Editorjal | Is-Cindirella tal-qasam tas-saħħa ...
Wasal iż-żmien li verament ma nibqgħux naħbu din il-problema aktar taħt il-mantell tal-injoranza, il-mistħija u t-tabù għax din hija problema reali
Ilna nitkellmu fuq is-saħħa issa. Ilna nitkellmu dwarha u ilna nagħmlu restrizzjonjiet u biddlilna l-istil ta' ħajja tagħna, propju biex nipproteġuha! Imma sfortunatament u mill-ġdid is-saħħa mentali sfat is-Cindirella tal-qasam tas-saħħa - għax filwaqt li kulħadd attent ma jmurx jagħtas, jew ma jmurx ikun ħdejn xi ħadd li jagħtas u filwaqt li ħadna kull prekawzjoni possibbli kontra l-Covid-19 - inkluż l-aktar severi, bħal-fatt li numru ta' nies lanqas setgħu jmorru l-funeral ta' missierhom jew ommhom - is-saħħa mentali nibgqħu ninjorawha.
Nibqgħu nitrattawha bħala tabù, nibqgħu ma nafux kif nimmaniġjawha u nibqgħu naraw mawra s'għand psikologu bħala konferma li 'int miġnun', 'skorfina nieqsa', 'm'aħniex'. Daqslikieku li tmur tfittex l-għajnuna qed tagħmel xi diżunur!
U ma niħduhiex bi kbira! Ħarsu lejn l-Isptar Monte Carmeli, tkellmu man-nies li jaħdmu hemmhekk u l-familji tal-pazjenti. Ħarsu madwarkhom u taraw li fil-verità s-servizzi għadhom neqsin, filwaqt u minkejja li kull servizz tas-saħħa ieħor huwa offrut u bi professjonalità wkoll!
Meta jkollok uġigħ fid-darsa, mhux id-dentist tfittex? Meta jagħtik uġigħ f'sidrek, mhux għand it-tabib tmur tiġri? Jekk għajnejk ma għadhomx jagħtuk, mhux għand l-oftamoloġista tmur? Mela għalfejn għadna nsibuha bi tqila biex meta l-moħħ ma jiflaħx aktar nfittxu l-għajnuna? Għalfejn tant għadhom jarawha bħala ammissjoni ta' telfa li tfittex l-għajnuna psikoloġika?
Ħafna drabi nfittxu l-għajnuna meta jkun tard wisq - bħalma ħafna jmorru jirranġaw sinna, meta tkun mikula u tajba biss biex tinqala'.
Hemm bżonn li f'dan il-pajjiż nitkellmu aktar u bil-miftuħ fuq is-saħħa mentali u issa huwa l-aħjar mument biex nagħmlu dan, hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet tant problemi u sfidi psikoloġiċi fost ħaddiema, negozjanti, anzjani u l-popolazzjoni in ġenerali.
Sondaġġ tal-Kamra ta-SMEs juri kif 46% tan-negozji nnutaw li l-problemi u sfidi ta' saħħa mentali fost il-ħaddiema żdiedu waqt il-pandemija. Mhux ċajta din! Mhux ċajta li kien hawn min tilef kollox! Mhux ċajta li kien hawn familji li tkissru jew abbuż li żdied waqt lockdowns! Mhux ċajta li kien hawn min spiċċa bla flus biex jgħix u jgħajjex familtu! Mhux ċajta li drajna ngħixu f'libertà assoluta u f'daqqa waħda d-dinja spiċċat bi Gvernijiet li jiddettawlek xħin toħroġ, fejn issiefer, xħin trid tkun id-dar, kif tonfoq flusek, meta tara lil qrabatek, meta tiftaħ in-negozju tiegħek jew inkella saħansitra f'xi pajjiżi jordnalek biex ma toħroġx mill-bieb 'il barra!
Il-libertà hija sabiħa, ħafna aktar mill-flus u l-ġid personali! U n-nuqqas tagħha għamlet ħerba u kissret lil tant nies. Imbilli lil dawn in-nies ma nniżżluhomx f'xi lista ma jfissirx li mhumiex hemm.
Ma jistax ikun nibqgħu nitrattaw is-saħħa mentali tas-Cindirella fil-qasam tas-saħħa u dan jgħodd għall-Gvern ukoll. Hija tal-mistħija li l-Isptar Monte Carmeli tħalla fi stat infrastrutturali tant ħażin li mal-14-il sala spiċċaw ikkundannati. Hija tal-mistħija li Paul Pace (MUMN) jgħid ma' din il-gazzetta li hemm wards fejn lanqas sistema ta' ilma ma hemm tajba f'xi partijiet tal-isptar. Hija għarukaża li jċemplulna nies u jgħidulna illi qrabathom qed jiġu trattati ta' numri! Hija tal-mistħija li m'għandniex sistema illi tagħmel differenza bejn pazjent li għandu sfidi momentarji u oħrajn li għandhom sfidi gravi - minflok kulħadd għal Monte Carmeli!
U fejn hu l-isptar il-ġdid ta' saħħa mentali li kellu jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei? Din kienet wegħda tal-Partit Laburista. U hija wegħda li għandha titwettaq malajr kemm jista' jkun. Mela ngħalqu l-wards psikjatriċi, biex nagħmluhom wards tal-Covid-19!
L-appell ta' dan l-editorjal huwa biex ma nistennewx aktar għaliex kull ġurnata li tgħaddi, hija ġurnata ta' aktar stigma u aktar tbatija ta' nies veri - tad-demm u l-laħam, li forsi ma felħux għall-inkwiet, għall-problemi jew għat-traġedji li ġraw f'ħajjithom.
Hemm nuru l-vera ġustizzja soċjali u l-wens mal-iktar vulnerabbli, fost il-vulnerabbli.
Ejja ma naħbux aktar din il-problema. Imxejna tant 'il quddiem, f'tant aspetti f'dan il-pajjiż. Għaliex fuq is-saħħa mentali għadha tirrenja tant injoranza u preġudizzju?