Julia Farrugia Portelli | L-għejxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità huwa prijorità għal pajjiżna

'Huwa dmir u dover tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli biex lis-settur tad-diżabilità narawh jimxi bl-istess mod li jimxu setturi oħrajn'

Li persuna jkollha taffaċċja xi forma ta’ diżabilità hija weġgħa, kemm għaliha, kif ukoll għal qrabatha. Weġgħa li tkompli tiggrava jekk l-istess persuna tħoss li b’riżultat tad-diżabilità tkun b’xi mod qiegħda tiġi diskriminata. Għax konxji minn dan, ħidmietna hija xprunata minn determinazzjoni u impenn kontinwu biex ebda persuna b’xi forma ta’ diżabilità ma tħossha f’sitwazzjoni bħal din. 

Il-ħemel ta’ miżuri li għamilna f’din id-direzzjoni huma aktar minn prova ċara u konkreta ta’ dan l-impenn, ta’ din id-determinazzjoni. Miżuri li jkopru kull qasam tal-ħajja. Miżuri li fost l-għajnuniet ewlenin tagħhom hemm dik li jgħinu lill-persuna b’diżabilità tnissel u tkattar fiduċja fiha nnifisha. Fiduċja li twassalha f’sitwazzjoni li minkejja kollox hija persuna daqs u bħal ħaddieħor, bid-differenza li tkun teħtieġ ftit aktar għajnuna minn ħaddieħor. Fiduċja fl-abbiltajiet tagħha. Għajnuna li sabitha u se tkompli ssibha. 

Sa ftit taż-żmien ilu ftit kienu dawk li jemmnu li persuna b’diżabilità hija kapaċi toħroġ taħdem. Kapaċi li tikkontribwixxi għall-għejxien tagħha nnifisha. B’miżuri bħal dawk li għamilna f’dan il-qasam, li permezz tagħhom ħloqna inċentivi kemm għall-persuna b’diżabilità kif ukoll għal min ikun lest joffrilha x-xogħol, in-numru ta’ persuni b’diżabilità li ħarġu fid-dinja tax-xogħol kiber u kiber sew. Ħsibna wkoll biex tali miżuri ma jkollhom ebda effett negattiv fuq benefiċċji soċjali li jista’ jkollha persuna b’diżabilità. Dan kollu kien imsejjes fuq il-prinċipju li x-xogħol huwa dritt ta’ kulħadd u li x-xogħol jagħti d-dinjità lill-individwu, hu min hu. 

La darba għelibna din il-forma ta’ barriera għall-persuni b’diżabilità segwa u jkompli jsegwi l-prinċipju ta’ għejxien indipendenti. Anke ta’ persuni b’diżabilità, bid-differenza li anke hawn, dak li jkun meħtieġ isir huwa ftit għajnuna. Għax konvinti minn dan u għax diġà qegħdin niksbu riżultati f’dan ir-rigward ikklassifikajna l-għejxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità bħala prijorità għal pajjiżna. 

Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija bħala Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat li nenfasizza b’qawwa dan il-punt meta ftit tal-jiem ilu indirizzajt il-Konferenza tal-Istati Partijiet (CoSP) ta’ din is-sena għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fi New York. Din hi laqgħa annwali li ġġib flimkien rappreżentanti ta’ gvernijiet, flimkien ma’ attivisti fil-qasam tad-diżabilità, akkademiċi u esperti biex jirriflettu fuq il-kisbiet tal-passat filwaqt li jfasslu soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi komuni. 

Kelli wkoll l-opportunità nindirizza sessjoni favur Pjan ta’ Azzjoni fi ħdan il-Commonwealth għall-Inklużjoni tad-Diżabilità. Pajjiżna se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva, inizjattiva li se tkompli tkun diskussa fil-Laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth (CHOGM) f’Ottubru li ġej. L-impenn tagħna hu li nippromovu din il-kawża permezz tar-rwol tagħna fil-Grupp Internazzjonali ta’ Tmexxija kkordinat mill-Forum tal-Persuni b’Diżabilità tal-Commonwealth. 

B’konformità ma’ dan kollu kien il-pass li ħadna lokalment fil-bidu ta’ Mejju li għadda meta fil-Parlament ressaqna l-Att tal-2024 li jħassar l-Ordinanza dwar il-Lebbrużi u r-Regolamenti dwar il-Lebbrużi. Ordinanza li tmur lura lejn żmien l-Ingliżi u li kienet tiddiskrimina kontra persuni affettwati mil-lebbra, b’tali diskriminazzjoni twassal biex persuni bil-lebbra jesperjenzaw diżabilità. 

L-avvanzi tal-mediċina fil-konfront ta’ din il-marda huma tali li miżuri li kienet titlob din il-liġi m’għadx hemm bżonnhom. Is-sena li għaddiet l-għaqda internazzjonali The Leprosy Mission kienet ħeġġet lil pajjiżna biex nissieħbu fil-lista dejjem tikber ta’ pajjiżi li rrevokaw il-leġiżlazzjoni llum meqjusa bħala skaduta. Fi New York iltqajt ma’ rappreżentanti ta’ The Leprosy Mission u faħħru l-inizjattiva tagħna li ressaqna quddiem il-Parlament Malti l-leġiżlazzjoni neċessarja biex seta’ jsir hekk. Imma mhux biss hekk, se nkunu qegħdin f’ħidma konġunta ma’ kollegi oħrajn fil-Commonwealth biex pajjiżi li għandhom dawn il-liġijiet iħassruhom huma wkoll. 

Huwa d-dmir u d-dover tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli biex lis-settur tad-diżabilità narawh jimxi bl-istess mod li jimxu setturi oħrajn. Hekk għamilna, hekk qegħdin nagħmlu u hekk se nkomplu nagħmlu. Kburin li nkunu qegħdin naqdu dmirna. 

 

More in Politika