Editorjal | 'U l-ambjent ma jġiblekx voti!'
Xi tridu tħallulhom lil uliedkhom? Pajjiż u dinja aħjar? Jew miżbla? Ir-risposta hija ovvja! Mela ejja ħa nsalvaw dak li għad fadal?
Din il-ġimgħa reġgħet qamet id-diskussjoni - fuq livell internazzjonali l-aktar - dwar il-bidla fil-klima hekk kif jidher li ż-żona tal-Mediterran qed tinħakem minn sajf pjuttost kiefer, b'temperaturi jilħqu livelli stratosferiċi u perikolużi li jaqbżu it-48 grad celsius kemm fi Sqallija, kif ukoll f'Bizerte li tinsab fil-ponta ta' fuq tat-Tuneżija - u allura ftit 'l fuq minn Malta wkoll! Qed naraw nirien jinfirxu f'ħafna msaġar u foresti, b'nies jitilfu darhom, xogħolhom, l-għelieq tagħhom u aktar. Biex tgħaxxaq fl-istess żmien esperjenzajna l-għargħar kbir fil-Ġermanja, li ġab miegħu qerda kbira.
Din ta' bħalissa mhux fenomenu ġdid. Lokalment dejjem kellna sjuf sħan ħafna, ġieli kellna meded ta' widien li jinħarqu u maltempati kbar ħafna li waslu għall-għargħar kellna wkoll.
Jidher iżda li hemm xejra. Xejra ta' nixfiet aktar twal li jibdew aktar kmieni matul is-sena, b'inqas xita f'Jannar u Frar. Jista' jkun li hija xejra temporanja, imma jista' jkun li hija xejra ġdida - li tbiddel iċ-ċiklu kollu tas-sena staġjonali u agħar minn hekk li tfisser nixkfa itwal, minn dik diġà twila li dan il-pajjiż jesperjenza.
Issejħilha x'issejħilha, temminha jew le - pajjiżna jeħtieġ jieħu kont malajr kemm jista' jkun tas-sitwazzjoni ambjentali.
L-ewwelnett, l-art. Hemm bżonn li nnaqqsu mhux inżidu l-art li qed tittieħed għal żvilupp - ikun xi jkun. Jekk se nagħmlu l-pannelli ejja nużaw il-bjut, mhux nieħdu art xagħari. Jekk irridu nibnu skola ejja insibu żoni fiċ-ċentru u fl-urban. Jekk xi ħadd bena kamra illegali f'wied, mhux nagħtuh il-benedizzjoni ħalli l-kamra jagħmilha villa! Jekk hawn meded ta' art mitluqin, maħmuġin u żdingati - ejja nirranġawhom, insaġġruhom u nsebbħuhom. Il-proġett tal-estensjoni ta' ġnien f'Santa Luċija, il-park f'Bengħisa, l-għalqa żdingata fil-Mosta li se tiġi rranġata kif ukoll miżbla li fiha inżergħu s-siġar huma lkoll aħbarijiet pożittivi. Hemm bżonn aktar minn dawn l-aħbarijiet u rieda ċara li s-siġar, l-ispazji rikreattivi ħadrana u l-ġonna narawhom bħala t-triq ovvja 'l quddiem - bħala l-unika triq 'l quddiem biex niġġieldu l-bidliet fil-klima, imma wkoll għall-kwalità tal-ħajja! Mhux sempliċiment kumpens għal xi atroċità maġenb dak l-istess ġnien!
It-tieni, l-ambjent urban. Krejnijiet, trabijiet kullimkien, ħmieġ, fliexken tal-plastik u karti jtiru - għaddew is-snin u bqajna poplu nadif ġewwa u nkallat barra, bla sens ta' ownership ta' dak li jinsab barra 'l għatba. Bħallikieku quddiem biebek mhux tiegħek ukoll! L-aħbar li f'Buġibba se jkun hemm dipartiment apposta għat-tindif u l-manutenzjoni hija waħda tajba - nisperaw biss li dan id-dipartiment jaqdi xogħlu b'effiċjenza, dixxiplina u rieda ta' kuljum - mhux sempliċiment jispiċċa skuża oħra biex jinqdew in-nies!
