Editorjal | Dak li konna ilna nafu u ngħidu!

Minflok l-eks PM Joseph Muscat mhux biss żammhom, imma pproteġihom, ġiegħel lill-partit jipproteġiehom, ħallielhom l-istess saħħa li kellhom u pinġihom qishom l-akbar Soċjalisti li qatt rat Malta! Li biex tkun Laburist u li biex tkun tħobb lill-Partit Laburista ridt tkun tħobb li dawn it-tnejn! Jew 'Keith u Konrad' jew inti traditur!

L-eks Chief of Staff Keith Schembri jitkellem mal-eks Ministru Konrad Mizzi
L-eks Chief of Staff Keith Schembri jitkellem mal-eks Ministru Konrad Mizzi

Din il-ġimgħa ħareġ ir-rapport tal-inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Int u taqra l-konklużjonijiet ma tistax ma tistaqsix lilek innifsek:  Imma dawn mhux kollha affarijiet li tant persuni u entitajiet kienu ilhom jgħidu?  Dan kollu l-midja indipendenti ma kinitx ilha tgħidu? 

Ir-risposta hija "iva". Ir-rapport, skjaċċanti kemm hu skjaċċanti fil-konfront tal-Gvern li kien imexxi Muscat, primarjament, imbagħad lejn is-sistema b'mod ġenerali u anke lejn l-attakki mill-PN lejn Caruana Galizia dak iż-żmien, joffri rijassunt ta' dak li l-midja indipendenti kienet ilha tisħaq li kellu jseħħ. 

L-ewwel u qabel kollox kien żball enormi li Keith Schembri u Konrad Mizzi inżammu f'posthom anke wara li sirna nafu dettalji ġodda dwar kif il-kumpaniji li fetħu - minn wara dahar il-poplu, biex fihom jitfgħu flus li se jagħmlu minn wara dahar il-poplu u biex ma jħallsux taxxi dovuti fuqhom (għax kieku kienu onesti kienu jiftħu kontijiet f'Malta!) - kienu marbutin ma' 17 Black. Meta kien magħruf li 17 Black hija ta' Yorgen Fenech u meta kien żvelat li f'17 Black daħlu $1.6 miljun - mill-Ażerbajġan (il-pajjiż minn fejn qed nixtru l-gass) u allegatament mal-$200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass - u li din 17 Black kienet target client tal-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi. Meta rriżulta wkoll li fl-ewwel sena biss kienu se jidħlu maż-$2 miljuni minn attivitajiet kummerċjali fl-Indja, il-Bangladesh u l-Afrika ta' Isfel u li fuqhom Schembri u Mizzi ma kinux se jħallsu sold taxxa! 

Mela jekk xejn dawn it-tnejn kellhom jitkeċċew fuq suspetti fondati ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa - talli b'għemilhom kienu fil-kumpanija ta' Austin Gatt, dak li nesa' eluf kbar f'kont Żvizzeru! 

Bħala minimu kellhom jitkeċċew talli għal darba, darbtejn qalu li ma jafux ta' min hi 17 Black. Li ma kellhom x'jaqsmu xejn magħha. Allajbierek! Yorgen Fenech dieħel u ħiereġ Kastilja, bil-Whatssapp chats ma' Keith u Joseph Muscat biex joqgħod jurihom kemm jaf isajjar il-fenek u oħroġ il-għaġeb din ma qalilhomx! Li 17 Black tiegħu, li fetaħha f'Dubaj u li minnha se jgħaddu flus għal għand Schembri u Mizzi.

U ma ninsewx Schembri kien il-factotum, id-de facto Prim Ministru - għax Joseph Muscat tant kien jafdah u tant kien iħobbu li ħallielu ħafna mill-poteri f'idejh! Nittamaw li fil-kwiet ta' daru Joseph Muscat jiddispjaċih, imqar fuq din biss!

Fuq hekk biss kien biżżejjed biex dawn jitkeċċew. 

Minflok l-eks PM Joseph Muscat mhux biss żammhom, imma pproteġihom, ġiegħel lill-partit jipproteġiehom, ħallielhom l-istess saħħa li kellhom u pinġihom qishom l-akbar Soċjalisti li qatt rat Malta! Li biex tkun Laburist u li biex tkun tħobb lill-Partit Laburista ridt tkun tħobb li dawn it-tnejn! Jew 'Keith u Konrad' jew inti traditur! 

Oħroġ il-għaġeb meta pajjiżna għadda tliet sptarijiet lil xi ħadd bla flus, bla esperjenza, bi struttura ta' kumpanija, f'kumpanija, f'kumpanija fil-British Virgin islands li sidha ma nafux min hu u li wiċċha f'Malta kien raġel li ntsab ħati b'serq, min kien hemm wara dan il-kuntratt oxxen? Konrad Mizzi! U dawn mhux invenzjonijiet ta. Wara li l-Gvern tahom eluf kbar kuljum u wara li ma għamlu xejn u lanqas biss ħallsu l-pagi u lill-kuntratturi, l-VGH żarmat u telqu kollha minn Malta! U l-flus kollha li tajna lill-VGH, grazzi għal Mizzi (u bla dubju Schembri warajh) qisna qbadniehom u tfajnihom ġo toilet!

