Editorjal | TRANSformazzjoni 50 sena wara Stonewall
Ejjew nammettu, fejn jirrigwarda persuni trans għad hawn ħafna injoranza u preġudizzju
Jekk għadkom ma rajtux id-dokumentarju TRANSformazzjoni nissuġġerixxu li tagħmlu dan fuq Youtube.
Dan id-dokumentarju ferm interessanti jiġi hekk kif il-komunità internazzjonali LGBTIQ tfakkar il-50 anniversarju mill-irvellijiet ta’ Stonewall. Ta’ min infakkru lill-qarrejja tagħna illi l-progress għal soċjetà iktar inklussiva u ugwali xi kultant idum ġenerazzjonijiet u jiġi bi prezz qares. Kellhom jgħaddu ħafna snin, jinbidlu ħafna ġenerazzjonijiet u jinbidlu magħhom ħafna gvernijiet biex f’ħafna pajjiżi tal-Punent naraw leġiżlazzjoni li ma tagħtix privileġġi jew tagħmel pjaċiri imma li tagħti dritt ugwali.
L-irvellijiet ta’ Stonewall, imsejħin hekk għal post fejn kienu jiltaqgħu ħafna persuni LGBTIQ fi New York fi żmien fejn l-intolleranza kienet tirrenja, huma mera tal-fatt illi t-taqbida għal dak li huwa sewwa u ġust ma kinitx faċli. Anzi kienet, xi minn daqqiet, vjolenti.
Illum li f’pajjiżna ninsabu fil-quċċata nett tal-lista f’dak li jirrigwarda drittijiet ċivili, grazzi għall-Gvern preżenti, jeħtieġ nirriflettu fuq tliet punti partikolari u kardinali. L-ewwel nett, la f’pajjiżna u fl-ebda pajjiż ieħor, m’hemm ebda garanzija assoluta li dak illi nkiseb se jibqa’ għal dejjem. Il-progress li sar u s-suċċessi li ċċelebrajna jeħtieġ ikunu ssalvagwardjati b’mod assidwu, kuljum u l-ħin kollu.
It-tieni: il-liġi u r-realtà fit-triq huma differenti. Il-mentalità patrijarkali u sessista għadha teżisti f’pajjiżna. Għad hawn nies li jaraw dak kollu li huwa differenti bħala theddida, nies li huma omofobiċi (anke jekk ma jammettux) u persuni li jikkompartamentalizzaw lil persuni LGBTIQ, daqslikieku persuna gay hija gay u daqshekk. Id-difett ta’ dawn huwa li bħalissa jinsabu f’minoranza u mhumiex magħqudin. Imma m’hemm garanzija ta’ xejn!
It-tielet u finalment: jekk Malta mxejna ’l quddiem u għamilna passi kbar, ejja ma ninsewx li madwarna għad hawn pajjiżi fejn għadu illegali u tista’ teħel ikla ħabs jekk biss turi affezzjoni lejn persuna tal-istess sess.
Ejjew nammettu, fejn jirrigwarda persuni trans għad hawn ħafna injoranza u preġudizzju. Għadha meqjusa kważi tabù. U m’għandux ikun hekk. Għandna naċċettaw lil kulħadd kif inhu jew jixtieq ikun u niċċelebraw l-għażliet tal-persuna
Għal dawn il-miljuni, l-irvellijiet ta’ Stonewall għad iridu jseħħu, il-bidla u t-tolleranza għad iridu jaslu. Ejja ma nkunux torox u għomja lejn il-bżonnijiet ta’ oħtna jew ħuna, minn pajjiżi oħra. Anzi ejja naraw kif inwasslu l-bxara t-tajba tat-tolleranza u l-ugwaljanza kull fejn inkunu. U jekk jiġu hawn għaliex huma ppersegwitati minħabba s-sesswalità tagħhom, ejja nilqugħhom b’idejna miftuħin.
