Editorjal | Is-sondaġġi u l-Partit Laburista!

Is-sondaġġi importanti. Imma huma ritratt. U r-ritratt jista' jinbidel. Xogħol il-PL huwa li jara li ma jinbidilx billi jkompli fejn hu tajjeb u jsewwi fejn hu ħażin u jekk hemm bżonn japoloġizza fejn żbalja jew fejn kien hemm min kellu intenzjonijiet ħżiena

Is-sondaġġi huma ritratt ta' mument u ritratt tal-appoġġ li jkun qed jikseb partit politiku. Jidher ċar li hemm xejra kbira favur il-Partit Laburista li tvarja bejn distakk ta' madwar 26,000 vot, fl-agħar xenarju u tibqa' tiela' għal madwar 46,000 vot, fl-aħjar xenarju.  

Iżda l-Partit Laburista jkun qed jagħmel żball gravi jekk jaħseb jew jaqra dawn is-sondaġġi, bħala appoġġ bla kundizzjoni minn dawk kollha li sal-lum għadhom qed jagħżluh u huwa għalhekk li daqs kemm is-sondaġġi favorevoli jġibu ferħ lill-Partit Laburista, daqstant ieħor jistgħu jkunu kalċi ta' mrar jekk il-qari tagħhom isir ħażin jew agħar minn hekk, jekk l-uniku mod kif jaqra dawn is-sondaġġi l-Partit Laburista jkun illi ladarba għandu maġġoranza kbira favurieh, mela mhu qed jagħmel żbalji xejn, qed jagħmel kollox tajjeb u kull min jikkritikah huwa negattiv, traditur jew mixtri!  

L-ewwelnett tajjeb infakkru li l-PL, bħall-Partit Nazzjonalista, l-elezzjoni jrid jirbaħ mhux is-surveys. Is-sondaġġi ma jagħtukx leġittimità demokratika u lanqas jagħtuk is-setgħa li tkun fil-poter. Huma ritratt tal-mument u għandhom ikunu trattati hekk u hekk biss.  

Għax persuna f'sondaġġ tippreferi lill-PL jew tafda aktar lil Robert Abela, ma jfissirx li ma għandhiex riżervi qawwijin fuq kif spiċċajna fil-lista l-griża tal-FATF per eżempju, jew fuq il-mod kif tnejn minn nies fetħu kumpanija fil-Panama, jew kif eks Ministru jissemma darba wara l-oħra fil-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia jew kif il-Gvern kien għadda tlett sptarijiet lil kumpanija li ma nafux ta' min hi! Jista' jkun li dik il-persuni mhux biss għandha riżervi, imma hija ddiżgustata b'dawn l-istejjer u stejjer oħrajn ta' nepotiżmu sfrenat, imma ma tarax alternattiva fil-PN bħala Gvern li jista' jkompli jagħmel id-differenza fil-ħajja tagħha permezz tax-xogħol, tal-ħolqien tal-ġid, ta' ekonomija b'saħħitha, ta' proġetti kbar tat-toroq, ta' miżuri finanzjarji ta' fejda waqt xi kriżi jew miżuri li jiffaċilitaw ħajjet in-nies bħat-tneħħija tal-boll mix-xiri tal-proprjetà jew iċ-child care b'xejn! 

Dan ma jfissirx li l-Partit Laburista, jekk irid ikun Gvern serju,  għandu jirraġuna: "U iva la n-nies kuntenti bl-ekonomija, nistgħu nisirqu, infottu u nagħmlu li rridu!" Anzi għandu jirraġuna totalment il-kuntrarju. Ir-raġunament għandu jkun: "Għadna b'saħħitha minkejja l-istejjer kollha ta' nuqqas ta' governanza serja, nepotiżmu, kuntratti dubjużi u l-Panama. Aħseb u ara kemm nistgħu inkunu ħafna aktar popolari, kieku nagħmlu l-affarijiet sew! Kieku nuru li taħt dan il-Gvern ma jeħlisha ħadd li jkun ħasel il-flus jew evada t-taxxa - hu x'kulur hu! U jekk qabel kulħadd kien jeħlisha, illum mhux se nibqgħu hekk." 

