Salvu Mallia jitkteb ittra miftuħa lill-Prim Ministru Robert Abela
"Kif taf, dawn l-affarijiet diġà għidthomlok f’wiċċek bl-akbar onestà meta ġentilment stedintni l-uffiċċju tiegħek f’Kastilja, qabel ma ħareġ ir-rapport tal-imħallfin u tefgħuna fil-qiegħ nett ma’ Żimbabwe. Minn dak inhar ‘l hawn bqajt twebbes rasek..." - Mallia
Sur Prim Ministru,
Issa li l-inkjesta pubblika ikkonfermat li fil-Gvern m'hemmx partit imma orgnizzazzjoni kriminali li m'għandha ebda indiema għal dak li wettqet u m'għandha ebda ħsieb li titlaq il-poter, għax kif ikkonferma Ministru tiegħek stess, tista' tistrieħ fuq il-maġġoranza tal-vot ta' "ġaħan" - li tixtrieħ bil-pjaċiri - jidher ċar li għal Malta ma jista' jkun hemm ebda fejqan, la issa u lanqas qatt, sakemm il-Partit Laburista ma jiċħadx in-nies u l-għemil faħxi li wettqu tul l-aħħar żewġ leġiżlaturi! Din hija l-verità kerha li tefgħana fiha Joseph Muscat u l-Partit Laburista.
Ninsabu fi stat Faxxist bħall-Italja ta' Mussolini, fejn l-istituzzjonijiet kienu u għadhom maħtufa biex jibqgħu joffru immunità lill-kriminali li għadhom, bil-wiċċ tost kollu, jippretendu li nsejħulhom onorevoli, jekk mhux eċċellenza wkoll!
Stat Faxxista fejn il-kap tan-nazzjon, jagħmel bħal Mussolini u jassumi r-responsabbiltà ta' qtil li jixbaħ ħafna lil dak ta' Giacomo Matteotti u fl-istess ħin jgħidilna "busuli l-warrani għax kollox l-istess se jibqa’."
Stat Faxxista li bħal ta' Mussolini huwa kkundannat mill-bqija tad-dinja u riesaq lejn traġedja ekonomika u soċjali minħabba l-effetti ta' din il-kundanna u n-nuqqas ta' ippjanar u viżjoni, għajr dik kriminali li tefgħetna fil-lista l-griża.
Nawguralek li lill-bintek li tant tħobb, ma tħallilhiex biss il-jott u l-kontijiet fil-bank u l-proprjetajiet, imma l-legat li meta Malta sejħitlek biex toħroġha mill-ħofra dlam li int stess għent biex tisfronda fiha, b'indiema ta' veru u mhux b'apoloġija falza Salvu Mallia
Iva Mussolini kien irnexxilu jwassal il-ferroviji fil-ħin, imma fl-aħħar mill-aħħar il-poplu Taljan kellu jħallas prezz qares talli mexa' wara profeta falz li wiegħed li se jkun l-aqwa fid-dinja. Nazzarda ngħid li l-Gvern Laburista huwa agħar mill-Faxxisti ta' Mussolini, għax filwaqt li Mussolini kellu ideoloġija, mgħawġa kemm trid, li fi ħsiebha kien hemm il-ġid tan-nazzjon, il-Gvern Laburista inqeda b'min kien qiegħed jittama, biex ħoloq stat Mafjuż immexxi minn kriminali bla sinsla u fi kliemkom stess, "tfal kollha pożi mingħajr ebda kompetenza politika" li l-għan ewlieni tagħhom kien li jistagħnew minn fuq daharna.
Malta tinstab f'salib it-toroq, Sur Prim Ministru, f'sitwazzjoni kerha ħafna li f'pajjiżi oħra ssolviet biss bi gwerer ċivili u t-tixrid tad-demm, li t-toqol tiegħu baqa’ jagħfas u jifred għal ġenerazzjonijiet sħaħ. Dan hu li trid? Naħseb li prezz għoli wisq għal dawn iż-żewġ gżejjer, fejn diġà inxtered biżżejjed demm, anzi iżżejjed.
Dr. Abela, trid tifhem li fl-aħħar mll-aħħar, din l-għoqda ssikkata li biha Joseph Muscat, bil-kompliċità diretta tiegħek bħala konsulent fid-deċiżjonijiet li ħonqu d-demokrazija f'din l-Art xi darba ħelwa, xi darba, b'xi mod trid tinħall. Intik parir biex tkun kbir bħal Alessandru tal-Maċedonja quddiem l-għoqda ta’ Gordjon u tagħżel it-triq tas-sempliċità, tal-loġika u tar-raġuni, minflok tkompli tgħaqqadha u Alla ħares qatt, għal darb'oħra tkun kompliċi fis-sagrifiċċju ta' aktar ħajjiet Maltin fuq l-artal tar-rebgħa u l-egoiżmu, li suppost huma l-għedewwa ewlenin ta’ kull partit li jippretendiha ta’ Soċjalista.
Mintoff kellu fl-aħħar mill-aħħar, jagħraf li Malta kienet waslet f'xifer l-irdum ta’ gwerra ċivili u għax minkejja kollox, kien għad fadallu ħjiel ta' dawk il-prinċipji li xi darba f’żogħżitu ħajjruh għall-politka, ħa pass lura, għax ma riedx iċappas idu b’aktar demm Malti.
