Carmel Cacopardo | Tibdil tal-klima: miżuri li jeħtieġ li jkunu ġusti
L-ikbar sfida ghal dan il-Patt Aħdar hi li l-bidla meħtieġa teħtieġ li tkun waħda li issir b’ġustizzja. It-trasformazzjoni ekoloġika teħtieġ li tkun soċjalment ġusta. Dan tagħmlu billi tpoġġi lin-nies mhux il-kapital jew il-profitti bħala l-konsiderazzjoni ċentrali tagħha. Il-bidla, iżda trid isseħħ illum qabel għada. Iktar ma ndumu nkaxkru saqajna, iktar ikun għoli l-prezz li jkollna nħallsu
Huwa essenzjali li nilħqu l-mira ta’ emissjonijiet żero tal-karbonju (carbon neutrality). Ilu żmien ovvju li ekonomija dipendenti fuq iż-żjut mhiex waħda sostenibbli. Il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima, fis-summit ta’ Pariġi, fl-2015, kienet fasslet pjan dwar it-triq meħtieġa biex nintlaħqu miri li jħarsu l-klima. Jekk ma nimxux ma’ dan il-pjan, il-futur ifisser biss gwaj.
It-tibdil fil-klima diġà qiegħed magħna. Madanakollu, l-impatti fuqna jistgħu jkunu ferm agħar minn dak li għaddej bħalissa: temperaturi estremi, nixfa’ kbira f’xi reġjuni u għargħar f’oħrajn. Id-diżastri qed iseħħu quddiem għajnejna kuljum. Il-qagħda għad trid teħżien bosta, qabel ma l-affarijiet (forsi) jaqilbu għall-aħjar.
It-temperatura medja fuq livell globali qed tiżdied. It-temperatura imkejla tvarja minn reġjun għall-ieħor. Fil-Mediterranean, studji riċenti qed jindikaw li qegħdin viċin li naqbżu żieda ta’ grad u nofs Celsius fuq it-temperatura pre-industrijali. L-impatti ta’ dan diġà qed inħossuhom.
Bħala stat gżira, Malta messa li hi fuq quddiem fid-dibattitu globali dwar it-tibdil fil-klima. Sfortunatament, pajjiżna hu fost dawk il-pajjiżi li kontinwament ikaxkru saqajhom biex jevitaw jew inaqqsu l-azzjoni meħtieġa da parti tagħhom. Il-fatt li aħna żgħar ma jeżentaniex mir-responsabbiltà tagħna lejn il-futur.
Fost l-eżempji ta’ dan hemm ir-resistenza, tul is-snin, biex nagħtu importanza lill-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli flimkien mat-tkaxkir tas-saqajn għall-proċess tal-elettrifikazzjoni tat-trasport.
Ilkoll niftakru l-insistenza tal-Gvernijiet Maltin mal-Kummissjoni Ewropeja biex il-miri ta’ Malta dwar l-enerġija rinovabbli ma jkunux l-20 fil-mija iffissati mill-Kummissjoni imma jinżlu għal 10 fil-mija tal-enerġija totali ġġenerata. Bl-istess mod, minkejja li fl-2017 saret dikjarazzjoni politika mill-Gvern favur l-elettrifikazzjoni tat-trasport, wara erba' snin għadna bla pjan u miri ċari. Il-bidla issa ser ikollha isseħħ b’ritmu mgħaġġel u ftit li xejn jidher li bħala pajjiż aħna ippreparati għaliha.
L-Unjoni Ewropeja għadha kemm żvelat pjan bi proposti biex l-emissjonijiet serra jitnaqqsu b’55 fil-mija meta mqabbel ma dawk tal-1990. Dan għandu jseħħ sal-2030, u dan bħala mira intermedja fit-triq lejn emmissjonijiet żero tal-karbonju (carbon neutrality) sas-sena 2050.
Waħda mill-proposti li qed issir hi li l-enerġija minn sorsi rinovabbli ġġenerata fl-Unjoni Ewropeja tkun ta’ 40 fil-mija mill-enerġija kollha użata. Dan ikun ifisser li fi żmien disa' snin Malta jkun jeħtieġilha li timmultiplika b’erbgħa darbiet l-enerġija rinovabbli li niġġeneraw fil-pajjiż. Din ser tkun mira iebsa, iktar u iktar meta tieħu kont tal-fatt li tul is-snin il-pajjiż dejjem ipprova jiżloq mill-obbligi tiegħu f’dan il-qasam.
Proposta oħra tal-Unjoni Ewropeja hi li sal-2035 ma jidħlux iktar fis-suq karozzi li jaħdmu bid-dijsil u l-petrol. Din mira li ser ikun meħtieġ li nilħquha fi żmien 14-il sena. Lokalment din mhi ser issolvi xejn jekk ma tkunx imżewġa ma miżuri biex jonqsu l-karozzi mit-toroq.
Proposta oħra tal-Kummissjoni Ewropea hi dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwil użat milll-vapuri kif ukoll dak użat fl-avjazzjoni. Din il-proposta bla dubju jkollha impatt mhux żgħir fuq il-gżejjer u l-istati periferali Ewropej. Hi proposta li hi motivata mill-fatt li l-Ewropa kontinentali hi moqdija iktar bil-ferrovija, ġeneralment effiċjenti u li hu meqjus li tħalli impatti ambjentali ferm inqas mill-ajruplani.
Bi proposta ta’ din ix-xorta it-turiżmu jintlaqat sewwa. Kemm tkun kbira d-daqqa jiddependi minn kemm tkun kbira taxxa ta’ din ix-xorta. Malta, il-Greċja u Ċipru diġa qed jgħidu li ma jaqblux ma dan!
Kemm is-settur tal-avjazzjoni kif ukoll dak marittimu huma kontributuri sinifikanti ta’ emissjonijiet serra. Sal-lum dawn iż-żewġ setturi evitaw li jkunu nklużi fil-miżuri biex inkun mħarsa mit-tibdil fil-klima minħabba lobbying qawwi. Il-proposti tal-Unjoni Ewropea jekk jidħlu fis-seħħ jibdlu din is-sitwazzjioni, dejjem sakemm il-lobbying jinżamm taħt kontroll!
Uħud diġà iddeskrivew dawn il-proposti (u oħrajn) tal-Unjoni Ewropeja bħala suwiċidju politiku u dan minħabba li l-impatti konsiderevoli tagħhom jistgħu jkunu l-kawża ta’ nkwiet soċjali qalil. Li nilħqu l-mira ta’ emissjoni żero tal-karbonju hu essenzjali imma rridu nkunu konxji li l-impatti tal-miżuri meħtieġa inevitabilment ser iweġġgħu bosta bihom. Id-diskussjoni meħtieġa trid tassigura li waqt li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa bla iktar dewmien, il-vulnerabbli, inkluż dawk bla mezzi jew b’mezzi limitati, għandhom ikunu mħarsa milli jkunu huma li jħallsu għall-ispiża akkumulata minħabba nuqqas ta’ azzjoni għal snin kbar.
L-ikbar sfida ghal dan il-Patt Aħdar hi li l-bidla meħtieġa teħtieġ li tkun waħda li issir b’ġustizzja. It-trasformazzjoni ekoloġika teħtieġ li tkun soċjalment ġusta. Dan tagħmlu billi tpoġġi lin-nies mhux il-kapital jew il-profitti bħala l-konsiderazzjoni ċentrali tagħha. Il-bidla, iżda trid isseħħ illum qabel għada. Iktar ma ndumu nkaxkru saqajna, iktar ikun għoli l-prezz li jkollna nħallsu.