Dun Anġ Seychell | Darna qed taqbad
Greta Thunberg illum hi magħrufa mad-dinja kollha u s-sehem tagħha b’risq l-ambjent
L-inizjattiva tat-tifla Żvediża Greta Thunberg illum hi magħrufa mad-dinja kollha u s-sehem tagħha b’risq l-ambjent sar apprezzat minn ħafna nies fil-kontinenti kollha.
Iżda x’qalet lill-kbarat tad-dinja meta marret bil-ferrovija ġo Davos, fl-Iżvizzera mlaqqgħin fil-Forum Ekonomiku Dinji mhux daqshekk magħruf.
Deherli li jkun ta’ siwi jekk did-darba nġib silta mid-diskors li għamlet did-daqsxejn ta’ tifla quddiem dawk il-kbarat:
“Darna qed taqbad.
Qiegħda hawn biex ngħid, darna qed taqbad. Skont l-IPCC (Grupp Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima) ninsabu inqas minn 12-il sena bogħod milli ma nibqgħux kapaċi nikkoreġu l-iżbalji tagħna. F’dak iż-żmien tibdiliet ta’ qatt qabel fl-aspetti kollha tas-soċjetà jeħtieġ li jseħħu, fosthom tnaqqis ta’ mill-inqas 50% fl-emissjonijiet tas-CD2 tagħna.
U jekk jogħġobkom innotaw li dawn in-numri ma jinkludux l-aspett ta’ ekwità, li hu assolutament meħtieġ biex il-ftehim ta’ Pariġi jkun jista’ jiffunzjona fuq skala globali. Lanqas ma jinkludi ċerti konsegwenzi bħall-gass metanu qawwi ferm li ġej mis-silġ tal-Artiku li qed jinħall. F’imkejjen bħal Davos in-nies jieħdu gost jgħidu stejjer ta’ suċċess. Iżda s-suċċess finanzjarju tagħhom tħallas bi prezz li ma kienx maħsub. Fejn tidħol il-bidla fil-klima jkollna nammettu li fallejna. Il-movimenti politiċi kollha fil-għamla tagħhom hekk ġralhom, u l-media naqsu milli joħolqu kuxjenza pubblika wiesgħa.
Għad hemm ċans
Iva, qegħdin infallu , imma għad hemm ċans naqilbu kollox madwar. Għad nistgħu nirranġaw dan. Għad għandna kollox f’idejna. Iżda jekk ma nagħrfux il-falliment ġenerali tas-sistemi preżenti tagħna, wisq probabbli ma għandniex ċans.
Għandna quddiemna diżastru ta’ tbatijiet qatt mitkellma għal għadd enormi ta’ nies. U issa mhux iż-żmien li nitkellmu pulit jew nikkonċentraw fuq x’nistgħu jew ma nistgħux ngħidu. Issa hu ż-żmien li nitkellmu ċar. Is-soluzzjoni tal-kriżi hija l-isfida l-iktar kbira u l-iżjed ikkomplikata li l-bniedem modern qatt kellu quddiemu. Is-soluzzjoni ewlenija, però, hija hekk sempliċi li anke tifel żgħir jista’ jifhimha. Jeħtiġilna nwaqqfu l-ħruġ tal-gassijiet serer. Jew nagħmlu hekk jew ma nagħmlux. Intom tgħidu li fil-ħajja m’hawn xejn iswed jew abjad, iżda din hija gidba, gidba perikoluża. Jew nevitaw li l-klima tkompli tisħon b’1.5 grad iżjed jew le. Jew nevitaw li naslu għal reazzjoni kontinwa irriversibbli bla kontroll mill-bniedem jew le.
Jiddependi minnek jew minni
Jew nagħżlu li nissoktaw iċ-ċiviltà jew le. B’daqshekk issir għażla sewda jew bajda. M’hemmx naħiet griżi meta hemm fin-nofs nibqgħux neżistu jew le. Ilkoll għandna għażla. Nistgħu noħolqu azzjoni trasformattiva li tiżgura l-kondizzjonijiet ta’ ħajja għan-nisel li ġej. Jew nistgħu nissoktaw bix-xogħol tas-soltu u nfallu. Dan jiddependi minnek u minni.
Xi wħud jgħidu li ma għandniex nidħlu fil-parti attiva. Minflok imissna nħallu kollox f’idejn il-politiċi tagħna u sempliċiment nivvotaw għal bidla magħmula minnhom. Iżda x’nagħmlu meta ma jkunx hemm rieda politika? X’nagħmlu meta t-tibdil politiku meħtieġ ma jkun jidher imkien?
Il-kbar fl-età għadhom jgħidu: ‘Inħallu f’idejn iż-żgħażagħ biex jimlewhom bit-tama.’
Irridkom tippanikjaw
Iżda jiena ma rridx it-tama tagħkom. Ma rridkomx timtlew bit-tama. Jien irridkom tħossukom f’paniku. Irridkom tħossu l-biża’ li nħoss kuljum. Imbagħad inkun irridkom tieħdu passi.
Irridkom tieħdu passi bħallikieku tinsabu fi kriżi.
Irridkom tieħdu passi bħallikieku darna qed taqbad.
Għax tassew qed taqbad.
Dun Anġ huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth