċjali f’pajjiżna u, sfortunatament, ħalla vojt u anomaliji li mbagħad kellu jkun ħaddieħor li jħabrek biex ikunu ndirizzati b’risq iċ-ċittadini vulnerabbli tagħna.
Kien għalhekk li, b’wiċċi minn quddiem, fil-laqgħa tal-Kabinett li dan l-aħħar saret fil-lok ideali u sinifikanti tal-fondazzjoni Inspire f’Wied il-Għajn ressaqt għall-approvazzjoni l-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija għal persuni b’diżabilità. Mhux b’sens ta’ twettiq komplet jew sempliċi kburija b’dak li diġà sar, iżda bħala messaġġ li għad hemm ħafna xi jsir u t-triq quddiemna hija twila. Aktar minn hekk, xejn minn dak li hemm quddiemna mhu sejjer jaqtagħlna qalbna jew iġiegħlna nnaqqsu xi ftit mir-rittmu qawwi li qbadna.
Qabel nelenkaw dak li sar, ikun xieraq li naraw x’sibna meta f’Marzu tal-2013 kellna l-bidla fil-gvern, gvern Nazzjonalista li kien ilu xejn inqas minn 25 sena fil-poter, tneħħi s-sulluzzu ta’ sentejn minnhom. Nagħti żewġ eżempji: il-fondi li kien hemm allokati għal programmi u inizjattivi għad-diżabilità kien jlaħħqu l-€1,028,000, waqt li l-Aġenzija Sapport kienet qed tingħata €8,120,000.
Fil-Baġit għal din is-sena l-fondi allokati għall-istess kawża jlaħħqu għal €13,830,000, waqt li l-Aġenzija Sapport €20,530,000. Mhux talli d-differenza titkellem waħedha, iżda hija riflessjoni tal-aktar għejjun għeżież fil-ħajja tal-bniedem: il-qalb u r-ruħ. L-iktar ħaġa faċli dejjem kienet li ngħannu l-imħabba għad-dgħajjef, il-batut u persuni b’diżabilità waqt li nagħżlu li nagħlqu għajn għal dak li jridu jħabbtu wiċċhom miegħu dawn in-nies li huma ċittadini Maltin daqsek u daqsi. Trid titkellem u taqsam ħsibijietek magħhom u mal-ġenituri u l-carers tagħhom biex tabilħaqq tifhem l-isfidi li jridu jaffaċċjaw kuljum f’ħajjithom.
Għalhekk nitqarrqu jekk naħsbu li wasalna jew nippretendu li bit-tisħiħ u s-sostenn finanzjarju biss għalaqna l-ktieb u barra bid-daqq. Hemm aspetti oħra importanti f’din il-ħidma li mhux neċessarjament jitwieżnu b’fondi, iżda bil-ħolqien ta’ opportunitajiet, kuntatti u mogħdijiet oħra. Fil-qasam tad-diżabilità, pereżempju, għaddejja ħidma bil-għan li jitwarrbu darba għal dejjem il-barrieri għall-aċċessibilità li persuni b’diżabilità jsibu ma’ wiċċhom fil-ħajja tagħhom kull ħin tal-jum.
L-Istrateġija Nazzjonali għad-Diżabilità għall-10 snin li ġejjin li ressaqt quddiem il-Kabinett mhix xi trofew ileqq li jista’ jintrefa għall-wiri fil-vetrina. L-Istrateġija hija frott ix-xogħol li sar bejn diversi stakeholders biex seta’ jitħejja bl-aktar mod serju u professjonali d-dokument li issa se jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika. Fiha hemm xejn inqas minn 13-il għan u 62 azzjoni li jridu jintlaħqu u jitwettqu permezz ta’ ħidma konġunta u kollettiva minn diversi ministeri u entitajiet.
Il-ħidma u l-impenn komplew bl-istess rittmu biex permezz tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, stajna nniedu l-Istrateġija Nazzjonali għall-Awtiżmu, mill-ġdid wara snin ta’ xogħol flimkien ma’ stakeholders diversi. Nieħu pjaċir ngħid li r-rispons għal din l-istrateġija kien wieħed qawwi, tant li fi żmien tliet ġimgħat taw is-sehem tagħhom 185 persuna ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà.
Mill-ġdid lil hinn minn fondi allokati, għalkemm dawn jibqgħu meħtieġa, ninsabu fil-proċess biex ikun finalizzat pakkett ta’ liġijiet sabiex il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tingħata s-saħħa tal-liġi u jkunu stabiliti strutturi sabiex titwettaq. Dan ukoll sar f’kordinament ma’ stakeholders diversi, dejjem bil-ħsieb waħdani li persuni b’diżabilità u s-soċjetà ċivili jkunu parteċipi f’dawn il-proċessi, biex jissaħħu ir-regolatur u d-dritt li wieħed jikseb ġustizzja f’każ ta’ diskriminazzjoni.
Ta’ min isemmi wkoll il-ftehim li sar bejn l-Aġenzija Sapport u d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità bil-għan li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni ma’ San Vinċenz De Paul fejn jidħlu servizzi lil persuni b’diżablità minħabba aċċidenti jew mard, kif ukoll it-tnedija tan-numru 153, l-ewwel Helpline Nazzjonali mill-Aġenzija Sapport għal persuni b’diżabilità u l-qraba tagħhom li jkunu jeħtieġu xi servizz mill-istess aġenzija.
Fl-istess ħin għaddejja ħidma fuq residenzi ġodda fil-komunità għal persuni b’diżabilità – fiż-Żurrieq u oħra fil-Qrendi. Ma’ dawn hemm ukoll il-proġett ta’ $6 miljun għal dar residenzjali fl-Imtarfa u l-kunċett ta’ respite għal min għandu Awtiżmu severa.
Imsaħħin mill-manifest elettorali, xejn minn dan mhu qed isir li ma konniex imħejjijin għalih, kwantifikat u finanzjat. Iżda fuq kollox, hemm il-qalb u r-ruħ li huma l-kriterji l-aktar importanti fit-tfittxija għall-inklużjoni - u l-appoġġ lil – ta’ setturi varji tas-soċjetà li jeħtiġuhom