Ivan Castillo | Kundizzjonijiet, Drittijiet u xogħol
Il-Partit Nazzjonalista u l-midja indipendenti ilhom snin jiktbu u jitkellmu dwar dawn il-ħaddiema, fejn hemm kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi u kuntratti tax-xogħol (jekk ikollhom) li ġew ikkritikati. Kellna wegħdiet minn żewġ Ministri Laburisti li l-kwistjoni kienet se tkun indirizzata, u għadna nistennew
Din hija t-tema ta’ kampanja li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iniedi sabiex jiġu studjati u tittieħed azzjoni dwar il-problemi li jeżistu fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna bil-għan li jiġu indirizzati għall-ġid tal-impjegati u min iħaddimhom.
Il-Gvern Laburista għal diversi snin naqas milli jindirizza l-problema li qed iħabbtu wiċċhom magħha dawk il-ħaddiema li qed insejħulhom bħala platform jew Gig workers, bħal xufiera tat-taxi, carers u xufiera tad-deliveries tal-ikel u ħaddiema domestiċi fost oħrajn, hekk kif ġie spjegat li dawn qed jaħdmu fuq bażi ta' skjavitù moderna.
M'għandix dubju li dawk kollha li jaqraw dan l-artiklu jafu għal liema ħaddiema qed nirreferi. Il-Partit Nazzjonalista u l-midja indipendenti ilhom snin jiktbu u jitkellmu dwar dawn il-ħaddiema, fejn hemm kundizzjonijiet tax-xogħol, pagi u kuntratti tax-xogħol (jekk ikollhom) li ġew ikkritikati. Kellna wegħdiet minn żewġ Ministri Laburisti li l-kwistjoni kienet se tkun indirizzata, u għadna nistennew.
L-Unjoni Ewropea ħadet f’idejha r-responsabilità li toħloq direttiva biex tiżgura li l-istati membri kollha jindirizzaw din il-problema. Din id-direttiva EU 2019/1152 - li tissejjaħ Il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Trasparenti u Prevedibbli - kellha tiddaħħal fil-liġi Maltija sal-1 ta’ Awwissu ta’ din is-sena. Tajjeb li tkunu tafu lkoll li d-direttiva ma waqgħetx f'ħoġor il-Gvern ftit ġimgħat qabel l-iskadenza, iżda ilha għandu mill-2019, jiġifieri tliet snin sħaħ!
Iva, il-Gvern kellu tliet snin biex jara kif jista’ jintegra din id-direttiva fil-liġi maltija, u mhux biss ma għamilhiex fil-ħin, talli qabel iż-żmien mogħti mill-Unjoni Ewropea għadhom ma introduċewhiex! Għadna nistennewha!
Biex tkun ċara għal kulħadd, din id-direttiva tipprovdi drittijiet aktar estensivi u modernizzati għall-ħaddiema kollha fl-UE, b'mod partikolari tindirizza protezzjoni insuffiċjenti għall-ħaddiema f'impjiegi aktar prekarji, filwaqt li tillimita l-piż fuq min iħaddem u żżomm il-flessibbiltà biex tadatta għal suq tax-xogħol li qed jinbidel.
Id-Direttiva tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ diversi prinċipji fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u tibdilhom f’realtà konkreta għal eluf ta’ ħaddiema f’Malta u stati membri oħra. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-prinċipju Ħamsa tal-UE dwar impjieg sigur u adattabbli u l-prinċipju Sebgħa tal-UE, dwar l-informazzjoni li titratta l-kundizzjonijiet tal-impjieg.
U x'jiġri jekk Malta ma timplimentax id-direttiva fil-ħin?
Jekk l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jimplimentaw kif suppost il-liġijiet tal-UE, il-Kummissjoni tista' tniedi proċedura formali ta' ksur kontra l-pajjiż inkwistjoni. Jekk il-kwistjoni ma tkunx għadha solvuta, il-Kummissjoni tista' eventwalment tirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Din id-direttiva li kellha tiġi implimentata mill-Gvern fil-liġi Maltija tindirizza dak li hu magħruf bħala Zero hour contracts.
Dawn x'inhuma, forsi tistaqsi?
Zero hour contracts huma kuntratti fejn min iħaddem m’għandux għalfejn jipprovdi xogħol regolari għall-impjegat, iżda l-impjegat irid ikun on call f’każ li jkun meħtieġ biex jaħdem. Dawn il-kuntratti jitqiesu bħala xogħol prekarju, xi ħaġa li l-Gvern wiegħed li se jeqred fil-manifest elettorali tiegħu tal-2013. F'paġna 42 f'punt 15 il-Partit Laburista wiegħed li jeradika tip kull ta' xogħol prekarju. Għaddew kważi 10 snin u mhux talli ma qridniex prattċi ta’ xogħol prekarji imma l-Gvern lanqas biss qiegħed jimplimenta id-direttiva tal-UE li, suppost nwettqu jekk tassew irridu neqirdu realtajiet prekarji bħal dawn il-kuntratti.
