Renee Laiviera | Tolleranza Żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili

'L-FGM hija ksur tad-drittijiet umani tal-bniet u n-nisa. Għaldaqstant, jeħtieġ li nkomplu nqajmu iktar kuxjenza'

"Kelli biss 10 jew 11-il sena, meta missieri ddeċieda li jgħaddini miċ-ċirkonċiżjoni femminili. Kont ħa nsir il-ħames mara ta’ raġel ta’ 70 sena. Tkellimt mal-għalliema tal-klassi tiegħi u hi infurmat lill-pulizija. Sagħtejn biss qabel iċ-ċerimonja, ġew il-pulizija u ħaduni,” tirrakkonta Purity Soinato Oiyie li kienet l-ewwel tfajla fir-raħal tagħha li qalet le għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (FGM).  

Fl-2021, 4.16-il miljun tifla madwar id-dinja kienu f'riskju li jgħaddu minn FGM.  L-FGM tikkonsisti mill-proċeduri kollha li jinvolvu t-twettiq ta’ operazzjoni jew intervenzjoni għat‑tneħħija parzjali jew totali tal‑organi ġenitali femminili esterni jew ħsara permanenti oħra lill-organi ġenitali femminili għal raġunijiet mhux mediċi.  

Ġeneralment, l-FGM issir minn mara anzjana fi ħdan il-komunità li tkun imqabbda twettaq din il-prattika fuq numru ta’ bniet. Il-proċedura nnifisha hi trawmatika u ħafna drabi mhijiex iġjenika peress li l-għodod li jintużaw biex titwettaq il-proċedura ma jkunux sterili. F’xi pajjiżi, l-FGM issir fi kliniċi, u filwaqt li f’dawn il-każijiet, ir-riskji min-nuqqas ta’ iġjene huma inqas, ir-riskji l-oħra kollha assoċjati mal-FGM jibqgħu hemm. Skont il-Fond għall-Popolazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNFPA) l-FGM hija pprattikata għal raġunijiet soċjoloġiċi, kulturali, reliġjużi, psikosesswali, soċjo-ekonomiċi, kif ukoll minħabba raġunijiet estetiċi u ta’ iġjene. 

“Kienet deċiżjoni diffiċli, imma ninsab kuntenta għax ma naħsibx li d-dħul li naqla’ mill-FGM jista’ jagħmilni iktar ferħana mill-fatt illi l-bniet ma jgħaddux miċ-ċirkonċiżjoni femminili,” tispjega Amina Abdu, ta’ 59 sena, li pprattikat l-FGM għal aktar minn għoxrin sena fir-Reġjun Afar fl-Etjopa.  

Hekk kif Abdu tgħallmet dwar il-konsegwenzi tal-FGM permezz ta’ kampanji ta’ għarfien mill-Fond Ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rispons f'Emerġenza (CERF), hija fehmet kif din il-prattika tista’ tkun ta’ detriment għan-nisa u l-bniet. Għaldaqstant, Abdu ddeċidiet li toqgħod lura milli tkompli din il-prattika minkejja li din kienet is-sors ewlieni tal-għajxien tagħha. L-FGM tikkawża ħsara dejjiema u tista' saħansitra tkun fatali.  

Fil-fatt l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (l-WHO) tisħaq li l-FGM m'għandha l-ebda benefiċċji għas-saħħa, u toħloq kumplikazzjonijiet fuq żmien qasir bħal uġigħ qawwi, xokk, emorraġija potenzjalment fatali, tetnu u diversi infezzjonijiet.  Kumplikazzjoniiet fit-tul jinkludu infertilità u forom oħra ta’ ħsara fis-sistema riproduttiva,  infezzjonijiet fil-kliewi, riskju ta’ kumplikazzjonijiet fit-tqala u t-twelid tat-trabi u riskju akbar ta’ mewt għat-trabi tat-twelid, dipressjoni u ansjetà fost oħrajn.  

Huwa propju fil-kuntest ta’ dan kollu illi s-6 ta’ Frar jiġi mfakkar ta’ kull sena minn Nazzjonijiet Uniti bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Tolleranza Żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili -  il-jum li fih titqajjem kuxjenza biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa u l-bniet.  

Fuq livell Ewropew, il-kwistjoni tal-FGM ġiet indirizzata minn istituzzjonijiet differenti. Fi Frar 2020, il-Parlament Ewropew approva riżoluzzjoni ġdida għal strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha, waqt li l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (l-EIGE) ħareġ numru ta’ studji u rakkomandazzjonijiet għall-istati membri. Fil-fatt, fl-2018, l-EIGE rrakomandat li Malta għandha tadotta sistema tal-ażil sensittiva għas-sessi, tqajjem sensibilizzazzjoni, timplimenta strateġija ta’ prevenzjoni nazzjonali, toħloq u timplimenta politiki mal-komunitajiet, toħloq spazji sikuri għal diskussjonijiet miftuħa, twettaq stimi tar-riskji regolari b’data aktar affidabbli u tipprovdi servizzi ta’ appoġġ multidixxiplinarji u tħarreġ lill-professjonisti, fost oħrajn.  

F’Malta, bejn Jannar 2015 u Diċembru 2019 ma kien hemm l-ebda rapport lill-Pulizija marbuta ma’ FGM. Fil-fatt persuna li tinstab ħatja ta’ twettiq jew għajnuna għat-twettiq ta’ FGM hi soġġetta għal priġunerija ta’ bejn tlieta u disa’ snin. Persuna li tinstab ħatja ta’ FGM li tikkawża l-mewt tal-vittma hi soġġetta għal priġunerija ta’ bejn erbgħa u għoxrin sena. Kwalunkwe persuna li tonqos milli tipprova tevita l-FGM tista’ teħel multa ta’ bejn €1,000 u €5,000. 

Fl-2015, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (l-NCPE), ippubblikat riċerka dwar l-FGM f’Malta bħala parti minn proġett ko-finanzjat mill-UE ‘Forms of violence in Malta - a gender perspective’. Din ir-riċerka tat ħarsa lejn il-bżonnijiet tan-nisa li diġà esperjenzaw l-FGM, flimkien mal-bżonnijiet ta’ dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa lil dawn in-nisa.   

Abbażi ta’ din ir-riċerka, ġew żviluppati żewġ fuljetti, wieħed għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa u l-ieħor għan-nisa migranti. Il-fuljetti fihom informazzjoni ġenerali dwar l-FGM bħar-riskji li jiġu ma’ tali proċedura, fejn issir l-aktar u l-leġislazzjoni f’Malta vis-à-vis l-FGM. Barra minn hekk, il-fuljetti jinkludu wkoll azzjonijiet li jistgħu jittieħdu sabiex titwaqqaf prattika bħal din f’Malta, bħal rappurtar ta’ kwalunkwe każ magħruf ta’ FGM lill-awtoritajiet. 

L-FGM hija ksur tad-drittijiet umani tal-bniet u n-nisa. Għaldaqstant, jeħtieġ li nkomplu nqajmu iktar kuxjenza mhux biss dwar l-FGM iżda wkoll dwar forom differenti ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u nieħdu iktar azzjoni sabiex din il-vjolenza tieqaf.  

Għal aktar informazzjoni tista’ tagħmel kuntatt mal-NCPE fuq 2276 8200 jew billi tidħol fuq il-websajt www.ncpe.gov.mt 

More in Socjali