Althea Galea | Pass ’il quddiem, imma l-ġlieda għal-libertà tal-annimali tkompli
'Filwaqt li nirrikonoxxu dan il-progress, irridu nagħmluha ċara li aħna nemmnu li ż-zoos m’għandhom jeżistu xejn'
Aħna, Vuċi għall-Annimali, nilqgħu l-leġiżlazzjoni taż-zoo tant mistennija bħala żvilupp pożittiv u li qed jittieħdu passi biex jitjieb il-benessri tal-annimali fil-magħluq.
Madankollu, filwaqt li nirrikonoxxu dan il-progress, irridu nagħmluha ċara li aħna nemmnu li ż-zoos m’għandhom jeżistu xejn. L-għan finali tagħna huwa li naraw lil dawn l-annimali jerġgħu lura fil-postijiet naturali tagħhom, jgħixu liberament u mhux limitati f’gaġeġ jew tankijiet fejn jgħixu u jmutu fil-magħluq għall-gost tal-bniedem.
Huwa b’ottimiżmu kawt li ninnotaw it-tħabbir ta’ din il-liġi l-ġdida, partikolarment wara d-dewmien bla bżonn ikkawżat mit-talbiet ta’ ċerti operaturi taż-zoo. Sinċerament nittamaw li din il-leġiżlazzjoni waslet biex tibqa’ u ma titħassarx bil-kapriċċ ta’ dawk li għandhom interess personali li jisfruttaw l-annimali għad-divertiment u l-‘profitt’.
Aspett promettenti tal-ligi hija t-Taqsima 7(5) li tipprojbixxi interazzjoni diretta bejn il-pubbliku u l-annimali – pass kruċjali ’l quddiem.
Filwaqt li l-liġi tippermetti ċerti eċċezzjonijiet, it-tama tagħna hija li ma jkunx hemm eċċezzjonijiet għaliex dan mhuwiex ta’ gwadann għall-annimal imma huwa biss għall-pjaċir tal-bnedmin biex joqogħdu jiġbdu s-selfies ma’ dawn l-annimali eżotiċi. Ma nistgħux ma nsemmux ukoll l-għawm mad-dniefel fit-tankijiet u l-isfruttament assolut meta ż-żgħar tat-tigri u l-orsijiet jittieħdu minn mal-omm biex il-pubbliku joqgħod jisqihom. Nappellaw lill-awtoritajiet biex din il-liġi ma tkunx biss dokument li jiġbor it-trab waqt li jippersistu prattiċi krudili imma li dawn jitwaqqfu darba għal dejjem.
Ħaġ’oħra li xtaqna nsemmu huwa t-tgħammir ta’ dawn l-annimali fejn aħna nipproponu li dawn l-annimali għandhom jiġu msewwija u bl-ebda mod m’għandhom jingħataw permess biex jitgħammru. Nemmnu li dan huwa bla bżonn u mhux ta’ gwadann għall-annimali nfushom. L-unika raġuni għalfejn jitgħamrmu huwa biex jinbiegħu lill-individwi u żgur mhux għal xi forma ta’ konservazzjoni. Ma narawx għalfejn għandhom jingħataw permessi biex ikollhom iż-żgħar għaliex dawn jispiċċaw fi tpartit qawwi f’pajjiżi bħal-Libja fost oħrajn.
Strutturalment, din il-leġiżlazzjoni tidher li hija titjib fuq liġijiet preċedenti. Madankollu, is-suċċess tagħha jiddependi fuq infurzar effettiv. Id-Direttur responsabbli mis-Servizzi Veterinarji għandu jieħu din ir-responsabbiltà bis-serjetà, minħabba n-nuqqasijiet fil-passat tad-Dipartiment tar-Regolament Veterinarju fil-protezzjoni tal-annimali. Ir-responsabbiltà hija fuq il-Gvern li jiżgura li l-operaturi taż-zoo jikkonformaw mal-liġi, u ma jippermettux li jagħmlu deċiżjonijiet huma, li ħafna drabi twassal għal standards laxki u tbatija kontinwa għall-annimali involuti.
It-tħassib tagħna huwa jekk din il-liġi hix se tapplika għall-istabbilimenti kollha li jużaw l-annimali għad-divertiment, inkluż dawk li joperaw mingħajr liċenzji. Aħna naraw din il-leġiżlazzjoni bħala pass pożittiv ’il quddiem, iżda nemmnu bis-sħiħ li għandha tkun akkumpanjata minn reviżjoni sħiħa tad-Dipartiment tar-Regolament Veterinarju, linji gwida ċari, u infurzar rigoruż. Aħna lesti li nikkontribwixxu għal dawn l-isforzi.
Filwaqt li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tista’ ġġib xi titjib fil-ħajja tal-annimali fil-magħluq, il-pożizzjoni tagħna tibqa’ soda: nopponu li dawn il-kreaturi jinżammu f’gaġeġ għal ħajjithom kollha. Ir-rebħa vera għall-benessri tal-annimali se tasal meta kull annimal ikun liberu li jgħix kif intenzjonat fin-natura – mhux wara l-gaġeġ, imma fis-selvaġġ fejn jappartjenu. Sakemm jasal dak il-jum, il-ħidma tagħna tkompli.