Imma dawn ħadd ma seta' għalihom! U xi darba għad jinkitbu l-istejjer tal-ħrejjef u l-gideb u l-pressjoni li kienu jitfgħu dawn fuq il-midja kollha li kienet lesta teħodha kontrihom - mhux kontra l-Labour, kontrihom! Għax huma qatt ma kienu l-Labour - hekk ħasbu u hekk kien hemm min ġiegħlhom jaħsbu! Pero' la kienu, la huma u la qatt mhu se jkunu l-Labour!

Fortunatament il-midja li qalet li Konrad Mizzi u Keith  Schembri kellhom jirriżenjaw hawn għadha għaddejja u b'saħħitha fiċ-ċirkostanzi. Kuntrarjament għal Keith Schembri u Konrad Mizzi li kellhom jirriżenjaw il-mument li seħibhom tas-17 Black kien akkużat illi huwa l-mandant fl-assassinju ta' ġurnalista. Fl-istess mument li seħibhom ta' 17 Black kien qed jgħid lill-pulizija li l-mandant kien Keith Schembri, li kien  joqgħod jgħaġġlu "biex imexxxi" u li ħallas l-eluf għal dan il-qtil. Ftit wara li Schembri mar jiltaqa' ma' Muscat fid-dar tiegħu f'Burmarrad - forsi min jaf? Biex ifakkru li jekk jegħreq hu, se jgħerreq lilu miegħu! Kif fil-fatt ġara - għax ġimgħa wara li Schembri niżel mill-glorja, Muscat  - il-Prim Ministru bl-akbar maġġoranza fl-istorja - kellu jirriżenja wkoll. 

Mela xi ħaġa ħażina kien hemm. Mela xi ħaġa ħażina li tħalliet tnawwar u tnawwar il-qalba ta' Gvern li tela' b'tant rieda tajba kien hemm ukoll. Mela l-mistoqsijiet jiġu waħedhom: Għalfejn Muscat ħalla lil Keith u Konrad jagħmlu daqshekk ħsara? Possibbli ma setax jinduna li Schembri se jkun suspettat f'assassinju tal-persuna li kienet qed tikxiflu l-għawwar? Possibbli ma ndunax li f'Kastilja kienu deħlin u ħerġin ċerti karattri dubjużi jiltaqgħu ma' Schembri u jingħataw it-tours? Possibbli ma dejqux il-fatt li Schembri mar iħabbatlu l-bieb ftit qabel ġie arrestat? Jew anke hu kien ostaġġ tagħhom? Jew l-impunità ta' Schembri kienet aktar b'saħħitha mill-kariga Kostituzzjonali ta' Prim Ministru? 

Dak li qal ir-rapport ilna nafuh. Kien messu ilu li sar. Kieku ara kemm ħsara ma kinitx issir. Kieku ara, kemm dubji u suspetti ma kinux jitqajmu fuq nies fil-poter! Kieku jaf, Daphne Caruana Galizia ma nqatlitx. 

Dan huwa d-dnub li jridu jġorru fuq il-kuxjenza dawk li daħku bin-nies. Dawk li kienu komdi fil-kumpanija tal-korrotti u l-lagħqa. Dawk li ma ridux jisimgħu mill-ġenwin għax kienu komdi fil-kumpanija tal-ħallelin! Anzi lill-ġenwin warrbuh, għax miegħu ma kinux se jħaxxnu buthom. 
Huwa f'idejn Robert Abela li jkompli jixkupa l-ħmieġ ta' snin fuq snin ta' inazzjoni kif ukoll ta' snin ta' rgħiba, ta' nies li meta staqsuhom jistħux minn dak li għamlu huma u ħerġin mill-binja tal-Qorti qalulna "Jiena grazzi għalija l-Labour rebaħ b'40,000 vot."

Dak li ġab il-poter u l-arja żejda li ngħataw nies bħal Keith Schembri!

Aħjar Robert Abela jirbaħ b'nofs dawk l-40,000 u meta jorqod, rasu jniżżilha fuq l-imħadda b'kuxjenza nadifa. U meta jimxi l-Belt jimxi b'rasu mgħollija - mhux imdawwar bis-security li jsuquh malajr, malajr  - bħal ziffa - għal għajjat tax-'shame on you' u 'korrott' - sal-villa tal-Mellieħa! 

Issa billi akkwistajtu l-flus u ftaħtu l-kumpaniji l-Panama - kollu mrar bid-doppju ġie għal wiċċkhom!

 

More in Politika