Dun Ang Seychell | L-Amażon; il-pulmun tad-dinja

Għaliex ix-xmara Amażon tissejjaħ il-pulmun tad-dinja? 

Għaliex ix-xmara Amażon tissejjaħ il-pulmun tad-dinja? Din ix-xmara tgħaddi minn 9 pajjiżi tal-Amerika t’Isfel. 60% tagħha tgħaddi mill-Brażil, imma tgħaddi wkoll mill-Bolivja, mill-Perù, mill-Ekwador, mill-Kolombja, mill-Venezuela, mill-Gujana, minn Surinam u mill-Gujana Franċiża.

B’kollox tofroq 5.5 miljuni kilometru kwadru.

Għaliex bdiet tissemma fl-aħbarijiet?

Matul l-2019 seħħew 70,000 ħruq fil-foresti tagħha, 70,000 ħruq li fihom inqerdu nofs miljun siġra, 45% iżjed milli nqerdu fl-2018.

Jixhed Carlo Petrini, fundatur u president tal-organizzazzjoni Slow Food, li kien mistieden biex jieħu sehem attiv fis-sinodu dwar l-Amażonja li sar tul iż-żmien bejn is-6 t’Ottubru u s-27 t’Ottubru f’Ruma.

Lejlet il-ftuħ tas-Sinodu, Pertini, stqarr li “matul l-aħħar sentejn il-qerda tal-foresta żdiedet f’livelli enormi u kebbset ir-regħba tal-ftit”.

Għaliex qed iseħħ dal-ħruq kollu fl-Amażonja?

Ma tistax ma tilmaħx fih pjan politiku u ekonomiku bil-għan li jinkisbu artijiet ġodda għall-kultivazzjoni agrikola u jkunu sfruttati r-riżorsi minerali tat-territorju.

Slow Food

Slow Food Brażil, ħadet pożizzjoni ċara ħafna kontra l-Gvern tal-President Bolsonaro, li ma wera l-ebda rispett lejn il-wirt li jinsab fl-Amażonja.

U Petrini jfakkar li dan l-isfruttament tal-foresta Amażonika mhu se jkun ta’ ebda benefiċċju tal-klassijiet l-iżjed foqra, kif qed iħambqu ċerti propogandisti imma biss jissodisfa r-regħba tal-ftit u għalhekk Petrini wissa lill-komunità internazzjonali li ma tistax tikkuntenta bil-protesti: “jekk l-Amażonja hija pulmun tal-Umanità jeħtieġ toħroġ tiddefendih, billi toffri r-riżorsi meħtieġa.”

L-ilma li hemm fil-foresta tinsab avvelenata. 64,000 miljun ta’ ilmijiet tossiċi jħammġu x-xmajjar fejn in-nisa jaħslu l-ħwejjeġ u jġibu l-ilma biex isajru.

Hemmhekk l-irġiel jistadu u t-tfal jgħumu bir-riżultat li din il-parti tad-dinja għandha l-akbar inċidenza ta’ tumuri meta tqis l-għadd ta’ abitanti, kif hemm iddokumentat fi studju tal-2016 li sar mill-organizzazzjoni UDA PT flimkien mal-Klinika Ambjentali Svizzera CSSR.

Paolo Fajardo

Skont Pablo Fajardo, li twieled qrib wieħed mill-bjar taż-żejt, li jgħoddu 365 wieħed, li jgħaddi ħajtu jiddefendi l-jeddijiet tal-popolazzjoni Amażonika: “kull sena qed ikun hemm 200 każ ġdid ta’ kanċer li jolqot l-iżjed lin-nisa għax huma l-iżjed li jużaw l-ilma; minn kull 4 każijiet ta’ kanċer, tlieta huma nisa”.

Bil-ħila ta’ Fajardo u membri oħra tal-komunità indiġena, id-ditta Amerikana Chevron Texaco ttellgħet il-Qorti mixlija bil-ħsara ambjentali.

Minkejja s-sentenza favorevoli għall-każ tal-ambjentalisti, li kkundannat lid-ditta Chevron - Texaco biex tħallas lill-vittmi s-somma ta’ $9.5 elf miljun, id-ditta multinazzjonali qatt ma waslet biex tħallas dejnha.

Il-Knisja

Il-Knisja Kattolika laqqgħet Sinodu speċjali għall-Amażonja li fih ħadu sehem 184 membru sinodali u dawn tkellmu mhux biss dwar it-tibdiliet fil-klima u l-qerda tal-foresta, imma wkoll kif in-nies tal-foresta jkunu moqdija permezz ta’ nies ta’ fidi soda li jistgħu jkunu ordnati ministri li jagħtu garanzija ta’ mill-inqas il-Quddiesa tal-Ħadd lill-popolazzjoni f’territorji wiesgħa li għadhom qed jibqgħu xhur sħaħ mingħajr Ewkaristija. Saret anke diskussjoni kif in-nisa jkunu jistgħu jingħataw id-djakonat li bħalissa huwa riservat lill-irġiel.

Il-Papa jidher imħeġġeġ ħafna għal dan is-Sinodu u qed jagħmel sejħa għal dik il-“prudenza kuraġġuża” biex biha timxi l-Knisja fl-Amażonja b’dak in-nar t’Alla li jaħraq bla ma jikkonsma.

Taw sehem importanti, il-Kardinal Brażiljan Hummes u l-Kardinal Afrikan Turkson. Il-Papa awgura li s-Sinodu jsib triqat ġodda ta’ evanġelizzazzjoni “għal dik il-parti tal-poplu t’Alla, imċaħħdin minn prospettivi ta’ ġejjieni seren anke minħabba l-kriżi tal-foresta Amażonika, pulmun tant importanti għad-dinja tagħna kollha”.

Mhux ta’ b’xejn das-Sinodu kien taħt il-patroċinju ta’ San Franġisk t’Assisi, li għandu l-Kantiku tal-Ħolqien!

Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta’ Dar Nazareth

More in Socjali