Is-sena tal-għafsa
L-2024, is-sena li tista’ tkun is-sena tal-għafsa, il-Gvern jeħtieġ li jaġixxi u jħares daqsxejn aktar fit-tul
Il-Maltin imdorrijin ikunu mfissdin. Fuq kollox hemm ukoll l-attitudni li kollox għandu jibqa’ l-istess u jekk jinbidlu l-affarijiet, mela nwaħħlu fil-Gvern. Jekk hemm responsabbiltà ċara li għandha tiġi attribwita lill-Gvern huwa l-mod kif kulħadd dara jerda’ minn fuq il-Gvern anke dawk li m’għandhomx għalfejn jew li ma ħaqqhomx. Dan huwa pajjiż fejn il-kwalità tal-ħajja hija għolja ħafna u fejn kulħadd jistenna li l-Gvern jipprovdi kollox. Bir-riżultat li min ħaqqu l-għajnuna iktar jibqa’ l-art.
Hemm bżonn bħalma tkellimna diġà f’editorjali preċedenti li l-Gvern Laburista jagħti kas aktar il-means testings bħala għodda meta jitqassam il-ġid u l-għajnuniet, kemm dawk soċjali u kemm dawk marbutin ma’ għajnuna għan-negozji.
Jidher ċar li hemm biża’ u riluttanza biex isir hekk, għas-sempliċi raġuni li l-argument prevalenti hu li jekk il-Partit Laburista jagħmel hekk jitlef il-voti.
Hemm ukoll il-vanġelu ekonomiku xprunat mis-snin ta’ Joseph Muscat li biex l-ekonomija tikber trid tħalli lil dak li jkun jagħmel li jrid. Bażikament free market economics stil tal-Lemin.
Bla dubju, dan ikkontribwixxa biex Malta tesplodi ekonomikament, imma ċertament dan mhux sostenibbli għal pajjiżna.
U f’mument partikolari fejn id-dinja qed taffaċċja gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani, u fejn ir-riċessjoni hija realtà u mhux ħrafa, Malta ma tistax tibqa’ timmaġina li mhux tiġi affettwata mill-mewġ kiefer tal-inflazzjoni.
Huwa għalhekk li l-Gvern Laburista jrid juri li huwa vera Laburista u jieħu dawk il-miżuri biex minn verament qed ibati u dawk li qed isibuha diffiċli jingħataw spinta akbar.
Imma issa hija ċara li l-Gvern Laburista m’għandux fondi biżżejjed biex jagħmel tajjeb għal dan kollu. Kienet sena u se tkun sena, fejn hemm żieda sostanzjali fil-pagi.
L-ekonomija baqgħet marbuta mal-kostruzzjoni u s-servizzi li kienu nibtu snin ilu bħall-gaming u s-servizzi finanzjarji li għadhom hemm imma mhux bl-istess saħħa ta’ qabel. Filwaqt li hemm tkabbir, m’hemmx ideat ġodda għas-snin li ġejjin.
Huwa f’dan l-isfond li l-Gvern irid jara x’jagħmel u jaffaċċja r-realtà billi jirrispondi mistoqsija sempliċi: minn fejn se jdaħħal aktar dħul mingħajr ma jweġġa’ l-ekonomija? Minn xi mkien irid joħroġ id-demm.
Kulħadd jaf min jista’ jerfa’ aktar piż u jħallas aktar.
Minkejja dak kollu li nistgħu niktbu, jibqa’ l-fatt li l-Gvern m’għandux il-kuraġġ li jieħu dawn il-passi.
U dan se jwassal biex fix-xhur li ġejjin, min qiegħed hemm isfel se jkompli jinżel u jitkaxkar fid-dell tal-inflazzjoni mistennija.
Dan se jwassal biex ikun hemm skuntentezza akbar u ħafna min-nies jaf juru l-għadab tagħhom billi ma jivvutawx fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jew inkella jivvutaw għall-partiti estremisti tal-Lemin.
Is-sondaġġi qed jindikaw li se jiġri hekk u nistennew li l-Gvern jirreaġixxi billi jieħu miżuri short term biex mingħalih jikkuntenta lil min mhux kuntent.
Huwa għalhekk li fl-2024, is-sena li tista’ tkun is-sena tal-għafsa, il-Gvern jeħtieġ li jaġixxi u jħares daqsxejn aktar fit-tul.
Dik hi x-xewqa tagħna!