Owen Bonnici | Nibnu flimkien prosperità ġdida
'Din hi l-Malta aħjar li rridu nibnu flimkien f’dinja mibdula ta’ wara l-pandemija'
It-tnedija tal-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija huwa pass ieħor lejn it-tnedija tal-prosperita’ ġdida.
L-istrateġija nazzjonali m’hijiex l-istrateġija ta’ Ministeru wieħed jew ta’ grupp ta’ esperti li twaqqaf taħt Ministeru wieħed. Minflok huwa xogħol ta’ Kabinett sħiħ, ta’ Gvern sħiħ li flimkien ħdimna flimkien biex ħloqna strateġija li se tkun il-pedament għall-ħolqien ta’ Malta t’għada.
Bis-saħħa tal-ħidma li wettaqna flimkien ħloqna strateġija li qed tara lil pajjiżna jkun wieħed sigur, f’saħħtu u għani, mibni fuq il-prinċipji ta’ ugwaljanza, governanza tajba u żvilupp sostenibbli, lest biex iħaddan it-transizzjoni ekoloġika u diġitali sabiex itejjeb il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada.
Fis-sies ta’ din il-viżjoni hemm il-ħames pilastri ewlenin li jiggwidaw lill-Gvern fil-ħidma li qed nagħmlu għall-futur - il-kwalità tal-ħajja, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, il-governanza tajba u l-ambjent.
Komponent ieħor importanti huwa l-feedback li smajna mingħand in-nies. Din ridnieha li tkun strateġija għan-nies u kien għalhekk li f’Mejju li għadda ddedikajna xahar sħiħ ta’ konsultazzjoni fuq l-oqsma tematiċi ewlenin li jservu bħala bażi tal-istrateġija nnifisha.
Ma rridux li din l-istrateġija tkun waħda sabiħa u tajba imma li tibqa’ biss fuq il-karta. L-implimentazzjoni hi c-ċavetta tas-suċċess u hu għalhekk il-Kabinett ħa d-deċiżjoni li l-Kumitat ta’ Tmexxija għal din l-istrateġija jsir il-Kumitat, li id f’id mal-Uffiċju tal-Kabinett, f’koordinazzjoni mad-diversi Ministri jara li d-diversi inizjattivi taħt din l-istrateġija jiġu implimentati.
Diġa sar eżerċizzju, bi qbil mal-Ministeri nfushom, fejn ġew identifikati l-Ministeri li għandhom ir-responsabbilita’ Ii jimplimentaw id-diversi inizzjattivi taħt l-istrateġija skont id-dekasteru u l-istrateġija nnifisha li tgħid li l-inizjattivi għandhom jinbdew jew jiġu indirizzati, skont il-każ, f’perjodu ta’ tliet snin.
Hi bl-implimentazzjoni li strateġija tieħu l-ħajja.
Din l-istrateġija qed tħares lejn il-futur billi twieġeb tliet domandi ewlenin: Kif nistgħu ntejbu l-kwalita’ tal-ħajja u l-benesseri? Kif se nsostnu n-negozju u l-impiegi u nixprunaw irkupru b’saħħtu? Kif se nibqgħu reżiljenti u kompetittivi?
Hija twieġeb dawn it-tliet domandi billi għal kull domanda tippreżenta erba’ oqsma tematiċi, li min-naħa tagħhom iwelldu total ta’ 114-il inizzjattiva.
Nixtieq ħafna li nagħti togħma ta’ dak li qed tgħid l-istrateġija:
1) Kif nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri?
Il-pandemija wrietna biċ-ċar l-importanza tas-saħħa u l-benesseri. Il-prijorità immedjata tagħna hija li nikkontrollaw u nipprevjenu l-virus, imma rridu wkoll insaħħu l-benesseri taċ-ċittadini fit-tul, pereżempju billi nħeġġu lin-nies jieklu aħjar, jagħmlu iktar eżerċizzju, u jitkellmu fil-beraħ dwar kwistjonijiet ta’ saħħa mentali.
Filwaqt li nagħrfu l-irwol essenzjali li għandu l-ambjent urban u naturali pjaċevoli, is-saħħa, l- kuntentizza u l-kwalità tal-esperjenza turistika li noffru, se naddottaw approċċ aktar koeżiv, sostenibbli u li jħares ’il quddiem, pjanar u żvilupp li jikkumplimenta l-ibliet u l-wirt kulturali tagħna, jipproteġi u joħloq spazji ħodor pubbliċi, u jsaħħaħ l-infrastruttura biex iċ-ċikliżmu u l-mixi jkunu sikuri u pjaċevoli.
Evalwazzjoni tal-impatt sħiħ tal-pandemija fuq is-soċjetà Maltija hija biċċa xogħol imdaqqsa imma essenzjali. Se nniedu studji dettaljati biex nifhmu x’għajnuna jeħtieġu partijiet differenti tas-soċjetà u kif l-aħjar li nipprovduha. Se nappoġġjaw ukoll lill-istudenti biex ilaħħqu mat-tagħlim li tilfu. Sabiex inżommu l-ispirtu ta’ komunità li kien prominenti matul il-pandemija, l-istrateġija tagħna se trawwem il-koeżjoni u l-ekwità soċjali fis-soċjetà Maltija kollha, pereżempju billi nagħtu lil persuni vulnerabbli aċċess akbar għal opportunitajiet ta’ taħriġ u impjieg u bit-tisħiħ ta’ programmi ta’ integrazzjoni fid-dawl tal-irwol essenzjali tal-ħaddiema migrant, s-sistema tal-kura tas-saħħa tagħna u -ekonomija inġenerali.
