
Josef Florian Micallef | Viżjoni ġdida għal Manoel Island
'Manoel Island, li tinsab fil-qalba tal-port, b’veduti spettakolari tal-Belt Valletta u b’parti sostanzjali minnha li diġà hija mżewqa b’bosta siġar, tidher bħala soluzzjoni ovvja.'

Din il-ġimgħa ġiet imnedija l-petizzjoni parlamentari ta’ Manoel Island: Post Għalina, li qed issejjaħ sabiex il-gżira tintradd lura lill-poplu u tinbidel f’park storiku.
L-idea li Manoel Island ma tiġix midfuna taħt aktar bini u s-sit kollu jiġi minflok ittrasformat f’park ta’ 300,000 metru kwadu ilha tiġi proposta għal snin sħaħ. L-appell ta’ idea bħal din huwa evidenti. Madwar 150,000 persuna jgħixu fiż-żona tal-Port tat-Tramuntana. Il-Gżira, Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Imsida, u żoni fil-qrib, effettivament jikkostitwixxu belt kbira, u din iġġib magħha bosta benefiċċji u żvantaġġi. It-traffiku huwa wieħed minn dawn l-iżvantaġġi, bħalma huwa t-tniġġis, peress li n-nies li jgħixu f’dawn iż-żoni ftit li xejn għandhom spazju miftuħ fejn jirrilassaw u jieħdu arja nadifa. Manoel Island, li tinsab fil-qalba tal-port, b’veduti spettakolari tal-Belt Valletta u b’parti sostanzjali minnha li diġà hija mżewqa b’bosta siġar, tidher bħala soluzzjoni ovvja.
Ma nagħtux tort lill-MIDI — il-konsorzju ta’ kumpaniji li għandhom emfitweżi ta’ 99 sena biex jiżviluppaw madwar 400 appartament lussużi u diversi stabbilimenti kummerċjali fuq is-sit — jekk dawn jaħsbu li tali idea hija biss ħolma fiergħa, u waħda li tmur kontra l-interessi tagħhom stess. Madankollu, nemmen bis-sħiħ li dan mhux bilfors huwa l-każ.
Ejja nħarsu lejn il-fatti. MIDI ngħataw id-dritt li jiżviluppaw Manoel Island u Tigné Point lura fl-2000, wara negozjati twal li damu għaddejjin tul parti kbira tas-snin disgħin. Il-konċessjoni għaddiet mill-Parlament b’vot unanimu, u n-negozjati baqgħu għaddejjin tul il-bidliet kollha li seħħew fil-Gvern f’dak id-deċennju, tant li l-Ministru għall-Ambjent ta’ dak iż-żmien, Francis Zammit Dimech, kien saħansitra stqarr li l-kuntratt kien sar taħt tliet saltniet. Dan ifisser li dan il-ftehim sar kemm taħt gvernijiet Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti.
Il-kuntratt jistipula li “l-iżvilupp kollu għandu jitlesta sostanzjalment (85%) sal-31 ta’ Marzu tas-sena 2023,” b’dewmien permess sa tliet snin bil-kundizzjoni li jiġu mħallsa multi kbar ta’ kuljum. Fi kwalunkwe każ, id-dewmien huwa permissibbli biss sa tliet snin, bil-konċessjonant — jiġifieri l-Gvern Malti – ikollu d-dritt li minn hemm ’il quddiem jirrevoka l-konċessjoni fl-intier tagħha.
Fi kliem sempliċi: Il-MIDI għandhom sal-31 ta’ Marzu 2026 biex ilestu 85% tal-proġett kollu ta’ Tigné Point u Manoel Island. Wara dan, jistgħu jitilfu l-konċessjoni kollha.
Għaldaqstant, il-MIDI bħalissa qegħdin f’diskursati mal-Gvern Malti biex id-data ta’ skadenza tiġi estiża. F’dawn in-negozjati, jistgħu jibbażaw l-argument tagħhom fuq dispożizzjonijiet ta’ force majeure li jannullaw ir-responsabbiltà għal dewmien li jirriżulta minn avvenimenti jew ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħhom — argumenti li jafu jsibu xi rilevanza f’Kastilja.
Li huwa ċert hu li l-konċessjoni kollha bħalissa tinsab fi stat ta’ limbu. Filwaqt li n-negozju jixtieq iċ-ċertezza, ma hemm xejn ċert f’Manoel Island — grazzi wkoll għall-interess li l-UNESCO ħadet fil-proġett, li qed tqisu bħala theddida potenzjali għax-xefaq storiku tal-Belt Valletta.