U allura għalhekk hija inizjattiva brillanti dik tal-Malta Gay Rights Movement. Inizjattiva li permezz tagħha tlaqqagħna ma’ persuni trans li jmorru għax-xogħol jew l-univesrità jew li għandhom iż-żwiemel. L-inizjattiva TRANSformazzjoni tfakkarna illi lil hinn mill-identità tal-ġeneru persuna għandha l-ħajja tagħha, l-ambizzjonijiet tagħha, il-passatempi, il-passat, il-weġgħat u l-esperjenzi kollha tagħha.
Ejjew nammettu, fejn jirrigwarda persuni trans għad hawn ħafna injoranza u preġudizzju. Għadha meqjusa kważi tabù. U m’għandux ikun hekk. Għandna naċċettaw lil kulħadd kif inhu jew jixtieq ikun u niċċelebraw l-għażliet tal-persuna, għaliex huwa hekk biss li naċċertaw illi għandna soċjetà diversa li qed tgħix il-milja tagħha.
Kirjiet: Pass ’il quddiem
Din il-ġimgħa tħabbru l-bidliet li se jsiru fil-qasam tal-kirjiet. Nemmnu illi dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. Għall-ewwel darba fi snin twal hemm attentat ta’ regolazzjoni ta’ suq li ma kienx regolat. Sorpriżi kif kien hemm min qal li dawn il-proposti ma jagħmlux sens. Mela x’jagħmel sens? Li kulħadd jagħmel li jrid?
Imma nifhmu wkoll li f’proprjetà privata gvern ma jistax jindaħal kif ma jistax jindaħal direttament fis-suq. Jista’ jinċentiva, jista’ joffri skemi, jista’ jżid jew ibiddel il-format tas-sussidji iżda ma jistax jaqbad u jiddetta prezz
Nemmnu li nstab bilanċ fi kwistjoni taħraq li wara kollox titratta l-proprjetà tan-nies. Aħna nappoġġjaw u nagħtu, bħala gazzetta, l-għajnuna kollha meħtieġa lill-inkwilini, fil-fatt l-ILLUM hija l-aktar gazzetta u l-ewwel gazzetta li bdiet ittambar fuq dan is-suġġett kemm ilu l-PL fil-Gvern.
Imma nifhmu wkoll li f’proprjetà privata gvern ma jistax jindaħal kif ma jistax jindaħal direttament fis-suq. Jista’ jinċentiva, jista’ joffri skemi, jista’ jżid jew ibiddel il-format tas-sussidji iżda ma jistax jaqbad u jiddetta prezz.
Kieku kellu jagħmel hekk, filwaqt li vera kienu jorħsu l-kirjiet, kien ikollok xenarju fejn ħafna proprjetarji jneħħu l-proprjetà mis-suq. Konna mmorru minn problema kbira, għal oħra bil-wisq ikbar.
Dehra ġdida
L-ILLUM hija l-iżgħar gazzetta f’pajjiżna kif inhu l-iżgħar is-sit illum.com.mt.
Minkejja dan, fl-aħħar xhur inħass il-bżonn li nagħtu dehra ġdida lill-prodott tagħna u għalhekk qed inniedu s-sit illum.com.mt b’dehra kompletament ġdida.
Għażilna stil u struttura li huma ħafna iktar faċli għall-qarrejja tagħna b’kuluri friski u moderni.
Nirringrazzjaw lill-qarrejja tagħna, li qegħdin dejjem jiżdiedu, talli jipparteċipaw u jsostnu lill-gazzetta ILLUM u s-sit illum.com.mt. Inwegħduhom illi minkejja bidla fid-dehra l-ILLUM se tibqa’ gazzetta liberali, li tgħożż lill-ħaddiem, lill-pensjonant, lill-istudent, liż-żgħir, lin-negozjant u aktar li tgħin, kull fejn tista’, fil-progress tiegħu.