2) Kif se nsostnu n-negozju u l-impjiegi u nixprunaw irkupru b’saħħtu?
L-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Gvern, f’livelli bla preċedent, żamm lil ħafna kumpaniji fil-wiċċ u lil eluf ta’ ħaddiema impjegati matul il-pandemija. Issa wasal iż-żmien li ngħinu lin-negozji jibdew mill-ġdid, jirristrutturaw u jittrasformaw l-operat tagħhom lejn mudell aktar sostenibbli, permezz tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali u nodfa.
Se niżguraw li Malta tħaddan din it-tranżizzjoni billi niżviluppaw programmi li jiggwidaw u jappoġġjaw lin-negozji u lill-ħaddiema biex ikunu lesti għall-futur. Se nwettqu ri-orjentazzjoni u integrazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni, tal-impjiegi u dik ekonomika, se nimmodernizzaw il-kurrikuli edukattivi u ninkoraġġixxu programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet biex nattrezzaw il-ħaddiema preżenti u futuri tagħna bil-ħiliet tas-seklu 21 li huma meħtieġa biex nisfruttaw impjiegi mħallsa aktar u li jagħtu valur miżjud.
Il-politika u l-investiment se jkunu l-pedament ta’ aġenda ta’ innovazzjoni li tagħti prijorità lis-soluzzjoni ta’ problemi konkreti li huma importanti għas-soċjetà Maltija u li twassal għal riżultati ċari. Se naġevolaw kollaborazzjoni bejn il-pubbliku u l-privat, billi naħdmu mill-qrib mal-industrija biex niżviluppaw riċerka u żvilupp (R&D), clusters ta’ għarfien speċjalizzati u sħubijiet edukattivi ma’ kumpaniji ewlenin ta’ investiment dirett barrani (FDI); u se niffaċilitaw l-investiment tan-negozju s-setturi kollha tal-ekonomija u nwasslu l- finanzjament għand start-ups li jistgħu jikbru malajr u jbigħu lis-suq globali.
Ekonomija progressiva tista’ tinbena biss fuq pedament responsabbli lejn l-ambjent. Malta għandha mira ta’ newtralità karbonika sal-2050, kif ukoll impenn lejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU u l-prinċipji tal-Patt Ekoloġiku tal-UE. Se nsegwu din l-aġenda billi ninvestu f’enerġija rinnovabbli u f’infrastruttura ta’ enerġija nadifa, u billi nistabbilixxu ekonomija ċirkolari fejn ir-riżorsi huma apprezzati u l-iskart jitnaqqas.
Se noħolqu wkoll sensiela ta’ proġetti ta’ investiment ekoloġiku u nisfruttaw id-daqs żgħir tagħna biex nippruvaw soluzzjonijiet ta’ teknoloġija tal-karbonju.
3) Kif se nibqgħu reżiljenti u kompetittivi?
Huwa importanti li nitgħallmu mill-pandemija u nieħdu azzjoni biex intejbu l-kapaċità ta’ Malta li tirrispondi għal kriżijiet futuri. Se ntejbu l-kapaċitajiet ta’ rkupru minn diżastri u nistabbilixxu pjanijiet fit-tul għal konnettività aktar robusta bil-baħar, bl-art, bl-ajru, tal-enerġija u dik diġitali. Se nibdew nirrimedjaw il- finanzi pubbliċi, li kienu taħt pressjoni qawwija matul il-pandemija, u noħolqu qafas għat-twaqqif u l- finanzjament ta’ fond għall-irkupru minn diżastri li jista’ jipprovdi xibka ta’ sikurezza s-snin li ġejjin. Ir-reżiljenza għal xokkijiet futuri tiddependi wkoll fuq il-protezzjoni tar-riżorsi naturali tagħna – kwistjoni li hija ta’ tħassib kbir għaċ-ċittadini.
Se niffukaw fuq edukazzjoni sistematika, il-konservazzjoni u l-bidla lejn stil ta’ ħajja iktar sostenibbli f’armonija mal-ambjent għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Se npoġġu wkoll l-ekoturiżmu u l-wirt l-qalba tal-esperjenza turistika li toffri Malta.
Il-pandemija wriet biċ-ċar kemm hu importanti li s-soċjetà taħdem imkien biex jiġu segwiti regolamenti żviluppati -interess komuni. Se nsawru sens akbar ta’ responsabbiltà kollettiva, ibbażat fuq prinċipji ta’ governanza tajba, trasparenza u kontabbiltà. Dan i sser li nrawmu kultura ta’ mġiba etika, mill-età tal-iskola ’l fuq, biex niżguraw li l-membri kollha tas-soċjetà jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ġid komuni. Irridu wkoll niżguraw li kull individwu u negozju jkollu aċċess ugwali għat-teknoloġija diġitali, biex intejbu l-mod kif ngħixu u naħdmu.
Għal dan il-għan ser ninvestu f’infrastruttura robusta, filwaqt li nappoġġjaw lill-adulti, b’mod partikolari l-anzjani, biex jiżviluppaw il-ħiliet diġitali li għandhom bżonn f’soċjetà moderna.
Din hi l-Malta aħjar li rridu nibnu flimkien f’dinja mibdula ta’ wara l-pandemija.