Fid-dawl ta’ tali inċertezza, dawk l-azzjonisti tal-MIDI li l-memorja tagħhom kapaċi tmur lura fit-tul, jistgħu jiftakru rapport tal-aħbarijiet li kien ġie ppubblikat minn din il-gazzetta fl-2010. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien offra kumpens lill-MIDI biex iċekknu l-proġett ta’ Manoel Island. Għalkemm in-negozjati jidhru li ma kienu wasslu mkien, ta’ min ifakkar għalfejn dak iż-żmien il-MIDI kienu aċċettaw li jpoġġu madwar il-mejda tad-diskussjoni: “fuq il-bażi li tista’ tiġi identifikata soluzzjoni li ma tkunx ta’ detriment għall-interessi ta’ xi waħda mill-partijiet.”
Din ir-rieda notevoli li jikkunsidraw mill-ġdid il-proġett tagħhom stess ma kinitx xi ħaġa ta’ darba biss. Fl-2012, f’intervista li ħarset lejn diversi aspetti, il-President ta’ dak iż-żmien Albert Mizzi tefa’ l-ballun f’idejn il-Gvern u l-NGOs: “Jekk temmnu li Manoel Island għandha tiġi ‘salvata’ minn żvilupp li kontu xtaqtu snin ilu, aħna lesti li npoġġu u niddiskutu. Diġà investejna miljuni fil-Forti Manoel u bnadi oħra bħala parti mill-obbligi infrastrutturali tagħna, iżda jekk intom, f’isem il-kontribwenti tat-taxxa, lesti li tikkumpensawna għal dawn u għal spejjeż oħra li ma jistgħux jiġu rkuprati, aħna lesti li nitkellmu.”
Għaddew iktar minn għaxar snin minn dik l-intervista, u Manoel Island tinsab tista’ tgħid fl-istess stat bħal dak li kienet dak iż-żmien. Sadanittant, l-arloġġ qed itektek. Mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu, fadal sena u jum wieħed sakemm il-konċessjoni tista’ tiġi rrevokata għalkollox. Dan qed joħloq mument storiku għall-futur ta’ Manoel Island, li jagħti lilna, lill-pubbliku, il-kapaċità biex naġixxu, liema kapaċità qatt ma kellna f’dawn l-aħħar 25 sena u li qatt mhu se jerġa’ jkollna.
Huwa għalhekk li aħna — il-kampanja ta’ Manoel Island: Post Għalina — nedejna l-petizzjoni parlamentari, sabiex il-Gvern jingħata mandat b’saħħtu biex jinnegozja f’isem il-ġid pubbliku fit-taħditiet tiegħu mal-MIDI.
Ejja nkunu ċari: din mhix xi ħaġa ta’ aħna vs huma. Aħna ma nemmnux li negozjati ta’ importanza nazzjonali bħal din, li r-riżultati tagħhom se jirreżonaw għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għandhom ikunu logħba fejn il-benefiċċju ta’ wieħed jissarraf fit-telf tal-ieħor. Aħna ma rridux ħafna paroli mingħajr azzjoni, jew xi forma ta’ aggressività li toħloq lok għal azzjoni legali. Dak li rridu huwa negozjar ġust li jirrikonoxxi li Malta tal-2025 mhijiex Malta tal-2000. Malta tal-lum hija ferm differenti minn dik tal-1991, meta kien inħareġ l-ewwel brief tal-proġett.
Dak li rridu huwa park pubbliku kbir li jista’ jkun post sinifikanti li jirrappreżenta direzzjoni ġdida għall-futur ta’ Malta. Post fejn il-wirt storiku u n-natura jistgħu jeżistu f’armonija mal-viżitaturi tal-gżira, fejn il-valuri li għalina jiswew xi ħaġa, bħall-wirt storiku, il-familja u s-saħħa jkunu jikkaratterizzaw l-esperjenza li tista’ toffri Manoel Island, minflok l-interessi kummerċjali li jiddominaw kull fejn immorru.
Irridu nifhmu li din tista’ tkun l-unika opportunità tagħna biex insarrfu din il-ħolma f’realtà. M’hemm l-ebda ċans ieħor. Iffirma l-petizzjoni biex il-politiċi tagħna jkunu jafu xi trid għal Manoel Island. Xerridha kemm tista’, u agħmel volontarjat mal-kampanja tagħna jekk tista’. Għid lill-MPs tiegħek x’taħseb, u agħmilha ċara li jew issa jew qatt.
Dan huwa l-mument fejn jew se nerġgħu nieħdu lura Manoel Island, jew se nitilfuha għal dejjem.
Biex tipparteċipa f’din il-kampanja, żur www.manoelislandcampaign.com. Meta tiffirma l-petizzjoni parlamentari, huwa essenzjali li tivvalida l-firma tiegħek billi tiċċekkja l-emails tiegħek.