Imma lilhinn - hemm bżonn sforz nazzjonali biex dan il-pajjiż ikun nadif. Issa billi tgħix ġo apartament kollox l-aqwa u kollox ilellex u kollox modern imbagħad toħroġ barra u qisek qiegħed f'pajjiż tat-tielet dinja - ħmieġ u trab! X'jgħodd? L-indafa huwa fl-interess ta' kulħadd - tal-Gvern, ta' min jaħdem fit-turiżmu, tiegħek li għandek darek, tiegħek li tgħix Malta u forsi ma taffordjax vaganza, tiegħek li taħdem fil-kostruzzjoni - u la semmejniha, oħra din! Ta' ħdejk jibnu sular u għandhom dritt jibnuh - imma mhux sakemm jitla' dan is-sular it-triq iġibuha miżbla! Mela dan pajjiż ġungla?
It-tielet, l-arja. U hawnhekk jibdew id-deċiżjonijiet diffiċli. Sirna moħħna fis-saħħa aktar minn qatt qabel u tajjeb! Nibżgħu biża' kbir li jaqbadna l-Covid - u tajjeb! Imbagħad x'qed nitfgħu fl-arja, li ndaħħluha ġo fina eluf ta' drabi kuljum - dik mhux importanti! Dik jitkellmu fuqha "dawn li moħħhom fil-gremxul" u xi erba' "xellugin estremi"!
L-ammont dejjem jiżdied ta' karozzi fit-toroq qed ikompli jniġġes l-arja bil-kbir, b'ċerti żoni, lokalitajiet jew toroq ikollhom kwalità tal-arja fqira ħafna! Mela rridu niddeċiedu - x'se nagħmlu? Se nnaqqsu l-karozzi għaliex se jkollna sistema ta' trasport li ma tkunx teħtieġ tant l-użu tal-karozza? Se noħolqu bus lanes fejn nistgħu biex it-trasport pubbliku jkollu dak il-vantaġġ? Se naħsbu fi proġett ta' metro? Se ndaħħlu mezzi oħra tat-traposrt fuq il-baħar għal Malta stess? Jew se nibqgħu fil-medjokrità li qegħdin fiha fejn kulħadd irid ibiddel id-dinja, imma ħadd ma jrid jagħmel xejn!
Minkejja l-aħbarijiet pjuttost kontinwi ta' proġetti għal enerġija alternattiva - li hija xi ħaġa tajba u jidher li l-Ministru Miriam Dalli qed temfasizza dan il-punt - hemm bżonn aktar. Aktar aħbarijiet simili. U hawnhekk dan l-editorjal jixtieq jaqbel mal-proposta tal-ADPD li kull permess mogħti għal bini ġdid ikun marbut ma' tragwardi u miżuri marbutin mal-enerġija nadifa u rinovabbli!
U finalment, il-baħar. Malta mingħajr il-baħar tispiċċa! Jispiċċa s-sajd - industrija li qed ġġib miljuni kbar lejn pajjiżna (illum kumpaniji Maltin qed jesportaw!), jispiċċa t-turiżmu - ara liema turist irid imur f'baħar maħmuġ u mniġġes? Jispiċċa l-ħut li wara kollox nieklu (u diġà qed naraw ċerta ħut jonqos!). Jispiċċaw negozji u jekk jogħla l-baħar minħabba l-bidla fil-klima, anke lokalitajiet quddiem il-baħar jibdew jispiċċaw!
Għalhekk importanti li fl-ibħra tagħna, ikun hemm l-indafa. Kif għad hawn min jarmi fil-baħar, imbagħad imur jgħum fl-istess baħar? X'injoranza! Kif dan is-Sajf inġabru tunnellati ta' ħmieġ mill-bajjiet? U s-sajd qed isir b'mod sostenibbli? Qed naċċertaw li mhux qed isiru prattiċi illegali? Jew kollox fejn ħabat laqat? Aħtaf illum u naraw għada?
"U l-ambjent ma jġiblekx voti!" jgħidulek bosta! Vera mhumiex ħafna dawk li jivvutaw fuq materji ambjentali (għalkemm jinħass li qed jiżdiedu). Pero' l-kapaċità u r-responsabilità u d-diċenza tal-Gvernijiet tal-lum (u tal-aħħar snin u s-snin li ġejjin) - Malta u barra - mhux bil-vot tal-lum se jiġu ġġudikati fuq l-ambjent! Iżda meta t-tfal li qed jitwieledu dal-ħin stess jikbru u jifformaw il-ġenerazzjoni li għad trid titla' u jgħixu fil-pajjiż u d-dinja li se nħallulhom!
Xi tridu tħallulhom lil uliedkhom? Pajjiż u dinja aħjar? Jew miżbla? Ir-risposta hija ovvja! Mela ejja ħa nsalvaw dak li għad fadal?