Dun Anġ Seychell | Meta xjenzat ateu skopra l-eżistenza t’Alla
Dun Anġ Seychell huwa l-fundatur ta' Dar Nazareth
Anthony Flew kien xjenzat ateu, ma jemminx fl-eżistenza t’Alla. Kien konvint li x-xjenza u l-idea t’Alla ma joqogħdux flimkien.
Hekk kien jgħid u hekk kien konvint tul 50 sena ta’ glorja akkademika.
mma fid-9 ta’ Diċembru 2004, waqt laqgħa internazzjonali fi New York, ix-xjenzat u filosfu Ingliż li kien wasal fil-għomor ta’ 80 sena ħasad lid-dinja xjentifika meta ddikkjara pubblikament li huwa konvint b’mod ċert bl-eżistenza t’Alla u li wasal għal dil-konvinzjoni għal motivi esklussivament xjentifiċi: “I now believe there is God” u spjega l-proċess li bih wasal biex jiskopri l-eżistenza ta’ Alla: “L-iskoperta tiegħi ta’ Alla kienet skoperta ġejja mir-raġuni u mhux mill-fidi. Ebda leħen ma smajt. Kienet l-istess evidenza li wasslitni għal din il-konklużjoni”.
Riżultat tad-DNA
Biex jiġġustifika l-bidla drastika tal-fehma tiegħu bħala xjenzat u filosfu, Flew għamel riferenza għall-iskoperta rivoluzzjonarja u xjentifika tad-DNA. Huwa stqarr li “bilfors li wieħed ikollu jistqarr li teżisti intelliġenza li ħolqot, ifformulat u ġabret it-tagħrif kollu li jinsab fid-DNA f’sekwenza ġusta. Mingħajr il-ħtieġa ta’ diskussjoni bilfors li jrid ikun hemm xi ħadd illi ta lill-materja ċassa u għamja l-liġijiet loġiċi u matematiċi li b’mod meraviljuż imexxu l-iżvolġiment tal-ħajja kemm fil-livell infinitament ċkejken u infinitament kbir.
Hu jippreċiża: “Li tistqarr li l-ħajja dehret f’sensiela ta’ okkażżjonijiet iffortunati, ibbażati fuq il-kumbinazzjoni jew tibdiliet aċċidentali li ġraw fil-kodiċi ġenetiku u bbażati fuq il-ħtieġa li dawn it-tibdiliet kienu meħtieġa, kif qal Jacques Monod fil-ktieb tiegħu l-Kumbinazzjoni u l-Ħtieġa qisek qed tgħid li minn splużjoni ta’ stamperija tagħmel dizzjunarju ta’ 20,000 kelma. Ma ninsewx il-moħħ tal-bniedem li bil-bosta hu oġġett fiżiku l-iżjed ikkomplikat magħruf minna fid-dinja kożmika”.
Ma qabilx ma’ Monod
Flew ma qabilx ma’ Monod u sejjaħ it-teżi ta’ Monod bħala “sforz komiku” biex ma jammettix l-eżistenza ta’ intelliġenza organizzattriċi tad-dinja.
U żied jgħid: “Jekk dan hu l-aħjar argument fuq das-suġġett, allura l-kwistjoni hi magħluqa.
Il-Griegi kienu jsejħu LOGOS ir-raġuni kollha li hawn fl-univers.”
Imma għal San Ġwann il-LOGOS hi l-intelliġenza jew Kelma t’Alla li ħolqot l-univers. Hija l-istess Kelma li “saret bniedem u ġiet tgħammar fostna”
L-iskoperta l-oħra
Barra mill-intelliġenza li huwa ALLA, San Ġwann jisħaq li hemm il-ħtieġa ta’ skoperta oħra, l-iskoperta tal-imħabba t’Alla.
Dak li permezz tiegħu saru l-ħwejjeġ kollha sar Wieħed minna biex jirrivelalna l-ħniena tal-Missier.
Il-fidi ma tfissirx biss temmen fl-eżistenza tiegħu, imma tfisser ukoll tiltaqa’ miegħu, tilqa’ l-imħabba tiegħu u tħalli lilek innifsek tisfa trasformat minnu.
Alla mhux biss kwistjoni filosofika imma wkoll kwistjoni ta’ ħajja .
Nerġgħu niġu għal dak li seħħ fit-twemmin ta’ Anthony Flew b’riżultat tal-iskoperta tad-DNA fis-seklu 19, skoperta rivoluzzjonarja minn James Watson u Francis Crick.
Fid-DNA hemm miġbura l-wirt ġenetiku sħiħ tal-bniedem.
Dan il-wirt qed jgħajjat f’kull ċellula tiegħu li aħna ninsabu f’univers għaref li f’kull parti tiegħu jeżisti ħsieb jew proġett organizzattiv distint mill-materja. Kienet din l-iskoperta li wasslet lix-xjenzat Anthony Flew għall-iskoperta intelliġenti u xjentifika tal-preżenza t’Alla u biha waqgħet għalkollox it-teorija li x-xjenza u l-fidi ma jistgħux joqogħdu flimkien.
L-iskoperta tad-DNA ta’ kull persuna toffri l-okkażżjoni eċċellenti kif tfiehem lit-tfal kif titkellem illum magħhom dwar Alla.
Bħalma qal Luciano Verdone fir-rivista Famiglia Christiana, “ kieku kelli nitkellem dwar Alla ma’ tifel, kont nirrikorri għall-iskoperta l-iżjed rivoluzzjonarja u xjentifika tas-seklu 19, dik tad-DNA.”
Hija prova l-iżjed konvinċenti ta’ kemm ix-xjenza u t-teoloġija joqogħdu flimkien u li waħda tista’ twassal għall-oħra fil-qasam tar-raġuni u dik tal-fidi.