Dr. Abela l-għażla f'idejk. Il-kliem opportun ta’ avukat u l-wegħdi fierħa ta’ politikant ma jwasslu mkien u xi darba jew oħra l-għoqda trid jew tinħall jew tinħasad b’daqqa’ ta’ xafra. Tgħaddix lil dal-poplu mill-infern bla bżonn li qed jistennieh.
Jekk mhux se tinfatam darba għal dejjem, mill-kanċer mafjuża li żrajtu f'ruħ Malta, dal-pajjiż se jibqa' żgur fil-lista l-griża, li l-effetti diżastrużi tagħha bilkemm bdejna nħossu, għalkemm diġà beda jriegħed sew. Għax dik hi l-kundizzjoni ewlenija tal-FATF, li bil-fatti mhux bit-tħażżiż fuq xi biċċa karta minsija f’xi fajl mimli trab, ma nibqgħux bejta ta’ kriminalità u terroriżmu. Li ma nibqgux nisilfu isem Malta biex kriminali u terroristi jinfiltraw fl-Ewropa.
il-Gvern Laburista inqeda b'min kien qiegħed jittama, biex ħoloq stat Mafjuż immexxi minn kriminali bla sinsla u fi kliemkom stess, "tfal kollha pożi mingħajr ebda kompetenza politika" li l-għan ewlieni tagħhom kien li jistagħnew minn fuq daharna Salvu Mallia
Onestament ma ħadtha xejn bi kbira meta smajt wieħed mill-Ministri tiegħek, f’nifs wieħed jikxef il-perverżjoni li ħakmet lill-partit: Ammirazzjoni lejn kapitalisti korrotti u potenzjalment assassini, opinjoni tassew baxxa ta’ sħabu fl-aqwa kabinett tas-seklu, u l-isfruttar tal-inġenwità u l-ħtiġijiet ta’ min fdakhom u apposta ħallejtuh mgħammad bl-injoranza tal-fanatiżmu biex titmgħuħ il-ġandar, bħal ħnieżer, waqt li l-laħam warrabtuh għalikom.
Kulħadd mimli milja difetti u nuqqasijiet u jien m'inix eċċezzjoni! Biss lill-uliedi il-legat li nixteq inħallihom, mhux kemm ġemmajt flejjes, imma kemm tlift flus u opportunitajiet biex nibqa' nżomm sħiħ mal-prinċipji li nemmen li huma ġusti u ta' ġid għal dawk ta' madwari.
Nawguralek li lill-bintek li tant tħobb, ma tħallilhiex biss il-jott u l-kontijiet fil-bank u l-proprjetajiet, imma l-legat li meta Malta sejħitlek biex toħroġha mill-ħofra dlam li int stess għent biex tisfronda fiha, b'indiema ta' veru u mhux b'apoloġija falza, taqdi d-dmir li ħlift fuq il-kurċifiss u li s'issa ma qdejtux. Attwalment fiċ-ċirkostanzi nappella, biex il-ġurament tal-ħatra jibda jsir fuq il-Kostituzzjoni jew fuq it-tnejn jekk ma jsirx hekk diġà.
Kif taf, dawn l-affarijiet diġà għidthomlok f’wiċċek bl-akbar onestà meta ġentilment stedintni l-uffiċċju tiegħek f’Kastilja, qabel ma ħareġ ir-rapport tal-imħallfin u tefgħuna fil-qiegħ nett ma’ Żimbabwe. Minn dak inhar ‘l hawn bqajt twebbes rasek tiddefendi b’saħħtek kollha lill-dawk li l-id leminija tiegħek fil-Gvern u fil-partit, ammetta li żbalja meta fdahom u ammirahom. Li tibqa’ tkun kburi bid-diżastri li l-Gvern tiegħek u ta’ qablek filġu bihom lill Malta, se jkolli nemmen li l-unika ħaġa tajba f’dik il-laqgħa kien l-espresso li offrejtli, bħal dak li ta’ qablek offrew lill Theuma biex isikktu għal dejjem leħen ġurnalista. Min jaf hux fl-istess kikkra wkoll?!
Fl-aħħar, nixtieq ngħamel sejħa lil kull Malti ta’ rieda tajba li jħobb lill pajjiżu, li jista' jkollu xi influwenza pożittiva fuqek, biex jgħinek tinħeles mill-morsa mafjuża li nqbadt fiha int u kull membru tal-Gvern tiegħek. Morsa kattiva nfurrata bi flus maħmuġa u d-demm ta’ mara Maltija, li kaxkret lil Malta f'abbissi li qatt ma ħsibna li qatt narawha fihom.
Nitolbok Sur Prim Ministru, nitolbok ikollok ħniena minn poplu li għadu jrid jitgħallem imexxi lilu nnifsu, minn pajjiż li fih għada trid tgħix fih in-neputija tiegħi u l-għażiża bintek, jekk ma jitilqux ukoll, kif qed jagħmlu l-aħjar fost iż-żagħżagħ.
Salvu Mallia - ċittadin