Il-Partit Laburista  għandu jagħraf li jista' jkun hemm nies li forsi jammettu li l-PN mhu qed joffri assolutament xejn ġdid u xejn differenti fil-qasam tal-ambjent, imma xorta huma mdejqin bl-iżvilupp bla rażan, bl-art tittiekel għall-iżvilupp u bil-qerda ta' ċertu wirt arkitettoniku! Mhux biżżejjed li l-Partit Laburista fil-Gvern jibqa' jistrieħ fuq "għax il-PN mhuwiex aħjar...". Wasal iż-żmien li anke fuq l-ambjent juri li jista' jkun kuraġġuż u jagħmel il-bidliet li hemm bżonn isiru.  

Il-vot ambjentali u l-appoġġ trid timmeritah, mhux sempliċiment ikun 'by default' għax il-PN ma huma joffru prattikament xejn differenti! U dan kollu sondaġġ ma jurihx.  

Is-sondaġġ ma jurix lil min jirrispondi 'Labour' u 'Robert Abela' fuq it-telefon imma li għadu jħoss li inġustizzja li saret fil-konfront tiegħu għadha ma ġietx irranġata. Anzi jmur iħabbat il-bieb ta' Ministeru u jinjorawh! Mhux qed juri lil dik il-mara li qed tgħix u tgħajjex familja f'proprjetà sub-standard li ilha tmien snin tistenna post tal-Gvern u daqshekk ilhom iwegħduha post tal-Gvern il-Ministri u ċ-ċensiera ta' madwarhom! Fost dawk li qalu li ma jivvutawx fis-sondaġġ hemm min qata' qalbu għax jgħid li ma hemmx differenza bejn it-tnejn! Fost dawk li rrispondew PL fis-sondaġġ, jista' jkun hemm nies li l-arroganza ta' ċerti dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, b'nies li l-poter telgħalhom sew għal rashom, qallatlu l-istonku! 

Dawn huma wħud mir-realtajiet ta' madwarna. U jekk il-Partit Laburista jinqata' minn dawn ir-realtajiet, tan-nies u tal-ħaddiem u jinqata' mill-isfidi u l-ilmenti ta' min hu ġenwin biex minflok jintilef fil-kumdità tal-persentaġġi, il-grafika u ċ-ċifri tas-sondaġġi, jkun qed jiffirma t-tmiem tiegħu fil-Gvern.  

In-nies jidher li b'mod ġenerali xorta kuntenti bi Gvern Laburista. Imma lmenti, uġigħ u dwejjaq fuq kif qed jitmexxew ċerti setturi hemm ukoll u inulti jħares in-naħa l-oħra l-PL. Inkluż fuq il-Covid-19 u kif ċerti regoli qed jinbiddlu mil-lejl għan-nhar u jilgħabu b'ħajjet in-nies fil-proċess. Minkejja li nifhmu li l-Covid-19 qed tiżdied kullimkien, mhux Malta biss u minkejja li nifhmu li t-turiżmu għandna bżonnu (u kif!), ċerti żbalji ma jistgħux isiru! Messna mill-ewwel konna iebsin fuq in-nies deħlin hawnhekk, mhux fattarniha imbagħad irranġajniha. Hemm bżonn ċerta sensittività u hemm bżonn il-Gvern jifhem li l-poplu mhux lest jagħmel sagrifċċji għall-kappriċċ! U intuli l-PL iħares lejn il-PN u l-fatt li dan ibiddel id-diska skont l-opportunità fuq din il-kwistjoni - il-PL qiegħed fil-Gvern, mela l-poplu lejh se jħares għas-soluzzjonijiet. U forsi għalissa qed jibqa' jagħlaq għajn u jaċċetta u jifhem ċerti żbalji, pero' forsi jekk jibqgħu jsiru ma jibqax jaċċetta.  

Is-sondaġġi importanti. Imma huma ritratt. U r-ritratt jista' jinbidel. Xogħol il-PL huwa li jara li ma jinbidilx billi jkompli fejn hu tajjeb u jsewwi fejn hu ħażin u jekk hemm bżonn japoloġizza fejn żbalja jew fejn kien hemm min kellu intenzjonijiet ħżiena. Billi jibqa' umli, leali lejn il-prinċipji soċjalisti u billi ħadd fi żdanu ma jaħseb li sar xi alla! Inkella bħal PN fl-2013 jiġrilu!  

More in Politika