Paula Mifsud Bonnici | Cushy jobs

'Ħafna nies qed jagħmlu l-istess mistoqsija – eżattament, għal liema cushy jobs kien qiegħed jirreferi Robert Abela fit-tentattiv iddisprat tiegħu biex jiskolpa lilu nnifsu?'

L-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela għad-disfatta elettorali li ġarrab fit-8 ta’ Ġunju li għadda kienet illi jwaħħal fil-ħaddiema taċ-ċivil għaliex dawn skontu mhux qed iwettqu xogħolhom u qegħdin hemm għall-cushy jobs. Mhux biss waħħal fihom imma heddidhom li se jittieħdu passi kontrihom jekk ma joqogħdux attenti.  

Robert Abela jidher li ma tgħallem xejn mill-messaġġ ċar li bagħatlu l-elettorat. Fil-paniku li kellu biex ta’ madwaru ma jwaħħlux fih, iddeċieda li jitfa’ t-tort fuq il-ħaddiema taċ-ċivil. Minflok faħħar dawk il-ħaddiema taċ-ċivil li qed ikunu gwardjani tal-gustizzja u qed jaraw li l-abbuż tal-Gvern jieqaf darba għal dejjem, iddeċieda li jheddidhom b’xogħolhom stess. Dan mhu xejn għajr intimidazzjoni u bullying.  

L-istunar ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ Robert Abela nstema’ wkoll mill-President ta’ Malta, l-ET Miriam Spiteri Debono tant li f’dawn l-aħħar jiem ħassitha fid-dover li titkellem dwar dawk kollha li jaħdmu maċ-ċivil u fis-Servizz Pubbliku fejn saħqet bl-aktar mod ċar li s-Servizz Pubbliku huwa wieħed mill-gwardjani tal-governanza tajba u li għandhom jaċċertaw li l-ħidma tagħhom tkun waħda li xxekkel li min ikun qed jabbuża. Nispera li Robert Abela fehem x’riedet tgħid il-President ta’ Malta bħalma nispera li fehem ukoll li l-attakk assurd li għamel ftit ġimgħat ilu kontra l-ġudikatura ta’ pajjiżna kien wieħed bla sens, perikoluż u tentattiv miskin biex idgħajjef is-sistema demokratika u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.  

Ħafna nies qed jagħmlu l-istess mistoqsija – eżattament, għal liema cushy jobs kien qiegħed jirreferi Robert Abela fit-tentattiv iddisprat tiegħu biex jiskolpa lilu nnifsu? Jista’ jkun li kien qiegħed jirreferi għal, pereżempju, il-cushy job li ta lil Svetlana Muscat, eks preżentatriċi tal-One fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fejn anke fil-ħabs stess sabet mezz ta’ kif taqdi lin-nies tal-qalba ta’ Joseph Muscat f’laqgħat sigrieti? Jista’ l-Prim Ministru jgħidilna pereżempju, kif u għaliex din il-persuna minn communications coordinator ingħatat l-inkarigu ta’ Head of Strategy f’Kordin? Għal Robert mhux kemm inti kapaċi, x’esperjenza toffri jew x’rekwiżiti għandek li jgħodd imma kemm inti kapaċi tkun sottomess għal dak kollu li jrid jakkwista dan il-Gvern sabiex jibqa’ fil-poter.  

Xi ngħidu għall-Kummissarju tal-Pulizija li sfortunament matul dawn is-snin ilu jokkupa din il-kariga? Bl-ebda mod m’jien ninsinwa li l-irwol ta’ Kummissarju tal-Pulizija huwa xi wieħed cushy, imma anki hawnhekk ħafna nies jistaqsu – għaliex dan il-Kummissarju ma ċaqlaq ebda difer biex jinvestiga l-abbuż u l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern? Ejjew niftakru li propju f’Gunju 2020, waqt is-suppost grilling li sarlu mill-membri tal-Gvern biss (u dan għaliex l-Oppożizzjoni rrifjutat li tkun parti minn dan is-smigħ farsa għal raġunijiet ovvji), fil-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi, Angelo Gafa’ kien wiegħed li mhux se jħalli interferenzi politiċi fil-qadi ta’ dmirijiet u kien saħansitra wiegħed ukoll li se jiżgura li joħloq strateġija fil-Korp ta’ kif jittratta dawn l-interferenzi. Falla bi kbir u mal-ewwel għaliex il-Kummissarju ppermetta li jseħħ l-oppost minflok sa mill-mument tal-ħatra tiegħu. Omertà sħiħa bħal donnu ma kien qiegħed jiġri jew mhu qiegħed jiġri xejn f’pajjiżna. Imnalla kienu l-qrati ta’ pajjiżna, kemm fil-każ tas-serq tal-isptarijiet, kif ukoll f’kull inkjesta pubblika li kellna li esprimew l-għadab tagħhom għas-serq, qerq, abbuż, korruzzjoni ta’ dan il-Gvern immaniġġjata tant tajjeb minn Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri. li llum t-tlieta jinsabu taħt att ta’ akkuża.  

L-Oppożizzjoni kienet għarfet sa mill-bidu nett li l-Kummissarju tal-Pulizija kien se jkun għodda f’idejn il-Gvern u li l-Kummissarju ma kienx se jitħalla jagħmel ebda investigazzjoni minn jeddu fuq nies tal-qalba għajr fuq dawk il-persuni vulnerabbli li ġew akkużati li wettqu frodi fil-benefiċċji soċjali, għalkemm nafu wkoll li ftit jiem biss qabel l-elezzjoni Robert Abela, biex jiġbor ftit voti, wegħedhom il-maħfra presidenzjali. 

L-Oppożizzjoni trid tara Korp effettiv, li jaħdem mingħajr biża’ jew mingħajr favuri. L-Oppożizzjoni trid tara Korp li jitħalla fil-libertà li jaqdi dmiru u li jfittex li ssir ġustizzja ma’ kulħadd. Huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni se terġa’ tkun kontra li l-Kummissarju tal-Pulizija jiġġeddidlu t-terminu tiegħu. Huwa għalhekk ukoll li l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta abbozz ta’ liġi dwar il-Ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jibda jinħatar bl-approvazzjoni ta’ żewż terzi mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan l-abbozz ta’ liġi kien diġà ġie ppreżentat fil-Parlament f’Jannar 2020 iżda dan il-Gvern għoġbu jinjorah.  

L-Oppożizzjoni se tkun qed terġa’ tagħti l-opportunità lil dan il-Gvern ikun fuq in-naħa tas-sewwa u li jara li l-Korp tal-Pulizija jerġa’ jibda jgawdi l-fiduċja tal-poplu. Nistennew u nittamaw. 

 

More in Politika