Andy Ellul | Malta Reżiljenti

'Kif enfasizza u spjega l-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern ser ikompli jara li l-kriminalità finanzjarja tiġi evitata u ppenalizzata b'mod attiv u b’hekk, bla dubju ta’ xejn, ma ndumux ma naraw lil Malta titneħħa mil-lista l-griża'

Id-deċiżjoni tal-Kumitat tal-FATF li jqiegħed lil Malta fuq il-lista l-griża kien riżultat mhux mistenni għal pajjiżna, b'mod partikolari wara li ksibna riżultat pożittiv mingħand il-Moneyval. L-isforzi u t-titjib li sar minn pajjiżna ġew rikonoxxuti mill-Moneyval fejn Malta kienet għadha kemm irreġistrat riżultat tajjeb hafna, u kklassifikat fost l-aqwa fl-Ewropa fil-konformita` mal-istandards kollha.

Għalhekk it-tqegħid ta' Malta, pajjiż li għamel titjib konsiderevoli fl-istandards ta' konformità tiegħu kontra l-ħasil tal-flus, fuq il-lista l-griża ħalla lil kulħadd konfuż. Wieħed ma’ jistax ma jikkumentax li hemm grupp ta' pajjiżi oħra fuq il-lista, li kollha jeħtieġu monitoraġġ sostanzjali għal kontra l-ħasil tal-flus minħabba l-laxkezza li teżisti f’pajjiżhom. Kollox ma' kollox, ibbażat fuq ir-riżultati miksuba, Malta għandha tiġi mfaħħra għall-kisbiet tagħha u mhux tiġi ppenalizzata.

In-nies jistaqsu, "X'wassal għal din id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kumitat tal-FATF?" u hawnhekk ser nispjega b’mod sempliċi. Il-President tal-FATF, Markus Pleyer, iddikjara li l-FATF analizza mhux biss l-implimentazzjoni tal-liġijiet iżda wkoll l-effettività tagħhom. L-eżerċizzju dwar l-effettivita’ tal-liġijiet huwa suġġettiv ħafna u għalhekk dak li qal Pleyer jimplika illi din id-deċiżjoni ittieħdet fuq il-bażi ta’ kif għandha ssir iktar implimentazzjoni effettiva fil-mekkaniżmi kontra l-ħasil ta’ flus. Wieħed ma’ jistax ma jinnotax li l-FATF faħħret lil Malta billi stqarret li pajjiżna għamel progress tajjeb f'diversi nuqqasijiet li kellu fil-passat, u dan filwaqt li l- maġġoranza kbira tal-pajjiżi fil-kumitat kienu kontra li Malta tkun ippenalizzata. F'termini sempliċi, Malta ġiet ippenalizzata abbażi ta’ deċiżjoni suġġettiva ta' ftit pajjiżi membri iżda li huma  influwenti f’dan il-kumitat.

Ir-raġunijiet ipprovduti mill-FATF għar-riżultat ta' Malta jistgħu jinqasmu f'żewġ oqsma speċifiċi (i) nuqqas ta' trasparenza dwar is-sidien ta’ strutturi benefiċjarji, u (ii) nuqqas ta' effettività fl-identifikazzjoni ta' reati li jinvolvu l-evażjoni tat-taxxa. Dawn iż-żewġ oqsma problematiċi huma universali u "dejjem preżenti" fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi u mhux biss attribwibbli għal Malta. Nagħtu  ħarsa lejn iż-żewġ oqsma.  

Mill-bidu tas-sena 2018, il-kumpaniji Maltin kollha kienu obbligati jidentifikaw, jirreġistraw u jinfurmaw dwar min huma s- sidien benefiċjarji lill-Malta Business Registry (MBR). Dan ir-rekwiżit ġie introdott  bħala parti mir-Raba' Direttiva tal-Unjoni Ewropeja kontra l-ħasil tal-flus, li hija Direttiva li għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi għal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew l-iffinanzjar terroristiku fl-Istati Membri kollha. Il-kwistjonijiet enfasizzati mill-FATF huma kwistjonijiet ta' legat li ilhom preżenti għal għexieren ta' snin u li Malta ilha tindirizza matul iż-żmien billi tgħaddi liġijiet u regolamenti li jesiġu aktar trasparenza fl-istrutturi, kif ukoll tiddixxiplina b'mod attiv lil dawk li jippruvaw jiffaċilitaw il-kriminalità finanzjarja. Mill-esperjenza personali, nista' ngħid li r-rekwiżiti lokali imposti mill-MBR lokalment - f'termini ta' trasparenza tas-sidien benefiċjarji, huma ħafna aktar rigorużi minn dawk f'pajjiżi oħra. Dan huwa fatt li jaqblu miegħu ħafna professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' tassazzjoni, il-Ministru tal-Finanzi matul l-aħħar sena kkummenta diversi drabi dwar din il-kwistjoni. Il-messaġġ tal-Gvern huwa ċar li t-taxxa dovuta – kurrenti u tal-passat – trid  titħallas b'mod sħiħ minn kulħadd, irrispettivament mill-persuna, l-pożizzjoni, l-industrija u l-influwenza finanzjarja.

Ħafna nnutaw li s-settur tas-Servizzi Finanzjarji se jkun l-aktar milqut wara dan ir-riżultat, l-aktar minħabba żieda fil-monitoraġġ minn kontropartijiet internazzjonali, bħal banek korrispondenti. Madanakollu, dan is-settur huwa ppreparat sew minħabba li l-organi relattivi internazzjonali ilhom jeħtieġu monitoraġġ imsaħħaħ fuq il-banek u istituzzjonijiet finanzjarji Maltin mill-2019. Barra minhekk, is-settur tas-servizzi finanzjarji f'Malta huwa reżiljenti ħafna u dejjem qam għall-okkażżjoni inkluż fil-pandemija reċenti tal-COVID-19, kif ukoll fil-kriżi finanzjarja tal-2008. Fl-aħħar mill-aħħar, is-settur tas-servizzi finanzjarji f'Malta huwa konformi mal-liġijiet u r-regolamenti ta’ kontra l-ħasil tal-flus tal-UE u anke dawk internazzjonali.

Filwaqt li nikkunsidra l-azzjonijiet tal-FATF kontra Malta bħala sproporzjonati, l-awtoritajiet ikkonċernati flimkien mal-industrija se jieħdu in konsiderazzjoni l-punti ta' azzjoni meħtieġa mqajma mill-FATF u se tkompli l-ħidma tajba li wasslet  għar-riżultat pożittiv tal-Moneyval. Kif enfasizza u spjega l-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern ser ikompli jara li l-kriminalità finanzjarja tiġi evitata u ppenalizzata b'mod attiv u b’hekk, bla dubju ta’ xejn, ma ndumux ma naraw lil Malta titneħħa mil-lista l-griża.

 

 

More in Politika