Editorjal | X'diskussjoni hi?
Il-fatt li l-intolleranza tant hija kbira lejn min ma jaqbilx magħna juri ċar li dan il-pajjiż għadu ma mmaturax
Suppost kellha tkun diskussjoni qalu! Suppost kellna niddiskutu bil-kwiet u l-kalma, biex forsi nifhmu x'kien qed jiġi propost minn Marlene Farrugia u nistaqsu lilna nfusna jekk wara kollox hemmx każi u realtajiet ta' familji u ta' nisa li għandhom bżonn jiġu diskussi.
Minflok kellna għajjat u twerżiq, tgħajjir u insulti u theddid b'nirien tal-infern u sajjetti u kulħadd jitfa' lil kulħadd f'kaxxa "u għax inti liberali" u "għax inti konservattiv." Mhux hekk biss, imma l-PN lanqas biss imqar dar fuq l-uffiċjali tiegħu biex imqar għall-apparenza jara x'jaħsbu! Minflok bi status ta' malajr il-Kap Nazzjonalista qata' l-kundanna u daqshekk! Jew nejja jew maħruqa - jew il-PN ma jiddeċiedi qatt, bħal dwar il-liġi tal-Kannabis - irreaġixxiet Malta kollha ħlief il-PN, jew inkella status malajr u barra bid-daqq! Insomma l-kwistjonijiet ta' drittijiet ċivili, kwistjonijiet soċjali u dawk li joqltu minoranzi bħad-drittijiet għal persuni LGBTIQ - speċjalment persuni trans, qatt ma kienu l-fortè tal-PN!
Il-verità sagrosanta hija li ma hawnx rieda lanqas biss biex niddiskutu jekk hemm realtajiet. Mhux taqbel jew ma taqbilx, legali jew mhux legali - imma diskussjoni u dibbattitu san u informattiv li jpoġġi lil dawk kollha li għandhom esperjenzi jew realtajiet fuq quddiem biex jgħidu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom man-nies, anke jekk forsi b'mod unanimu mal-gazzetti jew mal-mezzi tax-xandir. Lanqas hawn rieda illi mqar, qabel niġġudikaw, ngħajru u nwaddbu l-preġudizzji fuq n-nies, nifhmu min huma, għalfejn għamlu abort, xi stajna għamilna bħala pajjiż biex dik il-mara m'għamlitx abort, x'għajnuna psikoloġika tajna lilha u lis-sieħeb tagħha - kemm qabel, u jekk sar, wara.
Minflok, bħal dejjem u bħal kollox, f'temp ta' ftit sigħat din is-suppost diskussjoni li qatt ma kienet ġiet hijacked mill-interessi pwerili politiċi. L-abort dejjem ġie użat għal skopijiet purament partiġġjani! Il-MLP kien beżża' li jekk nidħlu fl-UE bilfors se ndaħħlu l-abort u l-PN juża l-abort kull meta jinduna li ma għandu assolutament ebda idea ta' kif se jinġabar elettoralment!
Insomma, kellu bżonn nuru dan l-orgolju u l-eċitament u s-sens ta' prinċipju dejjem għall-ħajja! Inkluż dik il-ħajja umana li mhux l-ewwel darba tara kummenti li huma 'żibel, 'sparawlhom', 'armuhom', 'imbarazz' u tant aktar! Ma nistgħux nagħżlu liema ħajja rridu nipproteġu imbagħad, il-valuri mhumiex à là carte!
Jekk qatt xi darba terġa' titla' fuq l-aġenda din id-diskussjoni, nittamaw li għall-inqas inkunu immaturajna biżżejjed biex niddiskutu, biex ma naqblux, biex forsi finalment niddeċiedu li ma nbiddlu xejn - mingħajr il-fundamentaliżmu, l-għajjat u t-tgħajjir u t-theddid li sfortunatament sar karatteristika ta' kull dibattitu fuq il-midja soċjali
Pero' imbagħad li jkun hawn min jippretendi li għandu xi kontroll dittatorjali fuq il-poplu u jiddettalu x'għandu u x'ma għandux jiddiskuti, dan l-editorjal jsibha bħala prepotenza u arroganza.
Din hija demokrazija - huwa minnu li l-maġġoranza assoluta tal-poplu ma jridx l-abort u dan għandu jkun rispettat mill-politiċi, mill-midja u mis-soċjetà ċivili. Pero' dan ma jfissirx li min jixtieq jitkellem u jixtieq juri opinjoni differenti għandu jiġi umiljat u mhedded! Mela hawnhekk qegħdin l-Iran jew? Hemmhekk iħaġġruhom u joqtluhom lin-nies li ma jaqblux mal-valuri tagħhom! Aħna m'aħniex hemmhekk.
Jekk qatt xi darba terġa' titla' fuq l-aġenda din id-diskussjoni, nittamaw li għall-inqas inkunu immaturajna biżżejjed biex niddiskutu, biex ma naqblux, biex forsi finalment niddeċiedu li ma nbiddlu xejn - mingħajr il-fundamentaliżmu, l-għajjat u t-tgħajjir u t-theddid li sfortunatament sar karatteristika ta' kull dibattitu fuq il-midja soċjali.
Il-fatt li l-intolleranza tant hija kbira lejn min ma jaqbilx magħna juri ċar li dan il-pajjiż għadu ma mmaturax!
X'diskussjoni, diskussjoni! Mela hawnhekk niddiskutu!