Toni Bezzina | Lejn settur infrastrutturali aħjar
'lI-Gvern Laburista 4 snin ilu kien wiegħed li f’seba snin se jirranġa it-toroq kollha tal-pajjiż, b’nefqa ta’ €700 miljun ewro'
Il-qasam infrastrutturali huwa wieħed mis-setturi li spiss ikun fiċ-ċentru tad-diskussjoni fl-arena politika ta’ pajjiżna. Ilkoll kemm aħna nagħmlu użu kontinwu tal-infrastruttura ta’ pajjizna: ilkoll nagħmlu użu mit-toroq tagħna sabiex mmorru u niġu mix-xogħol u tant affarijiet oħra.
Sabiex pajjiż jipprogressa u jagħmel qabża ta’ kwalità fil-livell ta’ għajxien taċ-ċittadini tiegħu, infrastruttura moderna hija waħda mill-prerekwiżiti. Mhux sempliċiment twessiegħ ta’ toroq, imma miri aktar ambizzjużi li jlestu lil pajjiżna għal livell li jmiss.
Oltrè minn hekk, l-investiment fis-settur infrastrutturali għandu jħares ukoll lejn il-miri ambjentali ta’ pajjiżna, għaliex issa aktar minn qatt qabel qed nifhmu kemm dawn il-miri huma marbuta intrisikament mal-livell ta’ għajxien tagħna. Għalhekk jeħtieġ ħsieb dwar kif se jitnaqqsu l-emmissjonijiet li huma ta’ periklu mhux biss għall-klima imma anke direttament fuq saħħitna.
Qbil fuq fejn għandna naslu
Dan il-Gvern għażel li jagħmel l-infrastruttura waħda mill-punti fokali tal-aġenda tiegħu. Filwaqt li kemm il-darba, bħala Gvern u oppożizzjoni ma naqblux fuq numru ta’ materji rigwardanti l-infrastruttura, għandna nifhmu wkoll li l-punt prinċipali li rridu naslu għalih huwa komuni bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni: dik ta’ infrastruttura aħjar li tiffaċilità ħajjet in-nies. Għalhekk, dan il-Gvern għażel li jkompli jibni fuq it-tajjeb li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti qablu.
Pajjiżna ma jistax jinsa l-qabża kbira ta’ kwalità li għamel pajjiżna f’dik li hija infrastruttura fis-snin disgħin u l-ewwel diċennju tas-seklu 21 fejn rajna l-implimentazjoni ta’ diversi progetti infrastrutturali: bħall-mini, l-multi-level junction u l-underpasses ta’ Santa Venera, l-underpass u mini tal-Imsida, il-bridge ta’ Hal Qormi u tant progetti infrastrutturali ohra, apparti l-bini mill-ġdid ta’ numru kbir ta’ toroq arterjali, distributorji u residenzjali. L-argument li dan il-Gvern qed ikollu jpatti għan-nuqqas ta’ ħidma minn Gvernijiet Nazzjonalisti ma jreġix, jekk xejn, dan il-Gvern qiegħed jibni fuq il-bażi soda li Gvernijiet Nazzjonalisti bnew. Il-kundizzjoni tal-infrastruttura ta’ pajjizna marret lura tul l-ewwel legizlatura tal-Gvern Laburista, fejn din tħalliet ghal riħa mingħajr manutenzjoni kontinwa li tali infrastruttura jkollha bżonn.
Il-Fondi tal-EU kienu strumentali
Il-Gvern Laburista mhux biss sab bażi soda fuq xhiex seta' jkompli jizviluppa l-infrastruttura ta’ pajjizna, izda sab wkoll il-fondi meħtieġa biex dawn il-proġetti illum il-gurnata qed jiehdu l-forma taghhom.
L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi kien nnegozja pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea ta’ €1.2 Biljun: pakkett finanzjarju b’saħħtu ħafna għal pajjiżna minkejja li f’dawk is-snin l-UE kienet qed taffaċċja l-agħar riċessjoni finanzjarja li qatt esperjenzat. Dan il-pakkett kien jinkludi t-tfassil ta’ diversi progetti infrastrutturali li gew approvati u konsegwentament iffinanzjati mill-Unjoni Ewropeja u li llum pajjizna qed igawdi mill-implimentazjoni taghhom.
Il-Partit Laburista fil-Gvern qata' l-frott tal-ħidma sfieqa ta’ Gvernijiet preċedent Nazzjonalisti biex setgħu ġew implimentati dawn il-proġetti minn fondi tal-Unjoni Ewropeja, minkejja l-fatt li kienu hu li mexxa l-kampanja kontra l-isħubija ta’ pajjiżna fl-istess Unjoni Ewropeja.
Nuqqas ta’ pjanar
Għaldaqstant, l-Gvern Laburista 4 snin ilu kien wiegħed li f’seba snin se jirranġa it-toroq kollha tal-pajjiż, b’nefqa ta’ €700 miljun ewro. Bl-ebda mod mhu se nikkritika li jsir investiment, anzi bħala perit li ilni 33 sena naħdem fil-qasam infrastrutturali, napprezza kwalunkwe investiment li jsir. Madankollu, nemmen li pajjiżna ma ħax il-benefiċċju massimu li seta’ jieħu minn dawn il-flus.
