Carmel Cacopardo | Eko-skola: iż-żerriegħa tal-futur
Eko-Skola hu programm globali li llum il-ġurnata jinvolvi 19.5 miljun tfal u żgħażagħ f’67 pajjiż
Li ninvestu fl-edukazzjoni ambjentali tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna hu l-aħjar investiment għax jagħti ħafna frott. Il-programm eko-skola, immexxi mill-għaqda ambjentali Nature Trust, hu wieħed minn dawn l-opportunitajiet ta’ utilità kbira. F’Malta, il-programm eko-skola ilu għaddej madwar sbatax-il sena. Bħala riżultat ta’ din il-ħidma, illum il-ġurnata 76 skola f’Malta ttajjar il-Bandiera l-Ħadra, simbolu ta’ għarfien ambjentali u ta’ determinazzjoni ambjentali. Dan hu investiment fil-futur tal-pajjiż li minnu għad irridu nieħdu ħafna frott.
Il-President Eżekuttiv ta’ Nature Trust, Vince Attard, meta kien qed jagħti bidu għaċ-ċerimonja ta’ din is-sena li fiha numru ta’ skejjel ingħataw il-bandiera l-ħadra minħabba l-miri ambjentali li laħqu, enfasizza li:
“Il-programm eko-skola hu strumentali biex jipprovdi lill-istudenti bl-għodda biex jgħinhom jaħsbu dwar l-ambjent madwarna u wara li jgħarblu dak li jaraw b’għajnejhom u jmissu b’idejhom jidentifikaw soluzzjonijiet u jwettquhom. Dan nistgħu nifhmuh aħjar meta llum naraw lill-ġenerazzjonijiet ż-żgħar li qed jargumentaw mal-mexxejja tal-pajjiż u jinsistu magħhom biex jaġixxu. Dan l-għarfien ambjentali qed jikber kontinwament. Iktar mal-mexxejja jagħtu kas tas-sejħiet tal-ġenerazzjoni żagħżugħa malajr iktar ikun possibbli li nibdew nirrimedjaw il-ħsara ambjentali, soċjali u ekonomika li qed issir. Biex nikkwota lit-tfal u liż-żgħażagħ infushom fl-aħħar Parlament EkoSkola: Flok toqogħdu tiggustawna, aħjar tisimgħuna ftit!”
Eko-Skola hu programm globali li llum il-ġurnata jinvolvi 19.5 miljun tfal u żgħażagħ f’67 pajjiż. Għal madwar 25 sena, eko-skola għenet lit-tfal u liż-żgħażagħ biex b’għarfien aħjar ambjentali jirrealizzaw li għandhom l-abbiltà li jindirizzaw l-isfreġju li hawn madwarna. L-abbiltà li akkwistaw ingħatat għarfien internazzjonali bil-bandiera l-ħadra ta’ eko-skola.
Il-programm Eko-Skola jiżviluppa l-ħiliet tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, iżid l-għarfien ambjentali, itejjeb l-ambjent tal-iskola u joħloq numru ta’ benefiċċji mhux biss għall-istituzzjonijiet edukattivi tagħna imma fuq kollox għall-komunità.
L-eko-skola, pemezz ta’ proċess edukattiv mifrux fuq seba’ passi, jimmira lejn bidla fl-istil tal-ħajja li ngħixu. Il-linji gwida li ġew ippubblikati dwar dan il-proċess edukattiv huma informattivi u ta’ għajnuna għal kull min hu involut.
L-ewwel pass huwa l-ħolqien ta’ ambjent ta’ demokrazija parteċipattiva fl-iskejjel tagħna. Taħt it-tmexxija tal-istudenti, dawk kollha effettwati huma inkoraġġuti biex jinvolvu ruħhom. Bl-għajnuna tal-edukaturi, l-istudenti jidentifikaw l-impatti ambjentali ta’ madwarhom li jeħtieġ li jkunu indirizzati. Dan jagħmluh flimkien ma’ dawk affettwati. Permezz tal-programm eko-skola, l-istudenti huma mħarrġa biex jaħsbu, jiddiskutu u mbagħad jikkonkludu x’għandu jsir u jwettquh.
Il-lista tal-inizjattivi li ttieħdu fl-iskejjel tagħna bħala riżultat tal-programm eko-skola hi waħda impressjonanti. Ittieħdu diversi inizjattivi fosthom dwar l-ilma, l-iskart u r-riċiklar, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-apprezzament tal-wirt storiku u bosta oħrajn. Dak li jitgħallmu l-istudenti bħala riżultat tas-sehem tagħhom fil-programm eko-skola jeħduh magħhom fid-dar fost il-familji tagħhom u fis-soċjetà. B’hekk l-impenn ambjentali jkompli joktor.
L-edukazzjoni ambjentali tmur lil hinn minn apprezzament u rispett tan-natura. In-natura mhix maqtugħa għaliha, iżolata li naħsbu dwarha waqt il-mixjiet fil-kampanja. Tikkonċerna wkoll l-istil tal-ħajja tagħna.
Bħala riżultat tal-edukazzjoni ambjentali li l-programm eko-skola qed jipprovdi lill-istudenti tagħna, il-ġenerazzjoni żagħżugħa qed titħarreġ u titgħallem li bosta mill-ħsara ambjentali tista’ tkun evitata, inkella tista’ tkun irrimedjata kemm-il darba jkun hemm impenn da parti ta’ kull wieħed u waħda minna. Qed jitgħallmu li huma jistgħu jkunu aġenti tal-bidla tant meħtieġa biex inwaqqfu u eventwalment nirrimedjaw il-ħsara ambjentali akkumulata.
Din hi ż-żerriegħa għal futur aħjar!
Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika