Peppi Azzopardi | Żewġ bniet jeħlu sentejn ħabs fuq delitt faħxi!
Ħasra li dawn il-bniet ma kinux laħqu weħlu l-ħabs għax lil tal-Ewropa konna nuruhom kif f’Malta taħdem ir-rule of Law, anke ma' min jisraq il-ħelu. U Casa ma kienx joqgħod jilgħaba tal-ħelu
Jumejn ilu żewġ tfajliet, waħda minnhom ta' 14-il sena, inqabdu jisirqu il-ħelu minn vending machine u weħlu sentejn ħabs sospiżi għal erba' snin. Għamlet sewwa il-Maġistrat wissiethom: “L-istat qed jagħtikom ċans ieħor” Għax ifhem li żewġ bniet jisirqu l-ħelu - dan delitt kbir kontra s-soċjetà. Delitt faħxi! X jiġifieri fis-satra tal-lejl bi ħsieb premeditat iż-żewġ bniet resqu inkiss, inkiss fejn il- vending machine u serqu kitkat, mars, pakkett twistees u Maltesers. U d-delitt huwa aggravat għax il-mars kienet mill-kbar, mank mars miż-żgħar, u ħadu tnejn. Mank serqu twistees wieħed u qasmuh bejniethom. X'għarukaża kif sirna!
Dawn iż-żewġ bniet serqu minn ġo vending machine ta’ Istitut tat-tfal. Issa biex ikollok il-kuraġġ tisraq il-ħelu tat-tfal tal-istitut trid tkun veru bla qalb!
X'għarukaża, kif sirna! Aħna l-Maltin imdorrija nagħtuhom lil tal-Istitut mhux neħdulhom. Meta jkollna tieġ, wara li niffangaw u nsiru ħara, dak li jifdal u ma jkun iridu ħadd nibgħatuh l-istitut. U mhux ħelu biss nibgħatulhom. Kull biċċa ħwejjeġ li ma tibqax moda, nagħtuha lit-tfal tal-istitut. Hekk għallmuna l-iskola - agħtu miż-żejjed li għandkom.
Żomm!
Għax għadhom kif infurmawni li dawn iż-żewg bniet jgħixu fl-istitut fejn kien hemm il-vending machine. Allura as such serqu mid-dar fejn jgħixu! Imma xorta jibqa' delitt faħxi speċjalment f'dan il-pajjiż fejn il-ġustizzja ma tħares lejn wiċċ ħadd!
Kif naħseb li jaf kulħadd, aħna pajjiż li kull min jikser il-liġi jieħu dak li ħaqqu. Tista' tkun politiku prominenti, tista' tkun uffiċjal tal-Gvern, tista' tkun biljunarju, issib li l-ġustizzja tinżel fuqek bla ħniena. Hekk magħmulin! Malta ix-xempju tad-dinja!
Kif dawn il-bniet inqabdu kienu arrestati. Ħaduhom id-depot. Kif jiġri ma' kulħadd. Lil kulħadd jieħdu id-depot . Lil Yorgen Fenech biss ma kinux ġabu d-Depot u marru jinterrogawh Portomaso, “biex ma joqgħodux jiskomodawh u jaqilgħuh mid-dar.” Imma dak każ uniku li qatt ma rajna bħalu f’pajjiżna.
U jekk jirriżulta li minn wara dahar il-madre dawn il-bniet biegħu il-kitkat u t-twisties li ma laħqux kielu u wara poġġew il-flus ġo xi karus sigriet - allura ir-reat jiggrava u jkun ħaqqhom iżjed minn erba' snin ħabs. Speċjalment jekk il-flus ikunu insewhom fil-jeans u l-Madre twaddabhom fil-washing machine u taħsel il-flus li jkunu ġew mis-serq ta’ dan il-ħelu.
Hawn Malta ma nurux ħniena lejn min jaħsel il-flus! Mill-ewwel il-Pulizija u l-AG u s-Servizzi Sigrieti jieħdu passi!
Għalhekk kien important li lil dawn iż-żewg bniet li serqu il ħelu nitfgħuom il-ħabs. Dan messaġġ ċar lill-Ewropa.
U mela jigi l-Parlament Ewropew u jgħaddi riżoluzzjoni kontra l-Gvern Malti minħabba l-qtil ta' Daphne u bil-wiċċ tost is-soċjalisti kollha tal-Unjoni ivvutaw kontra l-Gvern Soċjalista ta’ Malta!
U tgħid mhux se nemmen li David Casa u Roberta Metsola huma tant influwenti fil-Parlament Ewropew li rnexxilhom jikkonvinċu 95% tal-MEPs - anke tas-soċjalisti. Jiġifieri Casa u Metsola huma izjed influwenti mas-Soċjalisti, mit-tliet MEPs Laburisti? Tgħid mhux hekk!
Ħasra li dawn il-bniet ma kinux laħqu weħlu l-ħabs għax lil tal-Ewropa konna nuruhom kif f’Malta taħdem ir-rule of Law, anke ma' min jisraq il-ħelu. U Casa ma kienx joqgħod jilgħaba tal-ħelu