Eżempju klassiku huma dawk it-toroq li jingħataw wiċċ ġdid iżda s-servizzi li jgħaddu minn taħt wicc it-triq bħad-dranaġġ, ilma tax-xorb, dawl, u infrastruttura ohra ħafna drabi ma jinbidlux. Ma rridux ninsew li l-pressjoni fuq dawn is-servizzi kibret ġmielha fl-aħħar snin minħabba ż-żieda drastika fil-popolazzjoni, u għaldaqstant ikun għaqli jekk dawn is-servizzi jinbidlu sabiex niżguraw li kapaċi jerfgħu l-piż meħtieġ. Apparti minn hekk, kif insistejt għal dawn l-aħħar snin kemm fil-parlament kif ukoll barra minnu, wasal iż-żmien li tibda titħaddem sistema ta’ ‘service ducts’ madwar Malta u Għawdex kollha. ‘Service Ducts’ huma speċi ta’ kanali mibnijin maġenb il-bankina li minnhom jingħaddew is-servizzi li semmejna u imbgħad jingħalqu permezz ta’ kaptelli. Investiment bħal dan isarraf f’inqas inkonvenjent għal kulħadd u inqas infiq ta’ fondi pubbliċi, għaliex biex tiġi rranġata ħsara f’xi servizz, ma jkunx hemm bżonn titħaffer it-triq mill-gdid, bl-inkonvenjent u spiża li dan iġib miegħu.
In-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern Laburista fejn tidħol l-infrastruttura narawh ukoll fin-nuqqas ta’ kordinazzjoni fix-xogħolijiet li qed isiru. Il-lokalitajiet li jinsabu wara l-mini ta’ Ħal Kirkop (Imqabba, Qrendi, Żurrieq, Ħal Safi u Ħal Kirkop) jafu b’mod dirett il-konsegwenzi negattivi tan-nuqqas ta’ pjanar tal-Gvern. Fl-aħħar sena u ftit xhur, dawn kienu qed jesperjenzaw konġestjoni sħiħa biex joħorġu jew jidħlu fir-raħal fejn jabitaw minħabba li qed isir xogħol infrastrutturali fil-mini ta’ Ħal Kirkop u t-triq ta’ Ħal Farruġ f’daqqa. Dawn huma l-unika żewġ rotot kif wieħed jista’ jidħol jew joħroġ minn dawn l-inħawi, u għalhekk bl-ebda mod ma kellhom jinqalgħu f’daqqa.
Din is-sitwazzjoni issa ġiet aggravata bix-xogħlijiet li nbdew fuq ir-roundabout tal-ajruport ftit passi bogħod. Dan kollu juri kif ma sarx pjan adegwat għal kif dawn ix-xogħlijiet għandhom jkunu eżegwiti b’ammont minimu ta’ inkonvenjent. Għalhekk, kif ftit tal-jiem ilu tħabbar li l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permessi necessarji għal proġett tar-roundabout ta’ Ħal Luqa (li twassal fuq naħa għal Ħal Qormi u n-naħa l-oħra għal Santa Luċija), insistejt b’kull mezz possibli li x-xogħol fuq dan il-proġett m’għandux jinbeda qabel ma jitlestew l-proġetti msemmija aktar ‘il fuq.
Nuqqas ta’ trasport alternattiv
Wieħed mill-punti oħrajn ta’ kritika għall-aġenda infrastrutturali ta’ dan il-Gvern huwa n-nuqqas ta’ investiment fuq mezzi alternattivi ta’ trasport.
Il-konġestjoni fit-toroq li qed naraw f’dawn l-aħħar ġimgħat, minkejja t-twessiegħ kontinwu ta’ toroq madwar Malta, juri li din kienet biss soluzzjoni ‘short-term’ li ma solvietx il-problema iżda pposponietha u tatha l-opportunità biex tiggrava. Il-Gvern għandu jara li mhux jagħmel l-użu tal-karozza bħala wieħed mandatorju għaliex m’hemmx alternattiva għalih, imma jiffaċilità l-użu ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport b’investiment f’infrastruttura apposta għalihom. Waħda mill-proposti tal-PN kienet l-introduzzjoni tal-Fast Ferry, xi ħaġa li minkejja li l-proċess ta’ tendering ħa fit-tul żżejjed, issa qed jiġi mħaddem u għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon għall-PN li jara proposta konkreta minn tiegħu tiġi attwata għall-ġid tal-poplu Malti. Madankollu fadal ħafna xi jsir fuq mezzi alternattivi ta’ trasport.
Jeħtieġ l-ewwel nett li t-trasport pubbliku jagħmel aktar passi ta’ titjib u jkun addattat għaż-żieda fil-popolazzjoni li qed jesperjenza pajjiżna. Hemm bżonn ta’ aktar investiment f’cycle lanes: sfortunatament is-‘cycle lanes’ spiss ikunu isfel nett fil-lista ta’ prioritajiet tal-Gvern, iżda permezz ta’ investiment f’cycle lanes segregati li joffru serħan il-moħħ għal min jagħmel użu minn roti jew e-scooters, kapaċi noffru alternattiva lin-nies.
Fl-interess tal-pajjiz, issa li l-Partit Laburista sar jaqbel mal-Partit Nazzjonalista fuq l-introduzzjoni ta’ trasport tal-massa minkejja li fil-passat kien irredikola lil din il-proposta, huwa kruċjali li mill-aktar fis possibli jkunu pubblikati l-istudji li saru fuq dan il-proġett u nibdew diskussjoni fuq kif jkun l-aħjar mod biex din il-ħolma ssir realtà.