Editorjal | Bilanċ li jekk jintilef ifisser għawġ soċjali!
'Imbilli l-popli tal-Ewropa u ta’ ħafna mid-dinja aċċettaw li jċedu ftit minn dawk il-libertajiet, ma jfissirx li l-Gvernijiet jistgħu jabbużaw minn dan'
Aspett tal-Covid-19 li ftit jitkellmu dwaru huwa dak tal-bilanċ. Il-bilanċ li Gvernijiet madwar id-dinja - inkluż ta’ Malta - qed jippruvaw jilħqu huwa wieħed delikat, li bħal lakstu, qed jiġġebbed u jibqa’ jiġġebbed, bil-periklu li jinqata’. Imma x’inhu dan il-bilanċ?
Il-bilanċ bejn miżuri restrittivi sabiex jipproteġu lill-poplu ta’ dak il-pajjiż u l-ksur tal-libertajiet tal-persuna li tgħix ħajjitha kif tixtieq.
Ħarsa lejn id-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Boris Johnson dwar fejn l-Ingliżi jistgħu jsiefru (prattikament imkien!) wieħed jifhem kemm huwa sensittiv dan il-bilanċ. Bejn li l-Gvern jaqdi dmiru li jieħu ħsieb saħħet il-poplu u minn naħa l-oħra ma jkunx hu li joħnoq libertajiet li l-popli jistennew li jkollhom!
Madwar id-dinja l-Gvernijiet qed jiddeterminaw inti fejn tmur, tistax issiefer, f’liema ħin trid tkun id-dar, kemm tista’ tiltaqa’ ma’ nies, x’tagħmel u kemm iddaħħal nies ġo darek. Kieku mhux għall-pandemija miżuri bħal dawn kienu jiġu kkunsidrati oppressivi u faxxisti, normali biss f’dittatorjati. Iżda r-realtà tal-Covid-19 biddlet ħafna mill-libertajiet li kellna, u ġġustifikat dawn ir-restrizzjonijiet!
Fir-realtà tal-vaċċin - li wara kollox l-istess Gvernijiet madwar id-dinja biegħu bħala s-soluzzjoni aħħarija ta’ din il-pandemija u li qed naraw illi qed iwassal għal ħafna inqas imwiet u ħafna inqas nies fl-isptarijiet - il-popli, in-negozji u miljuni ta’ nies qed jitilfu dejjem aktar il-paċenzja kkonfrontati b’aktar miżuri.
Miljuni qed jistaqsu: X’ħadna l-vaċċin nagħmlu, jekk il-Gvern xorta qed jgħidli tmurx hemm, tagħmilx hekk, tidħolx hemm, tiltaqax ma’ aktar minn tnejn minn nies? Forsi huwa argument emottiv u mhux xjentifiku, imma bla dubju li huwa argument ġustifikat!
U għalhekk il-politiċi jridu jkomplu jassiguraw li dan il-bilanċ jibqa’ jintlaħaq, għaliex jekk in-nies jibdew jaħsbu li l-libertajiet sagrosanti tagħhom qed jiġu abbużati minħabba raġuni jew oħra, jew qed jinżammu minnhom għal raġunijiet mhux sodi biżżejjed, il-pandemija tispiċċa tkun il-kawża ta’ inkwiet u għawġ soċjali kbirMiljuni madwar id-dinja qed jirraġunaw illi ladarba huma ħadu l-vaċċin, li jingħad illi joffri 95% protezzjoni mill-virus, li jaħdem kontra kull varjant sa issa u li wara kollox ingħatat l-impressjoni li huwa l-ħelsien mill-ktajjen tal-pandemija, issa jridu jgħixu ħajjithom b’ħafna mil-libertajiet li tilfu. U bir-raġun!
U meta u jekk dan ma jsirx jibda jintilef il-bilanċ allura.
Diġà tħabbret protesta fir-Renju Unit kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Ingliż u saret petizzjoni li ffirmawha mat-12,000 persuna f’24 siegħa. Għax fid-deċiżjoni ta’ Johnson ma jinħassx li hemm bilanċ! Li lanqas biss iddaħħal pajjiżi bħal Malta - b’aktar minn 70% tal-poplu mlaqqam u aktar minn 50% li ħadu ż-żewġ dożi, b’rata ta’ 0.2% pożittività - fil-Lista l-Ħadra, mhijiex bilanċ u ma tagħmilx sens! Anzi tinħass illi hija deċiżjoni li tiżbilanċja wisq lejn Gvern li qed joħnoq il-libertajiet tal-poplu bla bżonn. Iktar minn hekk, kif qed nirrapportaw illum fil-faċċata, id-deċiżjoni hija meqjusa minn bosta bħala “kollha politika”.
U hawnhekk jibda l-inkwiet - mhux biss għal Johnson, imma għal ħafna Gvernijiet oħrajn li jaħsbu li jistgħu jagħmlu l-istess. Meta jibdew jaħsbu li jistgħu jużaw u jabbużaw mil-libertajiet tan-nies, jew agħar minn hekk jużawhom bħala gamblu politiku biex jieħdu dak li jridu.
Il-Libertà, fid-demokraziji tal-punent - hija sagrosanta. Imbilli l-popli tal-Ewropa u ta’ ħafna mid-dinja aċċettaw li jċedu ftit minn dawk il-libertajiet, ma jfissirx li l-Gvernijiet jistgħu jabbużaw minn dan.
Hemm differenza bejn kawtela u abbuż.
U għalhekk il-politiċi jridu jkomplu jassiguraw li dan il-bilanċ jibqa’ jintlaħaq, għaliex jekk in-nies jibdew jaħsbu li l-libertajiet sagrosanti tagħhom qed jiġu abbużati minħabba raġuni jew oħra, jew qed jinżammu minnhom għal raġunijiet mhux sodi biżżejjed, il-pandemija tispiċċa tkun il-kawża ta’ inkwiet u għawġ soċjali kbir.
Hija xafra taqta’ miż-żewġ naħat - li hu ċert imma huwa, li wara sena u nofs ta’ sagrifiċċji u restrizzjonijiet bżonnjużi, riċessjonijiet ekonomiċi li qatt ma rajna bħalhom u l-wegħda li wara l-vaċċin hemm in-normalità - miljuni ta’ nies issa bdiet taqbżilhom u bl-ikrah b’aktar restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tagħhom!
Huwa f’idejn il-politiċi u l-Gvernijiet li jaraw illi l-bilanċ jibqa’ jintlaħaq, għax il-prezz soċjali jaf ikun wieħed qares!