Josianne Cutajar | Inkomplu nindirizzaw it-tbatija
Il-laqgħa ma’ Joanna tatni l-opportunita’ li nitgħallem iżjed dwar l-isfidi li jaffaċċjaw il-ġenituri u l-qraba tat-tfal li għandhom id-down syndrome, biex ma nsemmux ukoll it-tbatijiet tat-tfal infushom, tbatijiet li żdiedu bil-pandemija
Ix-xahar li għadda, bħala parti mil-laqgħat li jkolli mal-kostitwenti, kelli l-okkażjoni nżur is-servizz ta’ summer intensive therapy course għat-tfal bl-awtiżmu u bi bżonnijiet speċjali oħra f'Għawdex, kif ukoll iltqajt ma’ Joanna Scerri mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome u binha Karl fl-uffiċċju ta’ Malta. Insib min jgħidli li l-politiċi jagħmlu laqgħat bħal dawn biex iġibu vot jew tnejn żejda fl-elezzjoni. Jien inħares lejha b’mod differenti. Laqgħat bħal dawn anzi jsiru biex bħala rappreżentanti tal-poplu fl-aktar istituzzjoni demokratika Ewropea nkunu nistgħu inwasslu l-messaġġ taċ-ċittadini kollha tagħna b’mod aktar ċar u inklussiv, apparti li jgħinuna nżidu l-konoxxenza tagħna u dik tal-pubbliku fuq is-suġġett.
Dan imbagħad jista’ jwassal ukoll għal ħidma sfieqa u liġijiet ġodda li jġibu titjib tal-ħajja tal-kostitwenti tagħna. Fil-Parlament Ewropew dejjem qbiżt għall-interess taż-żgħir, tal-batut u tal-iżvantaġġjat, u hekk bi ħsiebni nkompli nagħmel. Insemmi, per eżempju, l-inizjattivi li ħadt fil-Kumtitat tat-Trasport u t-Turiżmu. Hawnhekk ressaqt emendi, li ġew aċċettati, li jisħqu għal aktar soluzzjonijiet fil-qasam tat-trasport li jgħinu lil persuni b’diżabilità jivvjaġġaw aħjar anke permezz tal-użu tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali, liema intelliġenza artifiċjali tista’ tagħmilha possibbli li persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod awtonomu. Insemmi wkoll l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita’, li ġiet ippreżentata f'Marzu li għadda, liema strateġija tisħaq fuq l-involviment wiesgħa ta’ persuni b’diżabilita’ fl-oqsma kollha tal-ħajja. Oqsma tal-ħajja, li jinkludu tan-negozju, fejn sħaqt ukoll fil-Kumitat tal-Industrija li l-forom differenti ta’ intraprenditorjat li qed naraw fi żmienna għandhom jibqgħu jkunu kemm jista’ jkun inklussivi.
Huma dawn l-azzjonijiet li jittieħdu, li fl-aħħar mill-aħħar, iwasslu għas-suċċess jew falliment tal-politika li nwettqu. Biss pero’, dan l-argument filosofiku għad insibu spazju fejn niddiskutuh aħjar darboħra.
Lura għall-laqgħat li kelli. Fiż-żjara waqt il-kors ta’ terapija lit-tfal bi bżonnijiet speċjali diversi fiċ-ċentru ta’ Barts f’Għawdex, li sar b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex, Hand in Hand u Voice for Inclusion Gozo, rajt b’għajnejja eżempju pożittiv fejn il-privat, il-Gvern u s-soċjeta’ ċivili ingħaqdu flimkien biex joffru servizz ta’ kwalita’ li jwassal għal integrazzjoni aħjar ta’ tfal li jbatu minn kundizzjonijiet diversi. Mal-għaqda mhux governattiva Voice For Inclusion Gozo, li għandha parti importanti f’dan il-proġett, iddiskutejt il-diffikultajiet li jaffaċċjaw it-tfal b’diżabbilta’ u l-familjari tagħhom f’Għawdex, u l-bżonn tat-tisħiħ tar-riżorsa umana u s-servizzi neċessarji f’dan ir-rigward.
Mill-banda l-oħra, il-laqgħa ma’ Joanna tatni l-opportunita’ li nitgħallem iżjed dwar l-isfidi li jaffaċċjaw il-ġenituri u l-qraba tat-tfal li għandhom id-down syndrome, biex ma nsemmux ukoll it-tbatijiet tat-tfal infushom, tbatijiet li żdiedu bil-pandemija. Naturalment, għalkemm għandek diversi servizzi li huma fis-seħħ, li kollha jgħinu biex persuni affettwati jkollhom ħajja aħjar, xorta waħda għandna sitwazzjonijiet diffiċli li rridu nkomplu nindirizzaw. Intant, filwaqt li hemm lok fejn insaħħu dawn is-servizzi, inkluż il-ħinijiet x’ħin ikunu offruti, hemm problemi reali oħra.
Joanna spjegatli kif hu fatt li l-ġenituri tat-tfal bid-down syndrome u kundizzjonijiet oħra, iridu jduru aktar bit-tfal tagħhom minn ġenituri oħrajn. Biex dan isir b’mod effettiv, irid ikollok jew ġenitur li ma taħdimx jew ma jaħdimx, inkella tal-inqas ġenitur li jaħdem jew taħdem b’mod flessibbli. Saħansitra anke jekk min jimpjega lill-ġenturi ma jkollux problema bil-flessibilta’ tal-impjieg, xorta waħda ssib ħafna ġenituri li jiddejqu jitolbu l-flessibilta’ neċessarja għaliex iħossuhom qegħdin jabbużaw jew saħansitra jibżgħu li min jimpjegahom ma jdumx jittollera s-sitwazzjoni.
Apparti hekk, jekk il-ġenituri jkunu impjegati, jispiċċaw li jkunu jridu jużaw il-leave tagħhom biex ikunu jistgħu jwasslu lit-tfal tagħhom fi bnadi u ħinijiet differenti għal servizzi li anke jingħataw matul il-ġurnata. Dan ifisser li l-leave li s-soltu jittieħed biex il-familja tkun tista’ tirrilassa, jispiċċa jintuża banda oħra, f’appuntamenti li madanakollu huma neċessarji.
Filwaqt li l-karba tal-ġenituri ta’ tfal b’diżabilita’ rridu nkomplu nisimgħuha u nindirizzawha, kemm fuq livell lokali u dak Ewropew, xtaqt nagħmel punt importanti li forsi mhux dejjem jiġina f’moħħna meta nkunu qed nitkellmu fuq is-suġġett: dak li t-taxxi dovuti, jitħallsu. Il-Financial Action Task Force għamlitha ċara, li l-evażjoni tat-taxxa f’pajjiżna trid tiġi indirizzata llum qabel għada. Mingħajr it-taxxi tagħna, la jkun hemm flus għas-saħħa, la għall-edukazzjoni u wisq anqas għall-għajnuna lin-negozji biex tiġi stimulata l-ekonomija u jitħarsu x-xogħolijiet ta’ tant u tant ħaddiema.
Nikkonkludi għaldaqstant, bi kwotazzjoni ta’ Francis Beckett, il-bijografu tal-mibki eks Prim Ministru Ingliż Clement Attlee. Beckett kien qal “If a rich man wants to help the poor, he should pay his taxes gladly, not dole out money at a whim.” Ma’ Beckett nasal naqbel perfettament għaliex jekk kulħadd jagħti l-parti tiegħu, l-għajnuna mogħtija mill-istat tkun kapaċi tkopri ħafna aktar inkluż fil-qasam soċjali. Sa ma naslu sa dan il-punt, inkomplu naħdmu.