Robert Aqulina | Ix-xandira mill-washroom

L-ebda stħarriġ, l-ebda xemgħat mixgħulin fit-twieqi u l-ebda mass meeting imħabbar u mbagħad imħassar ma waqqfu t-tgerbiba ’l isfel li kienet qed tieħu l-karriera politika tiegħu

Sentejn u nofs ilu Joseph Muscat mar Brussell bit-tir li t-titjira lura lejn Malta jagħmilha bħala President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Kien qrib ħafna li jirnexxilu, qalulna l-akkolti tiegħu. Kemm kien bogħod jew reali dak li ddeskrivewlna bħala ‘qrib’ ma kienx wisq importanti għalina li lil Muscat konna ilna nixluh b’dak li tassew hu. Iżda dak iż-żmien, ftit kienu jemmnuna u jagħtu kasna. Minflok, bosta kienu jedhew jgħajruna b’kulma jiġihom għal ilsienhom. 

Minkejja dan id-diżappunt, hu u jtir lura lejn in-nofsinhar tal-Ewropa Muscat żgur ma basarx li f’qasir żmien kienet se tibdielu titjira li se tieħdu ferm iktar ’l isfel minn dak li twerwer bih fl-agħar inkubu li qatt kellu. F’dak is-sajf tal-2019 Muscat kien il-Prim Ministru ta’ pajjiżna, kien jikseb riżultati eċċellenti f’kull stħarriġ li jsir, kellu stazzjon tat-televixin li bih seta’ jagħmel li jrid u stazzjon ieħor li bih ukoll seta’ jagħmel li jrid. 

Mur għidlu, f’dik it-titjira minn Brussell, li sentejn u nofs wara biex jgħid xi ħaġa lill-poplu Malti u Għawdxi kien se jkollu jitla’ fil-washroom, jixgħel il-mowbajl u jxandarha fuq il-Facebook live. Mur għidlu li biex jagħmel din ix-xandira mill-washroom kien se jkollu jixtri mowbajl ġdid għax il-mowbajl ġew jiħduhulu l-pulizija b’ordni ta’ Maġistrat. 

Dan ix-xenarju mhux Muscat biss ma kienx jimmaġinah. Dak iż-żmien ftit kien għad baqa’ nies f’pajjiżna li kienu jemmnu li għad naslu xi mkien fil-ġlieda tagħna għall-verità u l-ġustizzja. Niftakar li bosta kienu qatgħu qalbhom kważi għalkollox. Niftakarhom jgħidulna li qed naħlu l-ħin bil-velja ta’ kull xahar, bil-protesti, bil-konferenzi stampa u bl-azzjonijiet li konna nivvintaw minn żmien għal żmien.  

Niftakarhom jgħidulna li qed naħlu ħinna u ħin il-poplu, imma ma konniex. 

 

Żrar fiż-żarbun 

Ftit tax-xhur wara d-disfatta ta’ Brussell, Joseph Muscat kellu jdabbar rasu mill-uffiċċju ta’ Prim Ministru. L-ebda stħarriġ, l-ebda xemgħat mixgħulin fit-twieqi u l-ebda mass meeting imħabbar u mbagħad imħassar ma waqqfu t-tgerbiba ’l isfel li kienet qed tieħu l-karriera politika tiegħu. Qabel ħalla Kastilja, qalilna li se jieħu miegħu xi żrar fiż-żarbun. Min jaf instabx dan iż-żrar fit-tfittxija li għamlulu l-pulizija? 

Biex ngħidu kollox, fl-2019 Muscat ma kellux disfatti biss. 

Dik is-sena bdietlu b’rigal ta’ tlett ifliexken inbid Petrus mogħtija mingħand ħadd ħlief Yorgen Fenech tas-17 Black. Fenech kien wieħed mill-ftit mistednin intimi għall-festin ta’ għeluq snin Muscat fil-Girgenti. Joseph Muscat bagħat l-istedina lil Fenech minkejja li kien infurmat li dan kien suspettat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Muscat dak iż-żmien ma inkwetax wisq li ’l quddiem jaf ikun hemm min jgħidlu ‘ma min rajtek xebbaħtek’. 

Kif ridtu jinkwieta meta fost l-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija kien hemm min kien għaddej xalata jsiefer u jiddiverti mal-istess Fenech, min kien qed jinforma lill-kriminali bil-quddiem meta se jiġu jiġbruhom, min kien qed jaħbi r-rapporti tal-FIAU fl-iktar kxaxen remoti tad-Depot u min għamel mill-fenkati s-simbolu tal-indifferenza assoluta quddiem l-agħar forom tal-ħażin? 

