Peppi Azzopardi | Kieku kien abjad kienu jaqbżu għalih

Meta l-Gvern jgħid li aħna full-up ikun qed isaqqi dak iċ-ċapcip kattiv f’Għawdex 

Meta kont żgħir niftakar l-iskola fil-ground kien ikun hemm żewġ studenti akbar minni jaghtu bil-ponn u bis-sieq u madwarhom fil-forma ta' ċirku kienu jinġabru ħafna studenti oħrajn iħarsu iċapċpu u  jgħajtu: “Jagħtu, jagħtu, jagħtu." 

U iktar ma jagħtu u iktar ma jisimgħu d-daqqiet ta' sieq iktar kienu jċapċpu u jgħajtu bil-qalb u jħeġġuhom ikomplu. 

Kont immur id-dar u nibki bil-biża' li se nerġa' mmur l-iskola u se nerġa' nara dik l-orġja ta’ vjolenza. Fil-ġlieda dejjem kien ikun hemm wiehed li jaqla' ġo fih u dejjem kien ikun l-istess tifel. Kienu jaqbdu miegħu, jivvintaw raġuni għala xi ħadd mill-bullies jaqbad itih u hekk joħloq spettaklu quddiem it-tfal li kienu jħossuhom superjuri lejn dan t-tifel li lanqas kien jaf min kien missieru. 

Il-Bullies inbiddlu! 

Meta qrajt u smajt x’ġara f'Għawdex erġajt ftakart fix-xeni ta' meta kont zgħir, fil-ground tal-iskola.  Erġajt bkejt. Din id-darba mhux bil-biża', imma bir-rabja.  

Imma kif nista' qatt naċċetta li għax iswed, ikun trattat qisu ġisem miżbugħ iswed bla emozzjonijiet, iswed u allura inferjuri, iswed u allura ma ħaqqux aħjar, iswed u allura nistgħu nagħmlu show bih. Il-folla ċapċpet hekk kif ratu jaqla'. U hekk kif is-show master sema' ċ-ċapċip ħass li kellu jżid id-doża u tefgħu il-baħar. U l-folla bdiet iċapċap aktar bil-qawwi, f’dillirju ta' briju kattiv u bla ħniena. Tefgħu il-baħar bla ma jaf jekk kienx jaf jgħum. Seta' qatlu waqt li l-folla tifraħ u tiċċelebra.  

Pamela Bezzina, il-kantanta 

Kieku flok iswed dak ir-raġel kien abjad, il-folla ma kinitx iċapċap u tifraħ u tgħajjat. Kienet titkaża, żgur kien ikun hemm min imur iferraqhom u żgur ma kinux jagħmlu show bih u jitfgħuh il-baħar. Sewwa qalet Pamela Bezzina, il-kantanta: 'Sirna poplu diżgustanti' 

Mhix il-biża' li ġġiegħlna nħarsu lejn ħutna is-suwed b’dan il-mod. Hija l-arroganza tagħna li naħsbu li aħna razza aħjar mis-suwed, li meta Alla ħalaqna bojod kien qed jagħżilna  b'xi privileġġ fuq is-suwed.  

Lili jgħajjruni ħafna fuq il-Facebook. Imma  fit-tgħajjir lejja jgħajru aktar lis-suwed 

“Għax ma żżomhomx id-dar lil dawk ix-xadini Pepp. Forsi jaħxulek lil martek” 

Innutaw kif iħarsu lejn l-immigranti suwed. Li huma oġġett sesswali, għall-pjaċir, bla qalb u bla emozzjonijiet.  

“Ġej sett ieħor Pepp, għid lil Mandy tipprepara” 

Sett ieħor! Aħna ngħidu “Sett tal-platti” - ma ngħidux sett ta' bnedmin, sakemm ma nkunux qed inħarsu lejhom bħal ma nħarsu lejn “platt”, li minn fuqu tiekol u tiffanga. 

Full Up! 

Hawn diversi kumpaniji li meta tordna xi appliance għad-dar u għad delivery jistaqsuk “Nistgħu nibgħatulek nies ta' karnaġġjon skur?”  U bl-iżjed mod vili jagħtuk l-għażla.  

Immaġina kieku jibdew jistaqsu: “Jimporta sinjura jekk nibgħatlek gay?” Ara kieku kif iqumu l-irwiefen. Ara kieku il-Gvern kif joħroġ stqarrija wara l-oħra u kif iz-zebra crossing ta’ Malta jibdilhom kollha bil-kulur tal-qawsalla! Għax għall-Gvern mhux l-ugwaljanza tgħodd imma kemm inkunu cool għall-voti.  

Huwa l-Gvern suppost xellugi  li qed ikompli jsaqqi  din il-mibgħeda razzjali. Il-kelma 'Full-up' hija diskriminazzjoni oħra kontra s-suwed. 

Aħna ma aħniex full-up għal persuni mhux Maltin li lesti jħallsu l-eluf biex jixtru l-passaporti! Aħna ma aħniex full-up għal eluf ta' persuni mhux Maltin li bħalissa għadna bżonn biex jaħdmu għax in-negozji regġgħu mhux isibu ħaddiema Maltin! 

Aħna lis-suwed biss ngħidu full-up, aħna indawru wiċċna qishom il-Libjani mhux qed jisparaw fuq id-dingi.  Aħna naħslu jdejna! 

Meta jiġi l-Papa!  

U issa meta f’Novembru jiġi il-Papa għadna l-wiċċ immorru nilqgħuh l-ajruport u noqgħodu ninkinaw quddiemu bla ma nindunaw li hu qed jirrapreżenta lil Kristu li qalilna “Kont barrani u ilqajtni”  

U meta l-Papa fuq il-Fosos jgħidilna  “Lill-immigranti ilqgħuhom f’pajjiżkom bil-ferħ, li tistgħu tgħinhuhom u għall-ewwel żommhom ġod-djar tagħkhom ħalli itaffulhom it-trawma li jkunu għadhom ġejjin minnha - il-folla fuq il-Fosos iċapċap kif ċapċpet meta tefgħu lil dak l-iswed il-baħar!  

More in Politika