Imma din il-firxa wiesgħa ta’ konsultazzjoni li l-PN se jkun qed iwettaq mal-imsieħba soċjali, NGOs u professjonisti fis-settur tal-impjiegi, mhux se tkun ibbażata fuq dan biss, imma wkoll fuq diversi lakuni fl-att dwar ir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi, liġijiet li issa huma skaduti, m’għadhomx relatati u lanqas jikkorrispondu għall-ambjent ekonomiku tal-lum.
Xi eżempji ta' dan huma: It-tiġdid tal-Wage regulation orders il jistabbilixxi d-drittijiet minimi bażiċi tal-ħaddiema f'diversi impjiegi. Dawn ilhom snin imwiegħda minn dan il-Gvern u sal-lum ma sar xejn. Hemm bżonn ta’ Wage regulation orders ġodda biex jikkumpensaw għal impjiegi ġodda, bħal dik tal-ħaddiem tal-pjattaforma.
It-tiġdid tat-tribunal industrijali, fejn każi bħal dak tat-tkeċċija mix-xogħol suppost jieħdu xhur, imma minflok qed jieħdu s-snin biex jiġu ffinalizzati. Dan għad-detriment ta’ min iħaddem u l-impjegati li qed jistennew ġustizzja. Għalhekk se nidentifikaw kif dan it-Tribunal jista' jsir aktar indipendenti, effiċjenti u li jkollu rwol aktar permanenti u nesploraw il-possibiltà ta' arbitraġġ indipendenti biex jgħin inaqqas il-backlog tat-tribunal industrijali.
Qed nipproponu wkoll awtorità ddedikata għall-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali, li tista' toħloq aktar ċertezza u stabbiltà fuq lakuni u suġġettività li jeżistu. Li tgħin lil min iħaddem, tista’ tħajjar investituri potenzjali u aktar impjiegi b’valur miżjud, fejn nistgħu nagħtu direzzjoni uffiċjali lill-partijiet interessati.
U finalment qed nipproponu wkoll l-identifikazzjoni u titjib ta' liġijiet li għal snin sħaħ baqgħu staġnati, u jibqgħu jkunu ta' sfida għal dawk li jistħoqqilhom ġustizzja immedjata.
Dawn il-bidliet tant meħtieġa se jkunu ta’ benefiċċju għall-ħaddiema u min iħaddem biex joħolqu linji gwida aktar ċari u aktar paċi Industrijali, aktar produttività, titjib fil-kompetittività u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. Sitwazzjoni fejn kulħadd jibbenefika.
Min iħaddem se jkollu kapaċità akbar li jbassar u jippjana hekk kif liġijiet jkunu aktar ċari aktar adattabbli għall-ħtiġijiet tal-lum, fejn jipprovdu stabbiltà u joħolqu aktar opportunitajiet.
Bil-proposti tal-Partit Nazzjonalista l-impjegat se jibbenefika minn ugwaljanza akbar fejn illum ma teżistix bħal per eżempju bil-leave tal-luttu, il-leave taż-żwieġ u l-leave tal-mard li llum huma different, għal setturi differenti tax-xogħol.
Matul dawn l-aħħar sitt xhur bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u Marittimu, smajt lil min iħaddem u ħaddiema, kelli l-privileġġ li nisma’ l-istejjer tagħhom ta’ inġustizzji li esperjenzaw. Fejn liġijiet dwar ir-relazzjonijiet industrijali u l-impjiegi ħadem kontrihom. Fejn sofrew inġustizzja minħabba lakuni fil-liġijiet tax-xogħol tagħna, minflok ħadu l-ġustizzja li kien ħaqqhom!
Dan kollu qed iseħħ għax ma addattajniex għall-bżonnijiet tal-industrija, għax ittitubajna biex nagħmlu dak li kien hemm bżonn isir. Irridu nkunu kuraġġużi, ma nistgħux nibżgħu nagħmlu l-bidliet li ilhom imwiegħda. Li ma nagħmlu xejn mhix għażla, irridu nsibu dak li jeħtieġ jinbidel u nibddluh, irridu nidentifikaw prattiki ta’ xogħol tajbin u nippruvaw nagħmluhom aħjar.
Irridu naraw dak li ħaddieħor naqas milli jagħmel nagħmluh aħna.
Għalhekk nistiednu lil dawk kollha li ma jibżgħux mill-bidla biex jingħaqdu magħna u jkunu l-katalist tal-bidla, biex ntejbu il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.