Fi tmiem dik is-sena, fl-isfera internazzjonali, Muscat saħansitra rnexxielu jirbaħ premju. Panel ta’ esperti internazzjonali mqabbda mill-OCCRP għażlu lill-Prim Ministru Malti bħala bħala l-Persuna tas-Sena fil-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni. 

Il-ħasra li l-OCCRP ma kellhomx budget kbir daqs kemm kellu pajjiżna għall-Malta Film Awards. Lil Muscat kien jixraqlu jilbes tuxedo u jitla’ fuq palk jiġbor premju daqstant prestiġġuż. Konna nieħdu ġost nisimgħu lil xi ħadd bħal David Williams isejjaħ lil Muscat kif ilna nsejħulu aħna: il-Prim Korrott! 

 

Ir-riżultati bdew ġejjin 

Kif rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat, għad baqa’ ħafna xeni x’naraw fil-film tat-titjira ’l isfel ta’ Joseph Muscat. 

Ix-xena li rajna fid-19 ta’ Jannar f’Burmarrad la hija l-ewwel u lanqas mhi se tkun l-aħħar waħda ta’ dan il-film. Kull min bħalna, matul dawn l-aħħar snin, kien qed iħares u kien qed jagħti kas dak li kien qed jiġri f’pajjiżna ilu jaf fejn hu postu Joseph Muscat. U dan il-post la hu Kastilja u lanqas mhu l-washroom ta’ Burmarrad. 

Dawk li bħalna ma ġewx ipnotizzati mill-propoganda ta’ Muscat, u ġew demonizzati bla ħniena mis-segwaċi tiegħu, qegħdin jingħataw raġun wara l-ieħor f’kull xena li tidher minn dan il-film. 

Tassew li fis-sajf tal-2019, waqt li Muscat kien qed jistenna l-manna taqa’ mis-sema ta’ Brussell, aħna kellna nissieltu għal kull qatra tama, kuraġġ u determinazzjoni li stajna nsibu fina nfusna biex nibqgħu għaddejjin bil-ġlieda tagħna. Iżda dak il-qtar bil-mod il-mod sar għadira ċkejkna li kompliet tikber u li aħna fiduċjużi li se tkompli tikber. 

Ir-riżultati bdew ġejjin imma għadna wasalniex. 

 

Nhar l-Erbgħa ejja l-Belt 

Biex naslu għandna bżonn nibqgħu nittamaw u għandna bżonn inżommu għaddejja b’saħħitha l-protesta tagħna. Nhar l-Erbgħa għandna okkażjoni oħra biex dan nagħmluh flimkien. 

Nhar l-Erbgħa, fis-6:30pm, fil-Belt Valletta, se nkunu qed infakkru it-52 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Nhar l-Erbgħa se nerġgħu niltaqgħu biex inkomplu ninsistu għal aktar riżultati; għal aktar verità u għal aktar ġustizzja. Nhar l-Erbgħa se ninġabru flimkien biex inġeddu t-tama li għandna għall-kawża tagħna; it-tama li għandna għal pajjiżna. 

Nhar l-Erbgħa Joseph Muscat mhux se jkun magħna. M’għandix informazzjoni jekk hux se jkun qed jagħmel xi xandira oħra mill-washroom jew jekk hux se jkun qed ilesti xi file ġdid għaż-żjara li jmiss tal-pulizija. 

Lanqas Konrad Mizzi u Keith Schembri mhuma se jiġu. Ma nafx fejn se jkunu, iżda żgur mhux se jkunu l-Amerka! 

Nhar l-Erbgħa, Rosianne Cutajar aktarx se tkun imħabbta tonfoq il-flus li taha Yorgen Fenech fil-kampanja li qed tagħmel biex iżżomm it-titlu ta’ Onorevoli. Fl-istess ħinijiet, Edward Zammit Lewis se jkun qed iħabbat il-bibien tal-Ġaħnijiet tad-distrett, jitkarrbilhom għall-vot. 

Jekk int m’intix bħal dawn ... jekk int, bħalna, trid tkompli tagħti tama lil pajjiżna ... nhar l-Erbgħa filgħaxija postok il-Belt. 

More in Politika