Helena Dalli | L-UE bħala Żona ta’ Libertà għall-persuni LGBTIQ

Illum huwa l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija, il-Bifobija u l-Interfobija

Illum huwa l-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija, il-Bifobija u l-Interfobija, u jimmarka 31 sena minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddeklassifikat l-omosesswalità minn diżordni mentali. 

Din l-okkażjoni storika ilha tiġi ċċelebrata għal dawn l-aħħar 17-il sena biex tinxteħet attenzjoni fuq il-qagħda mwiegħra tal-persuni LGBTIQ u biex issir pressjoni għall-ugwaljanza fis-sensi kollha tagħha.

Minkejja l-progress li nkiseb matul dawn l-aħħar deċennji, l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ għadha elużiva kif juru r-riżultati tal-Istħarriġ dwar l-LGBTI tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Mappa Rainbow (il-mappa qawsalla) tal-ILGA-Europe. 

Aktar ta’ tħassib huwa l-fatt li f’xi pajjiżi tal-UE, il-prattiki rigressivi, bħall-hekk imsejħa “żoni ħielsa mil-LGBT” u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-persuni transġeneru, kisbu trazzjoni u qed jipperikolaw saħansitra l-eżistenza nnifisha tal-persuni LGBTIQ.

Filwaqt li hemm perċentwal dejjem jikber ta’ Ewropej favur l-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ, il-verità ħarxa hija li m’hemmx post sikur fl-Ewropa. Mill-ibbuljar fl-iskejjel għad-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, mill-mibegħda online sal-vjolenza fit-toroq, is-sitwazzjoni għadha mwiegħra, speċjalment għal dawk li huma identifikati b’mod aktar faċli bħala LGBTIQ.

Fil-Belġju, fit-6 ta’ Marzu, David Polfliet, li kellu tnejn u erbgħin sena, inqatel b’daqqiet ta’ sikkina wara li ġie mħajjar imur għal inkontru permezz ta’ dating app għall-persuni gay. 

Fil-Latvja, il-ħwejjeġ ta’ paramediku ta’ disgħa u għoxrin sena, Normunds Kindzulis, ġew imxarrba bil-fjuwil u ngħataw in-nar mill-aggressuri tiegħu. Huwa sofra ħruq f’85 % ta’ ġismu u miet riżultat tal-feriti tiegħu.  

Dawn l-omiċidji brutali mhumiex inċidenti iżolati. Pjuttost juruna sa fejn twassal l-omofobija jekk ma tiġix indirizzata. Huma parti minn sensiela twila ta’ qtil u attentati ta’ qtil ta’ persuni LGBTIQ għall-ebda raġuni oħra ħlief għal dak li huma. 

Il-politiċi jridu jaġixxu malajr speċjalment meta hemm il-ħajjiet fil-periklu.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġija tagħha għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020-2025 li, fost azzjonijiet oħra, qed tfittex li tinkludi r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda fil-lista tal-Euroreati. 

Din hija wkoll ir-raġuni għaliex qed nappellaw għal strateġiji nazzjonali għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ biex jikkomplementaw u jsaħħu l-azzjoni tal-UE, speċjalment f’dawk l-oqsma fejn l-UE għandha kompetenza limitata bħas-saħħa u l-edukazzjoni.

Ix-xahar li għadda l-Parlament Ewropew, b’maġġoranza assoluta, ddikjara lill-UE bħala żona ta’ libertà għall-persuni LGBTIQ. 

Filwaqt li dan il-vot kien essenzjalment simboliku, kien teħid ta’ pożizzjoni sinifikanti fi żmien meta d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ qed jiġu kkontestati.

Fil-jum tal-votazzjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bagħtet dan il-messaġġ fuq Twitter: “Li tkun int innifsek mhijiex ideoloġija. Hija l-identità tiegħek. Ħadd ma jista’ qatt jeħodhielek.” L-istess bħalha, ħafna Kummissarji semmgħu leħinhom favur din il-kawża, u b’mod ċar urew li għall-Kummissjoni Ewropea r-rispett tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ mhumiex negozjabbli.

Tabilħaqq, id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ iridu jiġu rispettati domestikament u internazzjonalment. Li morru lura jew nibqgħu fejn aħna mhumiex għażliet. 

Aktar ta’ tħassib huwa l-fatt li f’xi pajjiżi tal-UE, il-prattiki rigressivi, bħall-hekk imsejħa “żoni ħielsa mil-LGBT” u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-persuni transġeneru, kisbu trazzjoni

Irridu nagħmlu dak li huwa moralment ġust, niddefendu l-liġi internazzjonali u Ewropea u saħansitra mmorru lil hinn minn dan, biex b’hekk niggarantixxu r-rispett tal-libertà li kulħadd jgħix is-sesswalità u l-ġeneru tiegħu.

Biex niksbu r-riżultati mixtieqa rridu nkunu aktar kuraġġużi minn kemm konna s’issa. Għalhekk nappella lill-awtoritajiet statali, reġjonali u muniċipali kollha biex jikkunsidraw b’mod proattiv li jsiru Żoni ta’ Libertà għall-persuni LGBTIQ. F’dan il-proċess, nistedinhom jirriflettu dwar dak li għad irid isir fi djalogu mas-soċjetà ċivili LGBTIQ, u jipproċedu bil-bidla meħtieġa. 

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn il-pajjiżi tal-UE.

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-isfilati Pride x’aktarx li jiġu kkanċellati f’ħafna bliet Ewropej. In-nuqqas ta’ viżibbiltà u t-telf ta’ dħul għal finijiet ta’ promozzjoni u ta’ bini ta’ komunità li jirriżultaw minn kanċellazzjonijiet bħal dawn jistgħu jiswew ħafna lill-persuni LGBTIQ, sakemm ma nsibux modi ġodda biex nipprovdu l-viżibbiltà u r-rikonoxximent dovuti lil segment sinifikanti tal-popolazzjoni tagħna.

Ejja nuru t-triq għad-drittijiet u l-libertajiet tal-LGBTIQ internazzjonalment permezz tad-determinazzjoni tagħna li nagħmlu dak li hu sew. 

Ejja nsegwu l-eżempju tal-Parlament Ewropew u nippreċiżaw xi jfisser tkun Żona ta’ Libertà għall-persuni LGBTIQ.

More in Politika